Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #6425 Sitting 135 2018-06-25 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija Identità Malta – kontijiet bankarji

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6296 waqt is-seduta ta' nhar it-13 ta' Ġunju 2018, jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema bank jinsab kull wieħed mis-sittax-il kont bankarju li għandha l-Aġenzija Identità Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6296 u għal informazzjoni addizzjonali nirreferih għar-rapport finanzjarju tal-aġenzija Identity Malta li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tlieta 19 ta’ Ġunju 2018.
Leg 13 PQ #6426 Sitting 135 2018-06-25 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija Identità Malta – kontijiet bankarji

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6296 waqt is-seduta ta' nhar it-13 ta' Ġunju 2018, jista' l-Prim Ministru jgħid x'tip ta' kont bankarju (pereżempju: savings account, current account, term deposit account eċċ) hu kull wieħed mis-sittax-il kont bankarju li għandha l-Aġenzija Identità Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6425.
Leg 13 PQ #6427 Sitting 135 2018-06-25 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija Identità Malta – kontijiet bankarji

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 6296 waqt is-seduta ta' nhar it-13 ta' Ġunju 2018, jista' l-Prim Ministru jgħid għal kull wieħed mis-sittax-il kont bankarju li għandha l-Aġenzija Identità Malta, x'inhu l-ammont li kien jinsab depożitat fih nhar il-31 ta' Mejju 2018?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6425.

Uffiċċju konġunt – skema ta’ fidi ta’ ċens

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3535, jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema għal fidi ta' ċens temporanju tal-uffiċċju konġunt hux se tiftaħ, peress li l-aħħar darba li fetħet din l-iskema, kien fl-2013, taħt Gvern Nazzjonalista?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-iskema għal fidi ta' ċens temporanju tal-uffiċċju konġunt se tiftaħ aktar tard din is-sena.

Wied il-Għajn — Family Resource Centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jinfetaħ formalment il-Family Resource Centre f’Wied il-Għajn? Kemm hemm familji vulnerabbli identifikati minn social mentors u li sarilhom profiling, li jgħixu f’din il-lokalità? X’tipi ta’ għajnuna qegħdin jirċievu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, għalkemm ma sarx ftuħ formali taċ-Ċentru LEAP ta’ Wied il-Għajn, madanakollu l-ħidma mill-istess Ċentru ilha tingħata għal dawn l-aħħar 24 xahar, wara li saru l-preparazzjonijiet meħtieġa, sabiex jiġi attrezzat iċ-Ċentru b’dak li hemm bżonn sabiex jopera. Hemm 299 individwu li ġejjin minn familji vulnerabbli u li joqogħdu Wied il-Għajn, li ġew identifikati minn social mentors li sarilhom il- profiling. Ingħatat assistenza lil għoxrin familja minn Wied il-Għajn sabiex jiġi mogħti self mingħajr depożitu minn banek lokali sabiex tinxtara residenza flok kiri, dan bis-sħab u f’kollaborazzjoni mal-Awtorita` tad-Djar. Fl-2017 ġew mgħejjuna 14-il familja u s’issa, f’din is-sena ġew mgħejjuna 6 familji. Kien hemm ukoll 11-il familja minn Wied il-Għajn illi bbenefikaw mill-iskema ta’ bdil ta’ appliances b’kollaborazzjoni mal-Water & Energy Agency, bl-iskop li l-appliances ġodda, mogħtija bla ħlas, jikkunsmaw anqas enerġija. L-għajnuna li tingħata lill-familji fil-bżonn minn dan ic-Ċentru LEAP ta’ Wied il-Għajn tvarja minn: · tfittxija ta’ xogħol bi sħab u f’kollaborazzjoni attiva` ma’ Jobsplus ; · 513-il familja minn Wied il-Għajn jibbenefikaw minn waħda mill-iskemi tat-tqassim tal-ikel, 416-il familja jintlaħqu mill-iskema SFFD ( State Funded Food Distribtion ) u 97 mill-iskema FEAD ( Fund for the European Aid for the Most Deprived ); · tagħrif u taħriġ illi jiġi organizzat speċifikament għar-residenti ta’ din il-lokalità skont il-ħtieġa u l-għajnuna li jitolbu; · ħidma fil-kommunità sabiex kull familja li teħtieġ għajnuna issib kenn u servizz minn organizzazjoni fil-lokalità tagħha, jew tiġi riferuta għal servizz ieħor meħtieġ, sabiex tintegra soċjalment u tingħata l-għajnuna meħtieġa.

