Triq Imdina, Rabat u Triq Imdina, Attard – imwiet reġistrati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu reġistrati mwiet fuq it-toroq Triq l-Imdina, Rabat u Triq l-Imdina, Attard?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li matul il-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Mejju 2018, ma ġew reġistrati ebda mwiet fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard. Infurmat li ma hemm l-ebda triq bl-isem ta’ Mdina Road, Rabat u għalhekk mis-sistema tal-Pulizija ma nstabet l-ebda referenza għal xi inċidenti tat-traffiku li seħħew fit-triq imsemmija.
Triq Imdina, Rabat u Triq Imdina Attard – inċidenti tat-traffiku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu reġistrati inċidenti tat-traffiku fuq it-toroq Triq l-Imdina, Rabat u Triq l-Imdina, Attard?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Mejju 2018, il-pulizija rreġistrat u rrikorriet fuq tlieta u disgħin (93) inċident tat-traffiku fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard. Il-figura msemmija ma tinkludix kollużjonijiet ‘Front to Rear’ u inċidenti oħra li kienu referuti lill-Gwardjani Lokali. Infurmat li ma hemm l-ebda triq bl-isem ta’ Mdina Road, Rabat u għalhekk mis-sistema tal-Pulizija ma nstabet l-ebda referenza għal xi inċidenti tat-traffiku li seħħew fit-triq imsemmija.
Ħal Farruġ – Triq Ħal Qormi – stallazzjoni ta’ zebra crossing
Question
Jista' l-Ministru jara li terga' tiġi stallata ż-zebra crossing fi Triq Ħal Qormi f'Ħal Farruġ peress li din tneħħiet meta sar ix-xogħol infrastrutturali fir-roundabout li tgħaqqad din it-triq ma' Triq l-Ingiered u Triq Ħal Farruġ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żebra crossing fi Triq Ħal Qormi f'Ħal Farruġ għadha ma ġietx installata minħabba li l-asfalt ma sarx ta’ kwalità tajba u għaldaqstant sa jkollu jerġa' jinqala’ mill-kuntrattur a spejjeż tal-istess kuntrattur.
Komunikazzjonijiet bejn il-Gvern u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar każ ta’ individwu
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'komunikazzjonijiet kellu s'issa l-Gvern Malta mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-każ li jinsab pendenti quddiem il-Qrati Amerikani dwar l-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninsab infurmat li rigward l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbgħatu separatament ma kien hemm l-ebda komunikazzjoni minn u/jew lill-Ambaxxata Maltija.
Awtorità tal-Ippjanar — Floor Area Ratio – applikazzjonijiet pendenti
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-applikazzjonijiet li jinsabu pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini abbażi ta' dak li tipprovdi l-Floor Area Ratio (FAR) policy? Jista' l-Ministru jgħid għal kull waħda mill-applikazzjonijiet f'liema stadju wasal il-proċess quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (BORG, IAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6499, l-Awtorità tal-Ippjanar għandha quddiema 14-il applikazzjoni relatati ma’ żvilupp li jinvolvi l-Floor Area Ratio. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista ta’ dawn l-applikazjonijiet bl-informazjoni hekk kif mitluba mill-Onor. Interpellant.
Ċittadinanza — Persuni li għandhom ċittadinanza oħra
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid fil-preżent kemm huwa n-numru ta' persuni li għandhom ċittadinanza oħra apparti dik Maltija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab nfurmat illi t-Taqsima taċ-Ċittadinanza m’għandha l-ebda mezz li tkun taf kemm persuni Maltin għandhom ċittadinanza jew ċittadinanzi ta’ pajjiżi oħrajn apparti dik Maltija. Dan minħabba l-fatt illi mill-10 ta’ Frar, 2000 minn meta Malta bdiet taċċetta iċ-ċittadinanza doppja, dawk il-persuni kollha li għażlu li jsiru ċittadini ta’ pajjiż jew pajjiżi oħra, ma baqgħux obbligati li jinfurmaw li saru ċittadini ta’ tali pajjiż jew pajjiżi lill-awtoritajiet Maltin. Għaldaqstant, peress li dan l-obbligu fuq dawn il-persuna spiċċa, ma baqax aktar possibli li jinżammu dawn il-figuri.
