Ħal Qormi — Illegalitajiet imressqa mill-Kunsill Lokali – passi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-ilmenti ta’ llegalitajiet imressqa mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ttieħdu effettivament passi dwarhom u jekk kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti wara li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ressaq saħansitra filmati li jagħtu xhieda ta’ tali llegalitajiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li kull ilment ta’ illegalitajiet imressqa mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi jew individwi oħra, jiġu investigati mill-Pulizija tad-Distrett meta dan jaqa’ fil-kompetenza tagħhom, u wara li mill-investigazzjonijiet tinġabar evidenza u provi biżżejjed inkluż l-evidenza permezz ta’ filmati kif imsemmi mill-Onor. Interpellant, kull persuna responsabbli titressaq quddiem il-Qorti Ġudizzjarja. Il-Kunsill dejjem jiġi infurmat bil-passi li jittieħdu.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Numru ta’ priġunieri minn Ħal Qormi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri mil-lokalita ta’ Ħal Qormi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm wieħed u għoxrin (21) priġunier mil-lokalità ta’ Ħal Qormi li huma kollha tas-sess maskili.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Numru ta’ priġunieri minn Ħal Luqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri minn Ħal Luqa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm seba’ (7) priġunieri mil-lokalità ta’ Ħal Luqa, sitta (6) huma rġiel u mara waħda (1).
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4433, li kienet dwar postijiet għall-post ta' Officer in-Charge Minor Staff, fejn fit-tweġiba tagħha ngħad li għal dan il-post għaddew 15-il kandidat u ġew appuntati l-ewwel 11, għaldaqstant jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx postijiet vakanti f'dan il-grad u jekk fl-affermattiv meta hu maħsub li se jingħataw l-appointments lil dawk il-persuni li għadhom ma ġewx appuntati? Jista' jgħid sa meta hu validu r-riżultat tal-aħħar sejħa għal dan il-post?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab infurmat li li r-riżultat għadu validu u jiskadi f’Novembru li ġej. Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li l-vakanzi jimtlew skont l-ordni tal-mertu u l-esigenzi tas-servizz pubbliku.
Awtorità tax-Xandir – stazzjonijiet tar-radio — stallazzjoni ta’ repeater/booster f’Għawdex
Question
Peress li stazzjonijiet tar-radio qiegħed ikollhom problemi ta' interferenza fuq il-frekwenza FM f'ħafna partijiet minn Għawdex, jista' l-Ministru jara li l-Awtorità ta' Malta dwar ix-Xandir tistalla repeater/booster f'Għawdex, biex din il-problema tiġi eliminata?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt fil-mistoqsija parlamentari 6659.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 6648, 6578 u 6452 li kienu dwar każ ta' esproprjazzjoni ta' art fir-Rabat Għawdex, jista' l-Ministru jgħid:
a) id-data meta kienet ġiet ippreżentata l-kontestazzjoni minn terzi persuni msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6452;
b) jekk ma’ din il-kontestazzjoni ġewx ippreżentati dokumenti bħala prova li dawn it-terzi persuni għandhom xi titolu fuq din l-art,
c) jekk fl-affermattiv, meta ġew ippreżentati dawn id-dokumenti u;
d) jekk l-Uffiċċju Legali tal-Awtorità analizzax dawn id-dokumenti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-domandi mressqa qed jiġu mwieġba hawn taħt;
a) Id-data meta kienet ġiet ippreżentata l-kontestazzjoni minn terzi persuni msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6452. Il-kontestazzjoni minn terzi persuni ġiet ippreżentata fl-2015.
b) Iva, ġew ippreżentati dokumenti bħala prova.
c) Id-dokumenti ġew ippreżentati fl-2015.
d) L-Uffiċċju Legali tal-Awtorità qiegħed fil-proċess li jeżamina dawn id-dokumenti.
Awtorità tal-Artijiet – art mgħoddija lil Sports Malta
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6411, dwar każ ta’ entità sportiva f'Għawdex, u t-tweġiba għaliha kienet tgħid li l-Awtorità tal-Artijiet qiegħda tipproċessa l-każ sabiex l-imsemmija art tgħaddi lil Sports Malta, jista' l-Ministru jgħid jekk l-art imsemmija għaddietx lil Sports Malta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess biex l-art imsemmijja tgħaddi lil Sports Malta, għadu għaddej.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont tal-Investiment Dirett Barrani f'Għawdex matul is-snin 2016, 2017 u fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2018?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sfortunatament, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li hija l-entità responsabbli minn ġbir ta' statistika, ma tiġborx l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant.
Eżamijiet għall-Posts ta’ Uffiċjali Eżekuttivi, Principals u Senior Principals
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6586 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni għaddew mill-aħħar eżami li sar għall-postijiet ta' Uffiċjali Eżekuttivi, Principals u Senior Principals mas-Servizz Pubbliku (separatament)? Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' dawk li ġew impjegati f'kull post u meta kienet l-aħħar data li ġew impjegati f'kull post?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara verifika, irriżulta li tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6586 ma tistax tingħata mill-Ministeru tiegħi. Għaldaqstant, ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża tal-inkjesta maġisterjali li saret mill-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-każ tal-Egrant Inc.? Jekk hu possibbli jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ fiex kienu jikkonsistu l-ispejjeż?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ispiża fuq kontijiet prezentati sal-24 ta’ Lulju, tal-inkjesta maġisterjali li saret mill-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-każ tal-Egrant Inc., hija ta’ €1,257,759.46. Fir-rigward tal-lista tal-ispejjeż, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jara t-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ Membri Parlamentari li għandhom skorta tal-Pulizija? Jista’ jgħid kif ingħatat, jiġifieri jekk kenitx inizjattiva tal-Pulizija jew intalbitx mill-Membru Parlamentari nnfisu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li mhix il-prassi li tingħata informazzjoni dwar min għandu protezzjoni jew il-modalitajiet ta' tali protezzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi theddid partikolari fuq xi Membri tal-Parlament? Qatt saru rapporti minn Membri tal-Parlament wara li rċevew theddid?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata. Madankollu ma nħossx li tagħrif ta' din in-natura għandu jkun magħmul pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kif intgħażlu l-Pulizija bħala bodyguards tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li bħalma dejjem isir, l-uffiċjali ta’ sigurtà tal-individwu li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament, jiġu magħżula skont l-esiġenzi tal-Korp.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm theddid partikolari li jista' jitfa' l-ħajja tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fil-periklu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li mhux il-prassi li l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata għal raġunijet ta’ sigurtà pubblika.
Bypass tal-Mellieħa – testijiet fuq il-kwalità u t-tqegħid tat-tarmak
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’testijiet saru fuq il-kwalità tat-tarmak (core-testing) u fuq it-tqegħid tat-tarmak (longitudinal regularity) li sar fil-bypass tal-Mellieħa? Jista’ l-Ministru jekk jogħġbu jippubblika wkoll ir-riżultati ta’ dawn it-testijiet u jispjega jekk il-kwalità tat-tarmak (kemm bħala tarmak innifsu u anke bħala tqegħid) hijiex sodisfaċenti skont dawn it-testijiet?
Response (BORG, IAN)
It-testijiet imsemmija saru fix-xhur li għaddew u qed jiġu analizzati. Testijiet oħra relatati qed isiru f’dawn il-jiem sabiex ikunu jistgħu jinħarġu r-riżultati finali.
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li jsiru t-tiswijiet, bħal major patching, li hemm bżonn f’Triq Għawdex fil-Qawra, li hija triq li ta’ kuljum jgħaddu minnha għexieren ta’ karozzi tal-linja u mijiet ta’ karozzi privati u ilha minsija għal ħafna snin?
Response (BORG, IAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6736 - Qawra – Triq Għawdex – tiswijiet nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed tikkunsidra l-aħjar metodu ta’ kostruzzjoni li jrid isir f’din il-parti tat-triq u tipprepara biex hekk kif jispiċċa l-perjodu ta’ “No excavation or demolition works in tourism areas during the summer period” regolat mill-Planning Authority u MTA, ix-xogħol jinbeda mill-aktar fis.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal passaport minn persuni li qatt ma kellhom passaport matul is-sena 2017?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab infurmat li matul l-2017 kien hemm 15,638 persuna li applikaw għal passaport għall-ewwel darba jew applikaw għal passaport ġdid taħt kunjom ġdid.