Marsaskala – Family Resource Centre — Taħriġ fuq il-Computers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u meta saru korsijiet ta’ taħriġ fuq il-computers fil-Family Resource Centre ta’ Marsaskala matul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li matul il-perjodu msemmi saru sitt korsijiet ta’ taħriġ kif mistoqsi mill-Onor. Interpellant. Fis-sena 2016 saru żewġ korsijiet li kienu ‘Learn IT’ f’Mejju u ‘4 Kids Course’ fis-Sajf. Fis-Sajf tal-2017 żewġ korsijiet li kienu ‘Robotica’ u ‘4 Kids Course’. Dis-sena, 2018, sar kors ‘Em Citizen 2018’ f’Mejju u ser isir kors ieħor ‘Robotica nation and coding’ matul is-Sajf.
Leg 13 PQ #6471 Sitting 135 2018-06-25 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Marsaskala — Studenti li għandhom il-kundizzjoni tad-dyslexia

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li għandhom il-kundizzjoni tad-dyslexia u li joqogħdu Marsaskala? Kemm-il kors ta’ taħriġ sar (u meta saru dawn il-korsijiet) lill-ġenituri ta’ dawn l-istudenti f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-korsijiet ta’ taħriġ għall-ġenituri ta’ tfal bid-dyslexia organizzati mill-SpLD f’dawn l-aħħar ħames snin. Dawn il-korsijiet ikunu miftuħa għall-ġenituri tat-tfal bid-dyslexia tal-iskejjel kollha ta’ Malta, inkluża dik ta’ Marsaskala. Dan ifisser li kull min ikun interessat ikollu l-opportunità li jattendi. Infurmat li n-numru ta’ studenti mill-iskola primarja ta’ Marsaskala li għandhom din il-kundizzjoni huwa ta’ 38.

Qasam tas-Saħħa Mentali: — Nefqa kapitali/rikorrenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm intefqu flus (kapitali u rikorrenti) fuq servizzi fil-komunità u fuq servizzi residenzjali fil-qasam tas-saħħa mentali f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella t’hawn taħt fejn qed tindika n-nefqa totali għas-servizzi tas-saħħa mentali tas-snin imsemmija. Sena Nefqa totali 2013 €33,405,858.10 2014 €31,006,507.55 2015 € 33,405,858.10 2016 €34,982,136.63 2017 €40,590,133.00

Blokka – irranġar ta’ gallarija

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi rranġata gallarija li partijiet miċ-ċinta tal-ġebel tagħha waqgħu u tħallew mal-art fuq il-bankina? Dan għaliex kemm il-ġebel li hemm fuq il-bankina kif ukoll il-gallarija, huma ta’ periklu għal ħafna li jużaw din il-bankina? Billi ċ-ċinta ta’ din il-bankina fi blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ilha li waqgħet madwar xahar u billi tħalliet hekk u billi din il-blokka hi tas-Social Housing, jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi rranġata din il-gallarija? Billi f’din l-istess blokka joqogħdu nies bi bżonnijiet speċjali, imma li joħorġu jimxu barra ta’ spiss, jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa qabel iweġġa’ xi ħadd anki billi għad hemm il-periklu li jista’ jaqa’ aktar ġebel? Qed nhemeż ritratt li juri l-bankina bil-ġebel li waqa’ mill-gallarija xahar ilu u li tħalla hekk sal-lum.

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita` tad-Djar ġiet infurmata li waqgħet parti mit-tlibbisa tal-gallarija msemmija dan ix-xahar stess. L-Awtorita` tad-Djar diġa qed tieħu l-passi sabiex tingaġġa kuntrattur biex jagħmel it-tiswijiet meħtieġa mill-aktar fis. Fil-fatt, diġa sar appuntament mal-inkwilini biex issir spezzjoni mill-Perit u l-kuntrattur din il-ġimgħa stess.

