Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni u jara x’kien il-kaġun u jaċċerta li nuqqas (anke jekk seta’ kien aċċident) bħal dan li jidher fir-ritratti li qed jingħataw separatament ma jerġax iseħħ peress li din is-sitwazzjoni ħolqot inkonvenjent lir-residenti li joqogħdu fil-viċinanzi tal-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar kif ukoll lill-istudenti li jattendu fl-istess skola? (Triq San Gużepp / Triq l-Iskola)
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ghadha qed tingabar u tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tieħu azzjoni u tara x’kien il-kaġun u jaċċerta li nuqqas (anke jekk seta’ kien aċċident) bħal dan li jidher fir-ritratti li qed jingħataw separatament ma jerġax iseħħ peress li din is-sitwazzjoni ħolqot inkonvenjent lir-residenti li joqogħdu fil-viċinanzi tal-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar kif ukoll lill-istudenti li jattendu fl-istess skola? (Triq San Gużepp / Triq l-Iskola)
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ msemmi huwa kaġun ta’ ħsara maġġuri fiż-żewġ rising mains tas-sistema tad-drenaġġ ta’ dawk l-inħawi. Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet passi mmedjati biex tiġi rranġata din il-problema u jitnaqqas l-inkonvenjent lir-residenti u min juża dawn l-inħawi.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir poliklinika fis-Swieqi, biex isservi għal-lokalitajiet tal-madwar peress li l-klinika tal-G¿ira qed isservi għal wisq nies?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Klinika kurrenti tal-Gżira nfetħet fuq bażi temporanja sakemm jitlesta x-xogħol ta’ rinovar u immodernizzar fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira, li x-xogħol fuqu jinsab fl-aħħar fażijiet tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid meta għandu l-ħsieb li jasfalta u jibni mill-ġdid il-parti ta' fuq ta' Triq Santa Marija, Marsalforn li tinsab fi stat terribbli u diżastruż? Jista’ jgħid jekk din hijiex ser issir matul is-sena 2022?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħsieb tal-Ministeru għal Għawdex huwa li jsiru t-toroq li hemm bżonn madwar Għawdex kif jista’ japprezza li qed jsir.
Proġetti – konsulenzi u pariri minn periti jew ditti ta’ periti — nefqa
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont minfuq fuq konsulenza u pariri mogħtija minn periti jew ditti ta' periti għar-rigward ta' xogħlijiet u proġetti mis-sena 2017 sal-lum, maqsuma sena b'sena? Lil min tħallsu dawn l-ammonti sena b'sena?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex – uffiċjali – rimborż għall-użu tal-karozza privata tagħhom
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19576 u jgħid kemm uffiċjali fil-Ministeru għal Għawdex, inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, qegħdin jiġi rimborżati għall-użu tal-karozza privata tagħhom fuq xogħol uffiċjali? Jista’ jgħid x’inhu l-grad tagħhom u l-pożizzjoni li qegħdin jokkupaw, kif ukoll l-ammont ta’ flus li rċevew matul is-sena 2020 għal dan il-għan? Jista’ jgħid ukoll min ta l-approvazzjoni tiegħu għal tali rimborż f’kull każ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 22593 - Ministeru għal Għawdex uffiċjali rimborż għall-użu tal-karozza privata tagħhom.pdf
Ministeru għat-Trasport l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – proġetti marittimi f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti marittimi hemm ippjanati li jsiru mill-Ministeru tiegħu fil-gżira Għawdxija matul is-sena 2022 u fiex jikkonsistu u kemm huma ppjanati li jiġu jiswew kull wieħed minn dawn il-proġetti?
Response (BORG, IAN)
Infrastructure Malta twaqqfet sabiex twettaq il-pjan fit-tul tal-Gvern li pajji¿na jagħmel qabża kbira ’l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura ewlenija tal-pajjiż. Dan l-impenn ma jinkludix biss it-titjib tas-sistemi tat-toroq, iżda wkoll l-infrastruttura marittima fi xtutna. Fil-fatt, fil-bidu tal-2019 l-aġenzija ħadet f’idejha t-tmexxija tal-ħidma infrastrutturali li kienet twettaq Transport Malta fil-portijiet u x-xtut f’Malta u Għawdex.
