Legislature:
Category:
Reset
Active:

Eżami mediku fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-iskeda tal-eżami mediku li jsir fl-iskejjel primarji u sekondarji kemm dawk pubbliċi kif ukoll privati? Ta’ liema età u frekwenza jitwettaq? X’ħarsien qed jingħata biex id-dahar tal-istudenti jitħares? Dan jgħodd l-istess kemm għall-istudenti fl-iskejjel pubbliċi kif ukoll skejjel privati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-eżamijiet mediċi jsiru matul is-sena skolastika kollha inkluż ix-xhur tas-sajf kif jidher hawn taħt: Ġunju sa Settembru eżamijiet mediċi ġenerali u assessjar ta’ żvilupp fuq it-tfal kollha li ser jidħlu fil-klassijiet tal- Kindergarten u tal- Year fl-1 f’Ottubru. Ottubru eżami mediku tal-iskoljożi, vista tal-għajnejn u test tad-diskriminazzjoni tal-kulur ( colour vision ) fit-tfal kollha tal- Year 6 . Novembru eżami mediku fuq il-vista u żvilupp tal-għajnejn fit-tfal kollha tal- Year 1 . Diċembru eżamijiet mediċi ġenerali u assessjar tal-iżvilupp fi tfal li jattendu l-iskejjel tal-Knisja u li qatt ma rċevew dawn is-servizzi qabel. Jannar Tilqim kontra d-difterite, tetnu u poljo lit-tfal kollha tal- Form 4 fl-iskejjel sekondarji. Frar Eżamijiet mediċi ġenerali u assessjar tal-iżvilupp fuq tfal li ser jidħlu fil- Kindergartens tal-Istat fi Frar. Marzu Eżami mediku fuq il-vista tal-għajnejn fit-tfal kollha tal- Year 3 fl-iskejjel. April/Mejju Eżami tal-iskoljożi fuq it-tfal kollha tal- Form 2 fl-iskejjel sekondarji. Ninfurmah ukoll li ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana twaqqfet klinika speċjalizzata għal dawk it-tfal li għandhom skoljożi ħafifa u li mhux il-każ li jiġu segwiti l-isptar. Id-dipartiment tal-Fiżjoterapija fi ħdan il-Kura Primarja jwettaq programm ta’ għarfien fuq il-kura tad-dahar lil tfal li jattendu Year 6 fl-iskejjel kollha tal-Istat u tal-Knisja. Dawn is-servizzi huma mgħotija mis-Servizz tas-Saħħa fl-Iskejjel ( School Health Service ) fi ħdan il-Kura Primarja u jingħataw fl-iskejjel kollha tal-Istat u tal-Knisja.

Toqol tal-basktijiet tal-iskola – linji gwida lill-headteachers

Question

B’referenza għall-basktijiet/bagalji tal-iskola u b’mod partikolari għat-toqol tagħhom minħabba l-kotba tat-time table li l-istudenti jġorru u dan bi skop li nipprevenu kontra d-diformità tad-dahar, jista’ l-Ministru jgħid xi struzzjonijiet jingħataw lill-headteachers ta’ skejjel privati u pubbliċi biex isegwu linji gwidi dwar x’inhu l-ammont adegwat ta’ kotba li l-istudenti għandhom iġorru? Jista’ jgħid x’inhuma dawn il-linji gwida? Isiru spezzjonijiet dwar dan il-qasam minn spetturi edukattivi fl-iskejjel primarji u skejjel sekondarji kemm pubbliċi kif ukoll privati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-bidu tas-sena skolastika, f’Settembru tal-2017, inħarġet ċirkolari mid-Direttur Ġenerali għal Servizzi Edukattivi lill-Kapijiet tal-iskejjel Statali kif ukoll dawk tal-Knisja u dawk Indipendenti dwar l-effett ta’ piż tqil tal-basktijiet tat-tfal. F'din iċ-ċirkolari ngħataw ukoll rakkomandazzjonijiet ċari dwar it-toqol (weight) tal-basktijiet vis-a-vis l- weight tal-istudent. Ingħataw ukoll numru ta’ soluzzjonijiet dwar x’miżuri jistgħu jittieħdu biex il-piż tal-basktijiet jonqos. Kopja ta’ din iċ-ċirkolari qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Santa Luċija — Skola San Tumas More – tiswijiet fil-bieb prinċipali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk it-tiswijiet neċessarji fil-bieb prinċipali fuq wara tal-Iskola San Tumas More f’Santa Luċija u li jagħti għall-Triq Ħal Luqa, sarux?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fuq il-bieb tal-entratura li tagħti fuq wara tal-iskola San Tumas More f’Santa Luċija, inġabru l-kwotazzjonijiet għall-ispejjeż tal-alterazzjonijiet. Din l-imsemmija entratura se tiġi rtirata ’l ġewwa tlettax-il metru sabiex il-vettura li tkun dieħla (private bus) ikollha fejn toqgħod sakemm tinfetaħ il-grada u ma jinħoloq l-ebda periklu għal ħaddieħor. Dan ix-xogħol huwa ppjanat li jsir wara li tingħalaq l-iskola għall-vaganzi tas-Sajf u għalhekk jiġi evitat kull periklu, kemm għall-istudenti, kif ukoll għal kull individwu ieħor.

Annual Ambassadors’ Meeting — spiża

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienet l-ispiża involuta fl-Annual Ambassadors’ Meeting li sar bejn il-31 ta’ Mejju 2018 u l-1 ta’ Ġunju 2018? Jista’ jagħti informazzjoni wkoll liema kienu l-ambaxxaturi li attendew u dawk li ma attendewx? Jista’ jippreżenta wkoll id-diskorsi li saru?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża tal-Annual Ambassadors' Meeting kienet ta’ €25,779.30.L-Ambaxxaturi residenti kollha attendew minbarra r-Rapprezentant Permanenti fi Brussel minħabba xogħol tal-UE u l-ambaxxaturi mhux residenti ma setgħux jattendu tlieta minnhom. Dwar iż-żewġ diskorsi li saru minni u mill-Prim Ministru ninforma l-Onor. Interpellant li ma kinux diskorsi miktuba b’mod formali.