Ħal Balzan – pjanti tal-proġett ta’ Triq ta' Wied Ħal Balzan

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-pjanti tal-proġett ta’ Triq il-Wied f'Ħal Balzan ingħatawx lill-Kunsill Lokali, u jekk le jispjega għalfejn u jekk iva meta ngħataw? Jista' l-Ministru jqiegħed kopja tal-pjanti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti li ġew diskussi mal-Kunsill konċernat. Qed inpoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti li huma pubbliċi.

Ħal Balzan – qlugħ ta’ siġar faċċata taċ-ċimiterju

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma għalfejn is-siġar li hemm faċċata taċ-ċimiterju ta' Ħal Balzan ser jinqalgħu minn posthom u mhux ser jiġu integrati fil-proġett?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bini mill-ġdid ta Triq il-Wied f'Ħal Balzan huwa investiment tant meħtieġ li jinkludi wkoll servizz ġdid ta' distribuzzjoni tal-ilma taħt l-art, sistema ġdida ta kanali tal-ilma tax-xita, titjib fid-disinn tat-toroq bi spazji tal-parkeġġ miżjuda, il-bini mill-pedamenti, madwar 1.2 kilometru ta bankini ġodda u wiċċ ġdid għat-triq. Kif issemma waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, din it-triq hija waħda li dwarha jiġu riċevuti diversi lmenti minn residenti tal-istess lokalità fuq bażi regolari. It-triq se terġa' tinbena bl-użu tal-allinjament kurrenti filwaqt li żżomm l-istess wisa 'għall-karreġġati matul il-medda kollha tat-triq. Kif ġie indikat waqt il-konferenza stampa, is-siġar li qed jiġu riferuti qed jikkawżaw ħsara sostanzjali lit-triq innifisha kif ukoll lis-servizzi sottostanti li min-naħa tagħhom joħolqu problemi għar-residenti. F'dan ir-rigward, Transport Malta dejjem timmira għall-impatt ambjentali mnaqqas matul ix-xogħlijiet li jimpenja ruħu fuq it-toroq varji f'pajji¿na. Waqt id-diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali u mar-rappreżentanti tal-ERA, ġie deċiż li s-siġar jistgħu jerġgħu jitħawlu x'imkien ieħor ghalhekk fejn hu possibli se jsir sforz biex is-sigar ikunu inkorporati fil-proġett kemm billi jitħallew f’posthom kif ukoll jiġu rilokati.

Ħal Balzan – qlugħ ta’ siġar faċċata taċ-ċimiterju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tax l-approvazzjoni tiegħu biex is-siġar li hemm faċċata taċ-ċimiterju ta' Ħal Balzan jinqalgħu minn posthom?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-liġi LS 549.64 ma hemmx bżonn permess mil-ERA biex jinqalgħu dawn is-siġar. Madankollu, l-ERA xorta waslet għal qbil ma’ Transport Malta biex jiġu salvati dawn is-siġar u trapjantati f’sit ieħor.

Korp tal-Emerġenza / Kumpaniji Parastatali — Suldati - Ħlas Dovut

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6221 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u l-mistoqsija parlamentari 5965 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jiċċara jekk persuni li kienu f’Korp tal-Emerġenza jew impjegati mal-kumpaniji parastatali fejn kienu jaħdmu bħala suldati u ħafna minnhom bħala tradesmen u li kienu impjegati bejn is-snin 1972 u l-1997 hux se jieħdu flus dovut lilhom kif qed jieħdu ħaddiema oħrajn? Billi dawn wettqu xogħol importanti u taw servizz utli lill-pajjiż, jaħsibx li dawn ukoll għandhom jibbenefikaw minn flus (somma) li l-Gvern qed jagħti l-ħaddiema oħra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, każijiet bħal dawn qed ikunu kkunsidrati.

Ħal Balzan – Triq il-Wied – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ser jiġi jiswa x-xogħol għall-proġett tat-Triq il-Wied f’Ħal Balzan u x’tip ta’ xogħlijiet ser isiru? Jista’ jgħid jekk hux ser jinbidlu s-servizzi tal-ilma, tad-dranaġġ, ta’ street lighting u hux ser isiru bankini ġodda?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol huwa stmat li jiswa madwar €500,000 liema ammont jeskludi d-drenaġġ li se jkun qed jiswa madwar €1,000,000 li jifforma parti mill-Master Plan tal-Water Services Corporation. Nikkonferma li s servizzi ta’ l-ilma u tad-drenaġġ kollha ta’ taħt l-art u l-bankini kollha se jkunu qed jinbidlu.