Għawdex — Direttiva fl-iskejjel primarji biex jingħaqdu
Question
Jista’ l-Ministru jgħidilna jekk ħarġitx direttiva fl-Iskejjel Primarji t’Għawdex biex il-klassijiet fejn hemm aktar minn klassi waħda f’kull grupp ta’ kwalunkwe sena partikolari, jingħaqdu?Jekk dan huwa minnu, jista’ l-Ministru jgħidilna għalfejn qed isir dan? Jista’ jikkonferma li ebda għalliem/a li taħdem jew jaħdem Għawdex mhu ser jintalab jibda jaħdem/taħdem fi skola f’Malta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li ma ħarġet l-ebda direttiva fl-Iskejjel Primarji t’Għawdex biex il-klassijiet fejn hemm aktar minn klassi waħda f’kull grupp ta’ kwalunkwe sena partikolari, jingħaqdu.
Fil-qagħda preżenti, l-eżerċizzju tad-deployment għadu għaddej.
Teżisti prassi dwar deployment ta' għalliema f'Għawdex. F'ċerti sitwazzjonijiet, eżempju f'sitwazzjoni ta' tqala, Għalliema jitilgħu Għawdex temporanjament minħabba t-tqala tagħhom u wara dan il-perjodu jintalbu jerġgħu jieħdu posthom lura Malta.
Ħ'Attard — Għelieqi ta' Bdiewa fiż-Żona tal-Bypass
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6341 u jgħid kemm hemm bdiewa u jew persuni reġistrati li għandhom l-għelieqi fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta' Ħ'Attard jiġifieri minn Ħ’Attard ħdejn l-MFSA sa ftit ‘il fuq mid-daħla ta’ Ta’ Qali Ħ’Attard?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil-Onor Interpellant, fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta’ Ħ’Attard hemm total ta’ 47 bidwi rreġistrat mal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA).
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6340 u jgħid kemm hemm siġar taċ-ċitru u siġar oħra fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta' Ħ'Attard jiġifieri minn Ħ’Attard ħdejn l-MFSA sa ftit ‘il fuq mid-daħla ta’ Ta’ Qali, Ħ’Attard?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li fiż-żona msemmija hemm numru ta’ siġar protetti skont ir-Regolament dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar ta’ l-2011. L-applikazzjoni tal-proġett għada qed tiġi diskussa u għaldaqstant l-ammont ta’ siġar li ser ikunu mpattati għadu mhux magħruf.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6412 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma u li issa ġiet riferuta lilu u jara li l-bozza bin-numru 163 li qiegħda fi Triq l-Imġarr Għajnsielem, u li ilha mitfija għal aktar minn sena, tinxtegħel kemm jista’ jkun malajr?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru għal Għawdex.