Forom ta’ żwiġijiet reliġjużi rikonoxxuti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma l-forom ta’ żwiġijiet reliġjużi li huma rikonoxxuti ai termini tal-artikolu 17 tal-kapitolu 255 tal-Liġijiet ta’ Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ambaxxata Maltija għall-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada — Ħidma u inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizzjattivi ttieħdu mill-Ambaxxata tagħna għall-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada tul dawn l-aħħar tletin xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kienu għexiren l-inizzjattivi li din l-Ambaxxata ħadet matul dawn ix-xhur. Ta’ min jgħid ukoll li sitt xhur matul dan il-perjodu indikat, l-Ambaxxata ta’ Malta żammet il-Presidenza Ewropeja. Il-ħidma ta’ l-Ambaxxata ta’ Malta għall-Istati Uniti ta’ L-Amerka – li hi ukoll akkreditata għal-Kanada – jinqasmu f’ diversi aspetti differenti. Dawn huma: - Politika - Konsolari - Kultura u relazzjoni Pubbliċi - Ekonomija - Amministrazzjoni Politika Tul dawn l-aħħar tlett snin, ix-xogħol relatat mal-aspett politiku żdied bi kważi t-tripplu. L-Ambaxxata Maltija żdiedet il-kuntatti tagħha mhux biss mad-Dipartiment tal-Istat Amerikan, imma wkoll ma’ membri tal-Kungress, mal- White House , mad- Department of Treasury Amerikana u ma’ Dipartimenti oħrajn. Inizjattivi politiċi konkreti jinkludu fost oħrajn: Żjarat Uffiċjali ¾ Delegazzjoni Senatorjali lejn Malta mmexxija mis-Senatur Repubblikan Rand Paul ¾ Zjara uffiċjali f’Malta minn Justice Ruth Bader Ginsburg, Associate Justice tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti; ¾ Delegazzjoni lejn Malta f’livell ta’ Deputy Assistant Secretary; ¾ Delegazzjoni mill- Homeland Security Amerikana; ¾ Diversi Delegazzjonijiet Ministerjali minn Malta għall-laqgħa mal- Under Secretary għall-Affarijiet Internazzjonali tat- Treasury Amerikana; Diskussjonijiet bilaterali L-Ambaxxata żammet diskussjonijiet regolari mal-State Department Amerikan fuq temi bilaterali li jinkludu fost l-oħrajn: ¾ Ir -resettlement ta’ Refuggjati minn Malta għall-Amerka; ¾ Koordinazzjoni fuq l-assessment tal- Visa Waiver Programme; ¾ Is-sutjenn tal-Amerika għall-aċċess ta’ Malta fil- Missile Technology Control Regime (MTCR); ¾ L-aġevolazzjoni tal-bandiera marittima Maltija fil-portijiet Amerikani. Rigward il-Kanada, l-Ambaxxata żammet diskussjonijiet mal-awtoritajiet Kanadiżi, b’mod partikolari mal-Ministeru tal-Affarjiet Barranin. Temi diskussi jinkludu: - Relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Kanada - Diskussjonijiet konsultattivi fuq leġislazzjoni u regulazzjoni tal-kannabis - Politika rigward l-LGBTIQ. Minbarra l-kuntatti, saru wkoll żjarat mill-Ambaxxatur Pierre Clive Agius ġewwa l-Kanada, fejn kellu laqgħat mal-Ministru tal-Affarjiet Barranin Chrystia Freeland u mal-Prim Ministru Justin Trudeau. Konsolari F’dan il-perjodu, kien hemm żieda sontanzjali ta’ talbiet minn Maltin li jgħixu ġewwa l-Amerka għal-ċittadinanzi u passaporti Maltin. Jekk nieħdu per eżempju ċ-ċittadinanzi, it-talbiet bejn 2016 u Mejju 2018 żdiedu bi kważi 300%. Bejn l-2016 u 2018, l-Ambaxxata żiedet ukoll s-servizzi tal-“ Consul on the Move ”. Fl-2016, kull ma kien hemm servizz wieħed li seħħ ġewwa San Francisco. Din is-sena, ser ikun hemm tlett servizzi li ser isiru bejn Ottubru u Diċembru 2018 f’dawn il-postijiet: - f’Detroit Michigan, - f’San Francisco California - u għal-ewwel darba, ser ssir missjoni ġewwa Phoenix, Arizona. Din hija riflessjoni tal-isforzi li qed tagħmel l-Ambaxxata biex tkun iktar qrib tal-kommunità Maltija u biex tiffaċilita l-proċess tal-Passaporti. Minbarra s-servizzi għal-Maltin li jgħixu barra, l-Ambaxxata toffri wkoll servizzi ta’ proċessar ta’ applikazzjonijiet ta’ visas , li wkoll kien hemm żieda fl-ammont ta’ applikazzjonijiet tal- visas mhux biss minn persuni li ġejjin Malta għal-btala, imma wkoll minn studenti li sejrin jistudjaw Malta, u plejers tal-futbol li sejrin jinqgħadu ma’ timijiet Maltin. L-Ambaxxata kienet minn ta’ quddiem biex tagħmel abbozz ta’ linji gwida għal- clubs tal-futbol Maltin biex ikun hemm għarfien aħjar tal-proċess tal-viża, fejn dawn ġew mgħoddija lill-Awtorità tal-Futbol Malti (Malta Football Association) L-Ambaxxtata ta’ Malta f’Washington tindokkra wkoll ir-relazzjonijet mad-Diaspora Maltija partikolarment