Mellieħa – sit f’Ta’ Masrija — dokumenti

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5123, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relatati mas-sit f'Ta' Masrija fil-Mellieħa (biswit il-bypass tal-Mellieħa) li jitrattaw l-applikazzjonijiet PC 62/16 u PC 25/17?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Mellieħa – żona Ta’ Masrija — dokumenti

Question

B'referenza għaż-żona Ta' Masrija fil-Mellieħa, li tinkludi wkoll is-service road li “ttieħdet” fl-aħħar xhur mill-bypass tal-Mellieħa, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull dokument relatat (inkluż korrispondenza li għaddiet bejn TM u l-MEPA) mal-applikazzjoni PC 42/15, kif ukoll dokumenti relatati mal-applikazzjoni tal-MEPAPA 4811/15?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Bypass tal-Mellieħa – service road – varjazzjoni fil-veloċità

Question

B'referenza għas-service road li saret fil-bypass tal-Mellieħa, liema service road "ittieħdet" mill-istess bypass, jista' l-Ministru jgħid kemm ser tkun il-veloċità massima permessa tul l-istess bypass kollha u jekk hux ser ikun hemm varjazzjoni fil-veloċità permessa fil-parti ta' fejn sar il-ħajt ta' fejn illum saret is-service road li “ttieħdet” mill-bypass tal-Mellieħa? U jekk ser ikun hemm varjazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid kemm ser tkun din il-varjazzjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-veloċità massima tal-Bypass tal-Mellieha se tkun ta’ 60km/h. Dan ukoll minħabba l-fatt li mhux rakkomandabbli veloċità massima ta’ aktar minn 60km/h fejn ikun hemm cycle lane. Ninfurmah ukoll li fil-parti tranżitorja fejn hemm aċċess għaż-żona residenzjali u fejn hemm cycle lane li tgħaddi minn ġol-inkroċju, il-veloċità massima ġiet imnaqqsa għal 40km/h u wkoll li tali parti tranżitorja se tkun mgħammra b’miżuri tas-sigurtà.

Mellieħa – service road

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġejja wiesa’ s-service road li saret fiż-żona magħrufa bħala Ta' Masrija fil-Mellieħa li din l-istess service road tmiss mal-bypass tal-Mellieħa kif ukoll jekk hux ser ikun hemm bankina fl-istess service road (liema service road “ittieħdet” mill-bypass tal-Mellieħa)?

Response (BORG, IAN)

L-art imsemmija (li l-Onor. Interpellant jirreferi għaliha bħala Service Road) li kienet u għadha proprjetà pubblika, ġiet mogħtija b’ċens temporanju ghal 150 sena fl-1933 u qatt ma ġiet mittiefsa. Ninforma lill-Onor. Interpellant li se jkun hemm bankina fuq naħa waħda, filwaqt li t-triq inkluż il-bankina ser tkun wiesgħa 6.2 metri.

Bypass tal-Mellieħa – bike lane

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk fil-parti fejn inbena l-ħajt minn fejn "ittieħdet" parti mill-bypass tal-Mellieħa sabiex setgħet isir is-service road, hux ser tiġi interrotta l-bike lane li suppost ser issir tul il-bypass tal-Mellieħa, u jekk l-istess parti tal-bike lane hijiex ser tkun inserita fl-istess service road?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-bike lane mhux sa tkun qed tiġi interrotta, iżda ser tkun qed tgħaddi minn ġo l-istess service road.

Bypass Mellieħa – service road

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6016 tat-12 ta' Ġunju, jista’ l-Ministru jgħid, jekk is-service road in kwistjoni kenitx oriġinarjament tifforma parti mill-art li l-istess żviluppatur għandu b'ċens temporanju u għaldaqstant taqa' fil-konfini tal-istess art jew jekk l-Awtorità tal-Artijiet tatx lill-istess żviluppatur parti minn art pubblika oltre l-konfini tal-art tiegħu, u dan sabiex jaqdi l-interessi privati tal-proġett?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.