Awtorità tal-Ippjanar – Valletta Waterfront – siġġijiet u mwejjed
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex sidien ta’ negozji fil-Valletta Waterfront ġew ordnati mill-Awtorità tal-Ippjanar biex ineħħu siġġijiet u mwejjed minn quddiem il-ħwienet u stabbilimenti tal-ikel fejn dawn l-istess siġġijiet u mwejjed li ġew mitluba jitneħħew ilhom fil-post minn meta infetaħ u beda jopera l-Valletta Waterfront?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mwejjed, siġġijiet u umbrelel quddiem il-ħwienet imsemmija, fuq in-naħa tal-bini storiku, qatt ma kienu muniti b’xi permess maħrug mill-Awtorità tal-Ippjanar. Għalhekk kien inħareġ avviż ta’ infurzar u ta’ twettiq fl-2012. Wara li, f’Mejju 2018, ittieħdet deċiżjoni fuq applikazzjoni li ġiet sottomessa qabel, l-Awtorità infurzat l-avviż tal-2012 biex tiżgura li l-imwejjed u s-siġġijiet fuq il-post ikunu konformi mal-pjanti approvati.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li turi ta’ liema raba’ mhux qed jaċċetta l-qbiela għaliha għaliex jista’ jew ikabbar jew juża l-ispazju ta’ dik ir-raba’ għall-proġett marbut mal-Pitkalija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm (u għad hemm) ħwienet tar-retail fil-Belt Valletta, Tas-Sliema, il-Ħamrun, il-Mosta, Birkirkara, ir-Rabat, in-Naxxar, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid, fl-2015, fl-2016, fl-2017 u sa Mejju 2018, għal kull sena?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ massage parlours fil-lokalitajiet tal-Belt Valleta, Tas-Sliema, Paceville, San Ġiljan, San Ġwann, Birkirkara, ir-Rabat, il-Mosta, in-Naxxar, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u f’Għawdex, li kienu qed joperaw fl-2015, 2016, 2017 u sa Mejju 2018, maqsuma għal kull sena, f’kull lokalità rispettivament?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li mis-sena 2002 il-Pulizija ma baqgħetx responsabbli mill-ħruġ ta’ permessi u għaldaqstant il-mistoqsija ma taqax taħt id-dekasateru tal-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali. Għalhekk nitolbu jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ massage parlours fil-lokalitajiet tal-Belt Valleta, Tas-Sliema, Paceville, San Ġiljan, San Ġwann, Birkirkara, ir-Rabat, il-Mosta, in-Naxxar, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u f’Għawdex, li kienu qed joperaw fl-2015, 2016, 2017 u sa Mejju 2018, maqsuma għal kull sena, f’kull lokalità rispettivament?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li fit-triq tal-Għadira jsir fence tal-ħadid fin-nofs biex ma jħallix persuni jaqsmu minn ġol-ħaxix li preżentament jifred il-karreġġjati fid-direzzjoni opposti? Dan sabiex kull min ikun irid jaqsam jagħmel dan minn fuq id-diversi pelican lights li hemm f’din l-istess triq u mhux jaqsam b’mod perikoluż?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ser tara li tistudja din il-possibilità peress li strutturi fit-toroq, minnhom infushom, joħolqu perikli ta’ natura differenti jekk ma jkunux mgħamulin b’mod u ta’ tip li jkunu siguri għas-sewwieqa.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6449 u peress li nhar it-13 ta’ Ġunju 2018, il-Prim Ministru ddikjara li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li qed joperaw bastimenti ta’ riċerka u salvataġġ fil-Mediterran għandhom jiġu rregolati, jista’ l-Ministru jgħid għaliex? B’liema mod jista’ jiġri dan?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il spazju miftuħ għandna, u liema huma dawn l-ispazji bl-iskop li jitgawdew mill-pubbliku, mill-2013 l'hawn?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interprellant li l-Ministeru tiegħi qed jamministra dawn is-siti li huma kkunsidrati bħala spazju miftuħ li jistgħu jitgawdew mill-pubbliku.
· Park Nazzjonali Ta’ Qali
(jinkudli
l-Petting Farm, BOV Adventure Park, Picnic Area
u żewġ
Dog Parks
)
· Il-Park Nazzjonali ġewwa s-Salina (tinkludi Kennedy Grove)
· Il-Park tal-Familja ġewwa Marsaskala
· Il-Ġonna tal-Buskett limiti tas-Siġġiewi
· Xrobb l-Għaġin ġewwa Marsaxlokk
· Park tal-Majjistral ġewwa l-Mellieħa
· Park tal-Inwadar ġewwa Wied l-Għajn
· Iż-Żona ta’ Cavalleriza ġewwa Marsaxlokk
. Numru ta' parks żgħar oħra
Preżentament, il-Ministeru għaddej b’xogħol fuq proġett ieħor li ser ikun qed joffri spazju ġdid miftuħ għal pubbliku ġewwa l-Foss ta Ħaż-Żabbar.
Mill-2013 sal-lum il-Ministeru għamel diversi xogħolijiet ta’ tisbieħ ġewwa dawn is-siti kif ukoll żied is-sit ġewwa Marsaxlokk (Iż-żona ta’ Cavalleriza).