fl-Amerka. Fil-Kanada Malta għandha Konsolat Ġenerali. L-Ambaxxata Maltija kienet ferm involuta fl-organizzazzjoni taż-żjara mil-ET il-President ta’ Malta lill-Komunitajiet Maltin ġewwa Detroit u San Francisco. Kultura u Relazzjonijiet Pubbliċi Waħda mill-prioritajiet ewlenin tal-Ambaxxata hi l-promozzjoni ta’ Malta f’diversi setturi, inkluż is-settur kulturali u tal-edukazzjoni. L-Ambaxxata ħadet diversi inizzjattivi f’dan il-qasam, u f’medja organizzat avveniment fix-xahar. Highlights minn dawn l-avvenimenti jinkludu: ¾ Kunċert minn artist Malti fil-famuż Kennedy Center; ¾ Kunċert minn artist Malti fin- National Gallery ġo Washington DC ¾ Żewġ serati letterarji ta’ xogħol ta’ kittieba Malta ġo xejn inqas mill-Library of Congress; ¾ Parteċipazzjoni regolari fil- European Open House li din is-sena attirat 3000 visitatur fl-Ambaxxata; ¾ Parteċipazzjoni fl- Embassy Adoption Programme, fejn l-Ambaxxata Maltija “taddotta” klassi tal-Primarja u tipprovdi lezzjonijiet interattivi dwar il-kultura Maltija; ¾ Promozzjoni tal- films Maltin u x-xogħol li twettaq il-Kummissjoni Maltija għal-Films ¾ Esebizzjoni ta’ Bizzilla Maltija fil- George Washington University Museum and Textile Museum; ¾ Esebizzjoni ta’ Arti u Fotografija ta’ żewġ artisti Maltin, Anna Galea u Stephanie Galea bit-titlu ta’ Women Perspectives: a Mother/Daughter Synergy. ¾ Esebizzjoni tax-xogħol tal-Artist malti Raphael Vella; ¾ Parteċipazzjoni ta’ Malta fil- Kids Euro Festival Short Film Series; ¾ Diskussjoni fuq manuskritti antiki Maltin li saret ukoll ġewwa il- Library of Congress. ¾ Sensiela ta’ lectures mill-Ambaxxatur għand istituzzjonijiet kbar u reputtabli ferm bħal: ¾ New York University ¾ Visitation College ¾ Tufts University ¾ New York Bar Association ¾ Ronald Reagen International Center Bħala kontribut lejn is-soċjetà li tagħha hi ospite, l-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa l-Amerka zammet ukoll avvenimenti particolari bħal meta l-binja tal-Ambaxxta ġiet: ¾ Mixgħula blu nhar l- Autism Awarness Day ; ¾ Mixgħula rosa nhar il- Breast Cancer Awareness Day ; ¾ Mixgħula bil-Kuluri tal-qawsalla biex jiġi ċċelebrat jum l-ugwaljnaza Ekonomija, Turiżmu u Edukazzjoni. L-Ambaxxata ta’ Malta tkompli taħdem bi sħiħ biex tippromovi l-ekonomija Maltija u t-turiżmu ġewwa Malta. Inizjattivi konkreti għall-promozzjoni ekonomika Maltija fost oħrajn kienu: ¾ Organizzajoni ta’ stand fil-Winternational Fair ġewwa Washington DC; ¾ Organizzazjoni ta’ stand fl-International Education Fair tal-Amerikan Catholic University; ¾ Organizzajoni ta’ stand fil-fiera għall-istudenti organizzata mill-Istate Department Amerikan; ¾ Laqgħat ma’ oqsma interessati fil- blockchain technology fosthom anke ġurnalisti; ¾ Diversi laqghat ma atturi ekonomici, bankiera u kmamar ta’ kummerċ Amerikani inklużi: ¾ Lagħat mal-bank Amrikan J P Morgan sabiex tinstab soluzzjoni għall- corresponding banks ; ¾ Libya-US Business Association biex Malta tintuza bħala ċentru loġistiku; ¾ Promozzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni medika ta’ kwalità – attività li tat riżultati sbieħ bir-rikonoxximent ta’ Malta bħala s-sebgħa l-aqwa post fl-Ewropa għat-turiżmu medikali; ¾ Ko-ordinazzjoni bejn il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l- Office of Academic Exchange Programmes tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan fuq possibilità ta’ scholarships għall-studenti Maltin biex jipparteċipaw fil- Fulbright Programme; ¾ Laqgħa ma’ Chamber of Commerce of Jacksonville Florida fejn ġew diskussi possibilitajiet ta’ kollaborazzjoni ¾ fil-qasam tat-trasbord, ¾ kura għall-kanċer, ¾ avvjazzjoni u ¾ software engineering ; Dawn id-diskuzzjonijiet għadhom għaddejin u hemm pprogrammati laqgħat oħrajn fil-ħarifa. Tajjeb li nsemmu wkoll li grazzi għall-isforzi tal-Ambaxxata, reġa’ ġie introdott il- Malta Fulbright Programme, li kien ilu nieqes għal dawn l-aħħar għoxrin sena. Ħames studenti Amerikani pparteċipaw f’dan il-programm. Amministrazzjoni F’dawn it-tletin xahar, l-Ambaxxata ta’ Malta ġiet ukoll rinnovata wara għexiren ta’ snin mitluqa, tant li s-sular ta’ fuq kien kundannat. Ġew mibdula il-kmamra tal-banju, is-soqfa tas-sular ta’fuq u t-twieqi tas-sular ta’ fuq ukoll. Ġie wkoll rinnovat kompletament il-konsolat ta’ Malta f’Washington inkluż l-apparat li jintuża sabiex jinħargu l-viża u l-passaporti.

Ambaxxata Maltija għat-Tuneżija — Ħidma u inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizzjattivi ttieħdu mill-Ambaxxata tagħna għat-Tuneżija tul dawn l-aħħar tletin xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel ma wieħed janalizza l-ħidma tal-Ambaxxata ta’ Malta fit-Tuneżija huwa importanti li wieħed jikkunsidra l-kuntest attwali tal-pajjiż. Mill-2011 ‘l hawn t-Tuneżija għaddiet b’suċċess minn tranżizzjoni demokratika li għal perjodu ħolqu element ta’ inċertezza u instabbilità. Kellha tilqa’ wkoll għal sfidi ġodda fosthom dawk tat-terroriżmu. Is-sena 2015 kienet immarkata minn tlett attakki terroristi li ħallew impatt profond fuq is-soċjetà, fuq l-ekonomija u b’konsegwenza fuq il-ħidma diplomatika ta’ Malta f’dan il-pajjiż. Malta, anke fir-rwol tagħha ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, uriet appoġġ kontinwu għat-Tuneżija u dawn l-aħħar xhur kienu kkaratterizzati minn attività diplomatika intensiva bi skambji u viżti regolari u ta’ livell mill-aktar għoli. Inizzjattivi Politiċi Żjarat Bilaterali 20 April 2016 - Il-President ta’ Malta attendiet is-seminar “Promoting Values of Peace and Dialogue”. Matul din iż-żjara, l-President kellha laqgħat mal-għola awtoritajiet Tuneżini fosthom il-President tar-Repubblika Tuneżin. 26 Mejju 2016 - Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tuneżin mexxa viżta uffiċjali f’Malta u kellu laqgħat mal-għola awtorijatijet Maltin. 25-26 April 2017 Bħala parti mill-programm tal-Prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, f’April tal-2017, l-Ambaxxata ta’ Malta fit-Tuneżija organizzat laqgħa f’Tuneż tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea kontra t-Terroriżmu (COTER). Din kienet l-ewwel darba li dan il-Grupp iltaqa’ barra minn Brussell u li r-rappreżentanti tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea kellhom l-opportunità li jkollhom esperjenza diretta tal-pajjiż li miegħu l-UE għandha programm intensiv ta’ kooperazzjoni fil-qasam konċernat. Din il-viżta, li seħħet b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet Tuneżini, tat l-opportunità biex isir skambju diretti dwar il-ħidma u l-progress li twettaq b’kooperazzjoni ma’ memrbri tal-komunità internazzjonali fosthom l-UE wara l-attakki terroristiċi tal-2015. 7-8 Novembru 2017 Bħala parti mill-kommemorazzjoni tal-ħamsin anniversarji tar-relazzjonijiet diplomatici bejn Malta u t-Tuneżija, il-President ta’ Malta, fuq stedina tal-President tar-Repubblika Tuneżin, mexxiet Viżta Uffiċċjali fit-Tuneżija u kellha laqgħat mal-għola awtorijatijet Tuneżini u mal-komunità Maltija. F’din il-laqgha l-President kienet akkumpanjata mill-Ministru tal-Affarijet Barranin u tal-Promozzjoni tal-Kummerċ kif ukoll mill-Ministru ghall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar. Il-President inawgurat Business Forum Malti-Tuneżin (ara d-dettalji aktar 'l isfel). Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u tal-Promozzjoni tal-Kummerc, mexxa Konsultazzjonijiet Politiċi mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tuneżin. Fost affarijiet oħra, ġie deċiż li s-sessjoni li jmiss tal-Kummissjoni Konġunta (Joint Comission) bejn Malta u t-Tuneżija tinżamm Malta matul l-2018. Iż-żewġ Ministri responsabbli għall-Affarijiet Barranin iffirmaw ftehim bilaterali dwar it-turiżmu u ftehim ieħor dwar l-edukazzjoni. Bħalissa l-Ambaxxata qiegħda ssegwi l-proċess biex tiltaqa' l-Kummissjoni Konġunta. F’Gunju 2018, l-Ambaxxata għaddiet stedina mill-President ta’ Malta lill-President tat-Tuneżija biex imexxi Żjara Statali f’Malta matul l-2018. Matul is-sena 2017 il-Ministru tal-Kultura Tuneżin attenda konferenza f'Malta u kellu laqgħat bilaterali mal-Ministru Malti responsabbli għall-Kultura. Matul l-2017 il-Ministri Maltin responsabbli għall-Kultura, għall-Edukazzjoni u għall-Intern, attendaw laqgħat multilaterali li seħħew fit-Tuneżija. Kummerċ L-Ambaxxata ta’ Malta żżomm kuntatt regolari u kontinwu mal-kummerċanti Maltin preżenti fit-Tuneżija. L-Ambaxxata b’mod regolari tati appoġġ lil dawn l-intrapriżi u tagħmel rappreżentazzjonijiet mal-awtoritajiet Tuneżini b’għan li jiġu riżolti intoppi għall-kummerċ. L-Ambaxxata regolarment tirċievi talbiet għall-għajnuna ta’ natura varja minn kummċerjanti kemm Maltin u kemm Tuneżini li jkunu interessanti f’kummerċ bilaterali. L-Ambaxxata ħadet numru ta’ inizzjattivi biex tibni kuntatti ġodda ma kummerċjanti u entitajiet kummerċjali Tuneżini li jistgħu jkunu interessanti li jesploraw kuntatti bilaterali ġodda. Ta’ min isemmi li matul l-2017 il-kumpanija tal-ajru Maltija l-Air Malta reġgħet bdiet titjiriet regolari diretti bejn Malta u t-Tuneżija wara waqfa ta’ tmien snin. L-Ambaxxata għamlet bosta rappreżentazzjonijiet importanti mal-awtoritajiet Tuneżini biex jiġi faċilitat l-operat ta’dawn it-titjiriet. Business Forum Fl-isfond tal-Viżta Uffiċjali tal-President ta’ Malta fit-Tuneżija, fis-7 ta’ Novembru 2017, l-Ambaxxata b’kooperazzjoni mal-kmamar tal-kummerċ ta’ Malta u ta’ Tuneż, organizzat Business Forum Malti-Tuneżin. Dan il-forum ġie inawgurat mill-President ta’ Malta flimkien mal-Prim Ministru Tuneżin fil-preżenza ta’ sitt membri tal-kabinett Tuneżin. Il-ftuħ ġie segwit minn Business to Business Meetings bejn intrapriżi u kummerċjanti Maltin u Tuneżini. Il-kmamar tal-kummerċ ta’ Malta u ta’ Tuneż organizzaw it-tieni edizzjoni tal-Busines Forum Malti-Tuneżin, f’Malta bejn it-12 u t-13 ta’ Marzu 2018. L-Ambaxxata tat appoġġ loġistiku per eżempju bil-ħrug ta’ viżas. L-Ambaxxata qiegħda ssegwi l-kuntatti li seħħew matul iż-żewg edizzjonijiet tal-Business Forum u rċeviet numru ta’ talbiet għall-għajnuna mingħand kummerċjanti u intrapriżi Maltin li wħud minnhom għamlu żjarat ta’ follow up f’dawn l-aħħar xhur. Bħalissa, l-Ambaxxata qiegħda tipprepara għal-viżta f’Malta ta’ numru ta’ Kummerċjanti Tuneżini. Kultura u Promozzjoni L-attakki terroristiċi tal-2015 kellhom impatt sostanzjali fuq il-ħidma tal-Ambaxxata biex tippromovi kuntatti kulturali bejn iż-żewg pajjiżi. Madanakollu l-Ambaxxata żżomm kuntatt kontinwu ma’ entitajiet kulturali Tuneżini. Fi Frar tal-2018 l-Ambaxxata tat għajnuna lil stazzjon televiżiv Tuneżin li tella produzzjoni dwar il-komunità Maltija li kienet tgħix fit-Tuneżija fis-sekli dsatax u għoxrin. F’April 2018 l-Ambaxxata tat għajnuna lil entità kulturali Maltija li żaret Tuneż biex tipproduċi film dwar il-preżenza Maltija fit-Tuneżija. Huwa maħsub li matul l-2018 mużiċisti Maltin jieħdu sehem f’żewġ attivitajiet kulturali f’Tuneż. Qiegħdin isiru tħejjijiet biex jixxandar feature fuq Malta f’riviżta Tuneżina ta’ kwalità għolja fis-sajf 2018. F’Novembru 2017 l-Ambaxxata nehdiet stand Maltija fil-bażar annwali li jorganizza l-Korp Diplomatiku fit-Tuneżija. L-Ambaxxata tipparteċipa wkoll f’bosta attivitajiet biex jinġabru fondi għal entitajiet filantropiċi Tuneżini. Servizzi Konsulari - L-Ambaxxata toħroġ l-viżas għal-ċittadini Tuneżini u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti fit-Tuneżija. Wara l-awtorizzazzjoni mis-Central Visa Unit, ċittadini Libjani jkunu jistgħu japplikaw għall-viża fl-Ambaxxata ta’ Malta f’Tuneż. - L-Ambaxxata toffri servizzi konsolari (per eżempju tiġdid ta’ passaporti u reġistrazzjoni ta’ twelid u żwieġ u atti ċivili oħra), lill-komunità Maltija li tgħix fit-Tuneżija u lill-familjari tagħhom. Toffri wkoll servizz ta’ legalizzazzjoni ta’ dokumenti. - L-Ambaxxata tilqa' numru ta’ talbiet ta’ informazzjoni u applikazzjonijiet għaċ-ċittandinanza l-aktar minn dixxendenti tal-komunità Maltija li kienet tgħix fit-Tuneżija fis-sekli dsatax u għoxrin. - Apparti milli toffri servizzi konsulari m’mod regolari l-Ambaxxata żżomm kuntatt kontinwu mal-komunità Maltija f’Tuneż u ġieli torganizza laqgħat informali mal-membri. - Matul dawn l-aħħar snin l-Ambaxxata Maltija tat assistenza lil ċittadin Malti li kien qed jiskonta sentenza ta’ ħabs f’Tuneż u wara li ġie meħlus ħargitlu dokument tal-ivvjagar u ffaċilitat ir-ritorn tiegħu lejn Malta. Amministrazzjoni L-Ambaxxata għaddejja minn proċess biex jiġi identifikat bini ġdid għall-Ambaxxata u l-Konsulat li jkun aktar sigur u aktar ta’ rappreżentanza xierqa.

Ambaxxata Maltija għar-Russja — Ħidma u inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizzjattivi ttieħdu mill-Ambaxxata tagħna fir-Russja tul dawn l-aħħar tletin xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minkejja s-sitwazzjoni predominenti fir-reġjun, l-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska taħdem bla waqfien sabiex ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u r-Russja jkomplu jiġu mtejba fuq kull livell u f’diversi oqsma. . Għaldaqstant, kienu bosta l-inizzjattivi li din l-Ambaxxata ħadet f’dawn l-aħħar tletin xahar sabiex tgħolli l-profil ta’ Malta fir-Russja f’oqsma differenti: - Politiċi; - Konsolari; - Promozzjoni ta’ Malta fil-qasam tal-kummerċ u negozju; - Kultura u Edukazzjoni. Politika Mill-aspett politku, ir-Russja huwa pajjiż importanti ferm, kemm mil-lat bilaterali u kif ukoll f’ambitu multilaterali. B’hekk, tul dawn l-aħħar tlett snin, l-Ambaxxata żiedet il-kuntatti tagħha ma’ diversi awtoritiajiet Russi u pparteċipat f’diversi laqgħat u ‘briefings’ ogranizzati minn awtoritijiet Russi u Ambaxxati ta’ pajjiżi oħrajn fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw kemm ir-Russja u kif ukoll ir-reġjun. Inizjattivi politiċi konkreti f’dan il-perjodu jinkludu fost oħrajn: Żjarat Uffiċjali: - Iż-Żjara Uffiċjali f’Moska, mill- eks Ministru għall-Enerġija u-Saħħa, l-Onor. Konrad Mizzi, fis-16 ta’ Settembru 2015; - Iż-Żjara Uffiċjali mill-Onor. Prim Ministru Joseph Muscat flimkien mal- eks Viċi Prim Ministru l-Onor. Louis Grech u l- eks Ministru għall-Affarijiet Barranin, l-Onor. George W. Vella fil-15 ta’ Novembru 2016; L-Ambaxxata tat ukoll assitenza lil dinjitari oħra Maltin li żaru r-Russja f’dawn l-aħħar tletin xahar sabiex jipparteċipaw f’diversi avvenimenti, fosthom l-Onor. Chris Cardona, Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, l-Onor. Anton Refalo l-eks Ministru għall-Għawdex, L-Onor. Leo Brincat, l-eks Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima. F’dawn l-aħħar tletin xahar, ġew iffirmati diversi Ftehim bilaterali: - Memorandum ta’ Ftehim dwar Kooperazzjoni fil-Qasam tas-Saħħa; - Ftehim dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta’ Kwalifiki u l-Lawrji Akkademiċi; - Memorandum ta’ Qbil dwar Kooperazzjoni fis-Settur tat-Turiżmu bejn il-Ministeru għat-Turiżmu tar-Repubblika ta’ Malta u l-Ministeru tal-Kultura tal-Federazzjoni Russa; - Ftehim bejn il-Fondazzjoni Roscongress (l-organizzaturi tal-Forum Ekonomiku ta’ San Petroburgu) u Trade Malta. Konsolari F’dawn l-aħħar sentejn, l-Ambaxxata ta’ Malta fir-Russja kienet xhieda ta’ żieda sostanzjali fin-numri ta’ Maltin li jżuru r-Russja u kif ukoll, ta’ Russi li jżuru Malta. In-numru ta’ turisti Russi lejn Malta, li kien naqas sostanzjalment wara l-kriżi tar-Rublu fl-2015 u l-2016, reġa’ qed jiżdied u mill-bidu ta’ Jannar sa’ Ġunju 2018, l-Ambaxxata Maltija fir-Russja ħarġet iktar minn erbat elef viża (skond il-Visa Management System) għal turisti u studenti (tal-Ingliż) Russi minn diversi reġjuni. Din iż-żieda m’hijiex biss riżultat ta’ titjib fis-sitwazzjoni ekonomika fir-Russja, iżda hija wkoll frott tal-isforzi kontinwi tal-Ambaxxata sabiex tistabilixxi lil Malta bħala destinazzjoni turistika popolari fost il-popolazzjoni Russa. Sabiex Malta tkun tista’ tikkompeti ma’ destinazzjonijiet turistiċi popolari oħrajn, bħal ngħidu aħna, Spanja u l-Greċja. Il-Konsolat ta’ Malta f’Moska, flimkien mal-aġenti sussidjarji li jiffaċilitaw is-servizzi tal-viżas (VFS), ħoloq sistema effettiva li twassal għall-ħruġ tal-viżas turistiċi f’madwar tlett ijiem, irrespettivament mill-lokalità tal-applikant. In-network tal-uffiċji tal-VFS fir-Russja, minn Kaliningrad (Punent) sa’ Vladivostok (Lvant), qed tiġi użata b’mod effettiv mhux biss għal iffaċilitar tal-ħruġ tal-viżi, imma wkoll għall-promozzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika (u studju) f’reġjuni li jinsabu l-bogħod minn Moska. Dan l-outreachqed isir ukoll permezz ta’ ċirkulazzjoni ta’ materjal promozzjonali li huwa magħmul speċifikament għall-udjenza Russa. L-istabbiliment ta’ Konsli Onorarji fir-reġjuni madwar il-Volga inkluż fir-Repubblika tat-Tatarstan u dalwaqt anke fis-Siberja (Novosibirsk u Irkutsk) u fl-Urali (Chelyabinsk u Ekaterinburg) qed jgħin sabiex tiżdied il-viżibilità u l-outreach ta’ Malta fir-Russja u jiġu sostenuti l-isforzi tal-Ambaxxata sabiex jiżdiedu l-iskambji kummerċjali bejn Malta u r-Russja f’diversi oqsma. Għaddeja ħidma sabiex diversi kandidati oħra jiġu proponuti għall-Konsli Onorarji f’reġjuni ekonomikament importanti fin-Nofsinhar u l-Punent tar-Russja, fejn hemm l-ikbar konċentrazzjoni ta’ industrija u opportunitajiet ta’ investiment. F’dawn l-aħħar snin (mill-2014), l-interess fir-Russja fost ċittadini Maltin ukoll qed jiżdied u n-numri ta’ Maltin li qed jirrikorru għall-assistenza tal-Ambaxxata għall-informazzjoni u tagħrif fuq il-pajjiż, kemm fuq tema turistika u akkademika u kif ukoll kummerċjali, żdied b’mod konsiderevoli. Iż-żieda ta’ skambji kummerċjali bejn Malta u r-Russja hija wkoll riżultat tal-avvenimenti frekwenti (madwar tlieta fis-sena) li torganizza l-Ambaxxata flimkien mal-Konsli Onorarji u Kmamar tal-Kummerċ f’diversi reġjuni fir-Russja, li qed iżidu l-interess reċiproku fl-opportunitajiet kummerċjali li jeżistu fiż-żewġ Pajjiżi. L-avvenimenti kummerċjali li jmiss huma pjanati f'Tula (Tula Oblast - 501,169 abitant) u Chelyabinsk (Chelyabinsk Oblast - 1,130,132 abitant). L-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska qed tagħti attenzjoni speċjali lil qasam tal-Edukazzjoni. Fil fatt, in-numru ta’ skambji bejn studenti Maltin u Russi qed jiżdied b’mod konsiderevoli. Malta tgawdi fama eċċellenti għat-tgħalim tal-Inġliz u hi l-iktar destinazzjoni popolari (mill-pajjiżi Schengen) mal-istudenti tal-Ingliż, filwaqt li Universitajiet Russi qed ikomplu jattiraw studenti Maltin, l-aktar mil-qasam tax-xjenza (mediċina u dentistrija). Riżultat ta’ dan, l-Ambaxxata hija xhieda wkoll ta’ żieda sostanzjali fl-iskambji bejn akkademiċi u riċerkaturi Maltin mill-Università ta’ Malta u Russi minn diversi Universitajiet stabbiliti. Iż-żieda fin-numri ta’ taċ-ċittadini Maltin li jgħixu u jaħdmu fir-Russja, f’dawk li jivvjaġġaw lejn ir-Russja u ċittadini Russi li jixtiequ jivvjaġġaw, jgħixu jew jinvestu f’Malta wassal għal żieda fl-assistenza konsolari li toffri l-Ambaxxata. F’okkażjonijiet varji, l-Ambaxxata ħadmet flimkien ma awtoritajiet Russi sabiex issolvi problemi u sitwazzjonijiet varji li ċittadini Maltin jiltaqgħu magħhom ġewwa ir-Russja. Waqt it-Tazza tad-Dinja 2018, iktar minn 400 ċittadin (skond il-FIFA) Malti huma pjanati li jżuru r-Russja. L-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska qed taħdem id f’id mal-FIFA, awtoritajiet Russi u anke ma’ missjonijiet tal-pajjiżi tal-UE fi bliet Russi sabiex toffri kull għajnuna neċessarja. Promozzjoni ta’ Malta fil-qasam tal-kummerċ u negozju Sabiex issaħħaħ il-viżibilità ta’ Malta mat-territorju vast Russu, l-Ambaxxata stabbilixxiet kuntatt ma’ diversi kmamar tal-kummerċ ta’ reġjuni differenti u qed taħdem bi sħieħ mal-Kamra Federali tal-Kummerċ u l-Industrija u kif ukoll mal-Assoċjazzjoni tal-Intraprendituri ta’ Moska bil-għan li tikseb kuntatti fil-qasam kummerċjali u sabiex tkun tista’ tagħti pariri infurmati lil intrapriżi Malti li huma nteressati fis-suq Russu. L-aktar inizjattivi prominenti għall-promozzjoni ta’ kummerċ bejn Malta u r-Russja jinkludu: i. Forums ta’ Negozju Mill-2014 l’hawn, l-Ambaxxata Maltija f’Moska organizzat avvenimenti kummerċjali bħala parti mill-attivitajiet komemorattivi tal-Jum Nazzjonali ta’ Malta fil-21 ta’ Settembru. - Fl-24 ta’ Settembru 2015, ġie organizzat avveniment kummerċjali bil-parteċipazzjoni tal-Onor. Chris Cardona Ministru għall-Ekonomija, Investient u Intrapriżi Żgħar u diversi intraprendituri Maltin minn diversi oqsma. - Fl-20 ta’ Settembru 2016, ġie organizzat avveniment kummerċjali f’Moska, bil-għan li jesponi il-potenzjal ekonomiku tal-gżira Għawdixja. L-Onor. Anton Refalo, eks Ministru Għal-Għawdex flimkien mar-Reprezentatnti mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex u l-Assoċċjazzjoni għal-Promozzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex ipparteċipaw f’dan l-avveniment. - Fl-20 u 21 ta’ Settembru 2017, ġie organizzat avveniment kummerċjali fil-Belt ta’ Nizhny Novorgod. Dan il-Forum serva bħala pjattaforma għal kuntatti bejn negozjanti Maltin u Russi. Madwar 300 parteċipant mis-setturi tat-turiżmu, l-edukazzjoni u l-investiment kienu preżenti fil-Forum. L-Ambbaxata providiet assistenza sabiex jiġi organizzat business forum fiċ-Ċentru tal-Kamra Federali tal-Kummerċ u l-Industrija f’Moska bi sħubija ma’ Trade Malta u l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta, fil-marġni taż-żjara uffiċjali tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Moska fil-15 ta’ Novembru 2016. Matul dawn l-aħħar xhur, l-Ambaxxata ppartecipat f’diversi edizzjonijiet ta’ St Petersburg International Economic Forum (SPIEF) u ir-Russian Investment Forum fil-Belt ta’ Sochi biex tompli tesplora opportunijiet ekonomiċi t’interess għal Malta. ii. Żjarat fir-Reġjuni Bħala parti mil-isforzji ta’ outreach u viżibilà’, matul dawn l-aħħar xhur, l-Ambaxxatur żar numru ta’ bliet f’reġjuni Russi, fosthom f’San Petroburgu, Sochi, Kazan, Nizhny Novogord, Vladimir, Yaroslav, Suzdal u oħrjan. L-aġenda waqt dawn iż-żjarat, apparti li tikludi laqgħat ma’ rappreżentanti reġjonali, tinkludi wkoll numru ta’ laqgħat mal-Kmamar tal-Kummerċ prominenti fir-reġjun, Universtajiet, u kif ukoll diversi assoċjazzjonijiet mis-settur tat-turiżmu. . Rapreżentanti mil-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-Air Malta u diversi kumpaniji Maltin oħrajn jipparteċipaw f’dawn iż-żjarat b’mod regolari. iii. Ħidma oħra L-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska kienet strumentali wkoll fl-organizzazzjoni ta’ għadd ta’ żjarat ta’ delegazzjonijiet kummerċjali minn Malta u mir-Russja bil-għan li jkun hemm żieda fl-iskambji kummerċjali. Barra minn hekk, fuq bażi regolari, l-Ambaxxatur jiltaqa’ ma’ diversi kumpaniji Russi minn setturi differenti li għandhom interessant li jinvestu f’Malta. L-Ambaxxata tiffaċilita wkoll kuntatti mal-awtoritajiet Maltin u tassigura li dawn il-kumpaniji jingħataw l-għajnuna u l-informazzjoni meħtieġa. Kultura u Edukazzjoni Il-promozzjoni ta’ Malta fis-setturi kulturali u tal-edukazzjoni permezz ta’ avvenimenti varji hija waħda mill-prioritajiet ewlenin tal-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska. Highlights riċenti minn dawn l-avvenimenti jinkludu: 2017: Kunċert minn mużicisti Maltin mill-Orkestra Filarmonika li seħħ ġewwa teatru storiku f’Moska; Kunċert li jimmarka il-ħamsin sena anniversarju mit-twaqqif ta’ relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u r-Russja mill-vionilista Malti Carmine Lauri, flimkien ma’ mużiċisti Maltin mill-Orkestra Filarmonika u mużiċisti Russi mit-Teatru Marinsky ta’ San Petroburgu; Matul l-2017, ġew stabbiliti kuntatti ma’ diversi Universitaijiet, fosthom, l-Università tal-Pedagoloġija f’Nizhny Novgorod fejn ġew diskussi possibilitajiet sabiex titwaqqaf akkademja tat-Tagħlim tal-Musika Russo-Maltija ġewwa Malta li jkollha l-potenzjal tattira studenti internazzjonali. 2018: Parteċipazzjoni regolari fil-laqgħa ta’ esperti fil-qasam tal-kultura tal-pajjiżi tal-UE fejn ġie preżentat il-programm ta’ avvenimenti matul il-V18 li jinkludu kooperazzjoni ma artisti stabilliti Russi. Dawn l-avvenimenti jinkludu: il-Malta International Music Festival u Russian Masters (li saru f’Marzu) u Tchaikovsky’s Fifth Symphony (li sar f’Mejju). Diskussjonijiet mar-Russja għaddejjin wkoll fil-qasam tal-wirt storiku u restawr tal-arti bejn iċ-Ċentru tal-Konservazzjoni tal-Arti Grabar u Heritage Malta fejn qed tiġi kkunsidrata il-possibiltà ta’ skambji bejn esperti Maltin u Russi f’dan il-qasam. Fl-avvenimenti kulturali msemmija hawn fuq, l-Ambaxxata ħadmet mhux biss sabiex tesponi t-talent artistiku Malti fir-Russja, imma wkoll sabiex tippromwovi produtturi Maltin tal-ikel u xorb (fosthom inbid u prodotti artiġjanali) li xtaqu li l-prodotti tagħhom jkunu esposti ma’ udjenza Russa. Minn sena għal sena, in-numru ta’ intrapriżi Maltin li huma interessati fis-suq Russu żdied b’mod konsiderevoli u f’kull avveniment, l-Ambaxxata tassigura li toffri prodott ġenwinament Malti. F’April 2018, l-Ambaxxata tat assistenza u kuntatti ma’ diversi producers stabbiliti lill-Kummissarju Malti għal-Film waqt iż-żjara tiegħu fir-Russja.

Ħal Tarxien – Skedar ta’ villa

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta daħlet it-talba għall-iskedar tal-villa li kienet tal-Perit Dom Mintoff, ġewwa Ħal Tarxien? Min għamel it-talba tal-iskedar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba għall-iskedar tal-proprjetà Nru. 110, The Olives kienet saret minn Dr. Joan Bland Mintoff permezz tà ittra datata l-14 tà Frar 2018.

Lista ta’ proprjetajiet jistennew evalwazzjoni għall-iskedar

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' proprjetà li fid-data li fiha saret din il-mistoqsija parlamentari qed jistennew li tingħalaq l-evalwazzjoni tagħhom dwar jekk jikkwalifikawx għal skedar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-proċess tal-iskedar issir in camera mill-Kunsill Eżekuttiv. Għall-raġunijiet ovvji informazzjoni dwar proprjetajiet li qiegħdin jiġu kkunsidrati għall-iskedar ma tistax tingħata minħabba li din tista’ timmina serjament il-proċess tal-iskedar u l-integrità tal-proprjetà nnifisha.

SportsMalta – permess għal Proposed Regional Park

Question

B'referenza għall-PA/03069/18, jista' l-Ministru jikkonferma li f'dan il-proġett hekk kif intavolat minn SportsMalta li qed jiġi msejjaħ bħala Proposed Regional Park, hemm ukoll propost li jkun hemm track għall-ġiri madwar is-swar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif muri fil-pjanta 1G li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, fl-applikazzjoni bin-numru PA 3069/18 (Proposed Regional Park as specified in Local Plan), il-proġett jipproponi walking track u jogging track min-naħa għall-oħra tas-sit, jiġifieri minn Triq Għajn Dwieli sa taħt is-Sur ta’ San Alwiġi.

Awtorità għall-Ippjanar — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni hemm quddiem l-Awtorità għall-Ippjanar għal żvilupp ta' agrituriżmu? Jista' jgħid fejn qed jiġu proposti?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6643, l-Awtorità tal-Ippjanar għandha quddiema tlett (3) applikazzjoni relatati ma’ agrituriżmu. Waħda San Pawl il-Baħar, waħda l-Imġarr (Malta) u waħda Ta’ Kerċem (Għawdex). Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq applikazzjonijiet pendenti li ġew ivvalidati jew ippublikati, li huma indikati fl-istess sistema bħala li fil-proposta tagħhom għandhom xi waħda mill-kelmiet segwenti: · Agrituriżmu · Agroturiżmu · Agri-tourism · Agro-tourism

Skedar ta’ proprjetà — proċess

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-proċess li jiġi segwit f'każ li proprjetà tiġi skedata sabiex wieħed jassigura li kwalunkwe strutturi jew affarijiet oħra li huma projbiti li jkunu fi proprjetà skedata, jitneħħew?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull żvilupp li jaffetwa proprjetà skedata għandu bżonn permess tal-iżvilupp. Xi forom ta' żvilupp minuri huwa permessibli li jsir pemezz ta' Development Notification Order.

Mellieħa – sit f’Ta’ Masrija — dokumenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6482 u ċjoè: B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5123, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relatati mas-sit f'Ta' Masrija fil-Mellieħa (biswit il-bypass tal-Mellieħa) li jitrattaw l-applikazzjonijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?

Response (BORG, IAN)

Nemmen li din il-Kamra żgur tapprezza l-fatt li din il-mistoqsija parlamentari mressqa titlob ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk hija meqjusa bħala umanament impossibbli li jkun żgurat li l-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Cutajar tinġabar kollha. Infurmat li f’kull applikazzjoni ta’ żvilupp l-ammont ta’ korrispondenza li ssir bejn uffiċjali differenti fl-awtoritajiet konċernati dejjem tkun waħda voluminuża biex ikun żgurat li l-policies kollha jkunu qed jiġu osservati. L-informazzjoni li waslitli hija li dan il-każ ma kienx b’inqas. Nispera biss li bit-talba tiegħu għal korrispondenza kollha li għaddiet bejn l-uffiċjali fiż-żewg awtoritajiet, l-Onor. Cutajar mhux qed jipprova jqajjem dubju fuq il-ħidma siewja li jagħmlu l-mijiet ta’ uffiċjali li jaħdmu fiż-żewġ awtoritajiet konċernati. Nikkoreġi wkoll li l-Onor. Interpellant meta qal li ttieħdet xi art biex issir xi service road u nindirizzah jerġa' jaqra r-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet bin-numri 6016 u 6647.

Mellieħa – żona Ta’ Masrija — dokumenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6483 u ċjoè: B'referenza għaż-żona Ta' Masrija fil-Mellieħa, li tinkludi wkoll is-service road li “ttieħdet” fl-aħħar xhur mill-bypass tal-Mellieħa, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull dokument relatat (inkluż korrispondenza li għaddiet bejn TM u l-MEPA) mal-applikazzjoni PC 42/15, kif ukoll dokumenti relatati mal-applikazzjoni tal-MEPA PA 4811/15?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6645 tal-istess Seduta.

Bypass Mellieħa – service road

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6487 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6016 tat-12 ta' Ġunju, jista’ l-Ministru jgħid, jekk is-service road in kwistjoni kenitx oriġinarjament tifforma parti mill-art li l-istess żviluppatur għandu b'ċens temporanju u għaldaqstant taqa' fil-konfini tal-istess art jew jekk l-Awtorità tal-Artijiet tatx lill-istess żviluppatur parti minn art pubblika oltre l-konfini tal-art tiegħu, u dan sabiex jaqdi l-interessi privati tal-proġett?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art li ġiet żviluppata tifforma parti minn dik l-art deskritta fil-kuntratt tal-akkwist tal-utile dominium temporanium datat 29 ta’ Diċembru 2014, fl-Atti tan-Nutar Sam Abela u li sussegwentament għal dan, wara sejħa għall-offerti, id-dirett dominum temporanium u s-sussegwenti proprjetà ġew akkwistati permezz ta’ kuntratt fl-atti tal-istess Nutar Sam Abela datat 21/10/2016. L-art in kwistjoni tifforma parti minn art akbar oriġinarjament mogħtija b’ċens temporanju għal 150 sena, skont il-kuntratt datat 6 ta’ Ġunju 1933 tan-Nutar Calcedonio Gatt. Kif diġà tennejt f’PQ 6016 din l-art imsemmija (li l-Onor. Interpellant jirreferi għaliha bħala Service Road) li kienet u għadha proprjetà pubblika, filwaqt li għadha suġġett għaċ-ċens temporanju għal 150 sena u qatt ma ġiet mittiefsa.

Għawdex – Ir-Rabat – każ ta’ esproprjazzjoni

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6578, li tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6452, (fejn f’din it-tweġiba ma twieġbet l-ebda waħda mill-mistoqsijiet li saru fil-mistoqsija parlamentari 6578) jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6578 u ċjoè jgħid: a) Meta ġiet esproprjata l-art in kwistjoni; b) Id-data meta kienet ġiet ippreżentata l-kontestazzjoni msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija 6452 minn terzi persuni; c) Jekk mal-kontestazzjoni ta' dawn it-terzi persuni, ippreżentawx dokumenti bħala prova li għandhom xi titolu fuq din l-art; d) Jekk fl-affermattiv, meta ġew ippreżentati dawn id-dokumenti u jekk l-uffiċċju legali tal-Awtorità analizzawx ir-riċerki sottomessi; e) Jekk il-persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament ippreżentawx dokument azzjonijiet bħal testmenti, riċerki u dikjarazzjoni ta' trasferiment causa mortis ; f) Jekk l-Uffiċċju Legali tal-Awtorità analizzawx ir-riċerki miż-żewġ partijiet u g) Jekk fin-negattiv jistax jara li din l-analiżi ssir, kemm jista’ jkun malajr?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li, permezz ta’ dikjarazzjoni tal-President maħruġa fl-14 ta’ Diċembru 1993 permezz tal-avviż nru. 826 fil-Gazzetta tal-Gvern, l-art in kwistjoni kienet meħtieġa għal skop pubbliku, fejn l-akkwist tagħha kellu jkun bl-impożizzjoni tas-servitù li jikkonsisti f’mogħdija tal-kejl ta’ 90mk u 139mk rispettivament. Fil-31 ta’ Jannar 1997, il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzzjoni għamel talba sabiex tiġi esproprijata l-art in kwistjoni sabiex jiġi kkreat aċċess għall-foss taċ-Ċittadella Għawdex. Minn dan isegwi li fit-2 ta’ Mejju 1997, permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ President bl-avviż numru 324 fil-Gazzetta tal-Gvern, l-art ġiet meħtieġa għal skop pubbliku fejn l-akkwist kellu jsir b’xiri assolut. Sussegwentement, l-art inqasmet f’żewġ plots – plot 1 u plot 2, u wara plot 1 reġa’ ġie maqsum fi plot 1A u 1B. Fit-22 ta’ Jannar 1998, l-aħwa Żammit kienu ddikjaraw li plot 1A ma jappartjeniex lilhom. Fil-waqt li rigward plot 1B kien sar il-kuntratt relattiv fis-16 ta’ Ġunju 1999, ippubblikat min-Nutar Vincent Miċeli, fejn l-aħwa Żammit kienu ngħataw l-kumpens skont is-suq ta’ dakinhar kif ukoll l-imgħaxx bir-rata ta’ 5% mid-data tat-teħid jiġifieri mid-29 ta’ April 1989 (u allura qabel ma nħarġet id-dikarazzjoni ta’ servitù), fl-ammont totali ta’ Lm 16, 870 (li minnhom Lm 11,195 kien jirrifletti l-prezz tal-proprjetà u r-rimanenti Lm 5,675 kien jirrifletti l-imgħax). Filwaqt li rigward Plot 2, l-ebda persuna għadha ma ġabet provi konkreti sabiex jiġi ppruvat titolu. Minn analiżi tal-pjanti annessi ma’ diviżjoni ppreżentata mill-aħwa Zammit, l-art immarkata ‘2’ mhix inkluża f’tali diviżjoni.

Rimi ta' skart minn bini mwaqqa'

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jkun qed jieħu l-Gvern biex jara li f'pajjiżna jkun hemm spazju adegwat fejn jintrema l-materjal/skart mill-bini imwaqqa'?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) qiegħda taħdem fuq strateġija sabiex tindirizza l-iskart tal-iskavar u konstruzzjoni fit-tul. Sadanittant l-ERA qegħda tipproċessa 8 permessi għall-barrieri biex ikunu jistgħu jaċċettaw materjal nadif. Bħala soluzzjoni immedjata, barriera ġewwa s-Siġġiewi li tinsab f'żona speċjali ta' konservazzjoni u li qegħda fi stat ta' abbandun, qed tibda tilqa' materjal nadif li ġej mill-kostruzzjoni.
Leg 13 PQ #6659 Sitting 137 2018-07-04 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

FM repeater f’Għawdex – Stazzjonijiet tar-Radio — interferenzi

Question

Peress li stazzjonijiet tar-radio qiegħed ikollhom problemi ta’ interferenza fuq il-frekwenza FM f'ħafna partijiet minn Għawdex, jista' l-Prim Ministru jara li l-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni tistalla repeater f'Għawdex, biex din il-problema tiġi eliminata?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-trażmissjonijiet tar-radju FM huma regolati mill-Awtorità ta’ Malta dwar ix-Xandir. Għaldaqstant, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.