Fil-gżira Għawdixja, Infrastructure Malta tejbet il-faċilitajiet tas-sajjieda Għawdxin fil-Port tal-Imġarr. Dan il-proġett b’investiment ta’ €6 miljun b’fondi tal-Unjoni Ewropea kien jinkludi t-tħammil ta’ parti minn qiegħ il-baħar fil-port tal-Imġarr li għal snin twal tħalliet timtela b’ħama u materjal ieħor, kif ukoll il-bini mill-ġdid tal-mollijiet fil-Menqa tal-Port, l-inħawi li jużaw is-sajjieda. L-aġenzija nstallat erba’ puntuni ġodda u faċilitajiet oħrajn għal aċċessibilità aħjar, aktar sigurtà u iżed spazji ġodda fejn is-sajjieda jistgħu jorbtu d-dgħajjes u l-laneċ tagħhom għall-kenn tal-Port. B’organizzazzjoni aħjar tal-puntuni ġodda se jiżdiedu madwar 90 post ġdid għall-irmiġġ tad-dgħajjes ta’ sajjieda li ilhom snin twal jistennew li jingħataw spazju fejn jorbtu b’mod sigur l-opri tal-baħar li jaqilgħu l-għixien tagħhom minnhom.
Il-proġett jinkludi wkoll faċilitajiet ġodda fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jisseparaw u jarmu l-iskart li jiġi ġġenerat mill-ħidma tagħhom. B’hekk, dawn l-inħawi jkunu jistgħu jinżammu aktar indaf. Il-proġett se jgħin biex iż-żona tal-Menqa fill-Port tal-Imġarr tkun organizzata aħjar, u biex tidher isbaħ ukoll.
Infrastructure Malta diġà għamlet ukoll xogħlijiet oħrajn mal-kosta Għawdxija, fosthom il-bini tal-moll għall-Fast Ferry, tiswijiet ta’ strutturi f’Imġarr ix-Xini u nbena wkoll mill-ġdid il-moll fil-Bajja ta’ Santa Marija, f’Kemmuna.
Proġett ieħor li qed ikun ippjanat huwa l-bini mill-ġdid tat-tarf tal-mollijiet fejn jittrakka l-vapur t’Għawdex magħrufin bħala Jetty 2 u Jetty 3. Il-valur ta’ dan il-proġett huwa stmat li se jammonta għal madwar €1 miljun (VAT mhux inkluż).
Fiż-żmien li ġej se jsiru wkoll tiswijiet estensivi jew jinbnew mill-ġdid l-iskal u l-moll ta’ Ħondoq ir-Rummien u l-iskal li hemm fil-Qbajjar li kollha jintużaw mill-pubbliku ġenerali, kif ukoll ser tinbidel ir-rampa minn fejn jiġu varati d-dgħajjes fid-Dwejra li tintu¿a anke minn kumpaniji li joffru servizzi għall-għaddasa u vjaġġi mal-kosta.
Minbarra Infrastructure Malta, fil-gżira Għawdxija jsiru wkoll xogħlijiet marittimi mill-Ministeru għal Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid liema back office ġdid tas-Servizz Pubbliku inġab f'Għawdex matul is-sena 2021? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'dan ix-xogħol ġdid ta' back office f'Għawdex u minn fejn qed joperaw? Kemm minn dawn il-ħaddiema kienu jaħdmu f'Malta sa meta nġab dan ix-xogħol f'Għawdex u issa per konsegwenza ta' dan ix-xogħol, bdew jaħdmu f'Għawdex? X’inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema? Minn fejn qed isir dan ix-xogħol ta' back office ġdid f'Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex – kuntratti mogħtija ta’ inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata ta’ inqas minn €5,000 (eskluża l-VAT) lill-persuni mill-Ministeru għal Għawdex u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu matul is-sena 2021 sal-lum u ċjoè kemm-il kuntratt ingħata lil dawn il-persuni biex joffru servizz lill-Ministeru jew entitajiet bħala persuni self-employed? Jista' jgħid minn f'kull każ iffirma l-kuntratti ma’ dawn il-persuni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 22308.
Ministeru għall-Ġustizzja u l-Governanza – persons of trust
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22177, peress li l-mistoqsija parlamentari ma tirreferix għall-Ministru nnifsu iżda għall-Ministeru tiegħu jew l-ekwivalenti, f’dan il-każ il-Ministeru għall-Ġustizzja, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu fl-2012 u kemm kien l-ammont totali ta’ dawn f’pagi u benefiċċji?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22180, peress li l-mistoqsija parlamentari ma tirreferix għall-Ministru nnifisha iżda għall-Ministeru tagħha jew l-ekwivalenti, f’dan il-każ il-Ministeru għall-Edukazzjoni, tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu fl-2012 u kemm kien l-ammont totali ta’ dawn f’pagi u benefiċċji?
Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22182, peress li l-mistoqsija parlamentari ma tirreferix għall-Ministru nnifisha iżda għall-Ministeru tagħha jew l-ekwivalenti, f’dan il-każ il-Ministeru għar-Riżorsi, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu fl-2012 u kemm kien l-ammont totali ta’ dawn f’pagi u benefiċċji?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li professjonisti fil-qasam soċjali qed jilmentaw li m’għandhomx biżżejjed għodda biex iħaddmu ċ-Children’s Act kif suppost u li huma mhux qed jirnexxilhom jaħdmu fl-aħjar interess tat-tfal?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant tispjega aħjar liema huma l-għodda li qegħda talludi għalihom li allegatament huma neqsin.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inċentivi hemm biex aktar persuni jitħajru jieħdu s-social work bħala professjoni?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) toffri l-aħjar kundizzjonijiet tax-xogħol fil-qasam soċjali permezz ta’ Ftehim Kollettiv li mhuwiex biss l-aqwa patt azjendali fis-settur imma għodda ta’ żvilupp professjonali billi joffri linji ċari u trasparenti għal dawk li huma career progression u career development biex b’ hekk l-FSWS tkun f’ pożizzjoni tajba għal dak li huwa recruitment and retention tar-riżorsi umani tagħha.
Dawn li ġejjin huma, fil-qosor, l-iskaluni tal-inċentivi li joffri l-Ftehim Kollettiv viġġenti bejn l-FSWS u l-union li tirrappreżenta l-maġġoranza tal-ħaddiema, jiġifieri l-UĦM:
Studenti fl-aħħar sena tal-kors universitarju jiġu offruti impjieg bħala Social Worker Trainee hekk kif ilestu l-eżamijiet b’ salarju ta €19,313 (ekwivalenti għal Grade 5 tal-Ftehim Kollettiv), dan sakemm joħroġu r-riżultati kollha u jikkonfermaw li l-istudent ikun għadda mill-kors fl-intier tiegħu u kulma jkun jonqsu tkun il-gradwazzjoni formali,
Malli joħorġu r-riżultati, dawn l-istudenti jiġu promossi għal Social Worker Graduate (non-warranted) u l-paga tagħhom titla’ mill-ewwel għal €22,769 (ekwivalenti għal Grade 4 tal-Ftehim Kollettiv). Dan huwa, fil-fatt, accelerated increment għax professjonisti oħrajn jibdew b’paga ta’ €20,219 ta’ l-istess Grad.
Warranted Social Worker (jiġifieri wara sentejn prattika ta’ xogħol taħt superviżjoni) tibda b’paga ta’ €22,966 (ekwivalenti għal Grade 3 tal-Ftehim Kolettiv bejn l-FSWS u l-UĦM) u tingħata Warrant Allowance ta €1,000 fis-sena kif wkoll FSWS Allowance ta’ €1,500 fis-sena, kif ukoll dritt għal Continuous Professional Development (CPD) Allowance ta’ €700 fis-sena.
Senior Social Worker I - Grade 2 tal-Ftehim Kollettiv b’ paga ta’ €25,478 – jiġu promossi b’ sistema ta’ colloquia wara sejħa interna għal Social Workers li għandhom Degree fis-Social Work kif ukoll 8 snin esperjenza ta’ xogħol jew Masters Degree fil-qasam soċjali u 6 snin esperjenza ta’ xogħol. Jingħataw ukoll Warrant Allowance ta €1,000 fis-sena kif ukoll FSWS Allowance ta’ €1,500 fis-sena, kif ukoll dritt għal Continuous Professional Development (CPD) ta’ €700 fis-sena.
Senior Social Worker II - Grade 1 FSWS Collective Agreement b’ paga ta’ €27,226 – jiġu promossi b’ sistema ta’ colloquia wara sejħa interna għal Social Workers li għandhom Degree fis-Social Work kif ukoll 8 snin esperjenza ta’ xogħol kif ukoll 5 snin esperjenza ta’ xogħol fi grad ta’ Senior Social Worker 1 (jiġifieri total ta’13-il sena xogħol) jew Masters Degree fil-qasam soċjali u 6 snin esperjenza ta’ xoghol kif ukoll 5 snin esperjenza ta’ xogħol fi grad ta’ Senior Social Worker 1 (iġifieri total ta’ 11-il sena xogħol). Jingħataw ukoll Warrant Allowance ta €1,000 fis-sena kif ukoll FSWS Allowance ta’ €1,500 fis-sena kif ukoll dritt għal Continuous Professional Development (CPD) ta’ €700 fis-sena.
Barra minn hekk fi kwalunkwe livell, wara li jkunu kisbu l-warrant, kull social worker jista’ japplika wkoll biex ikun Leader jew Co-Ordinator ta’ Servizz b’ allowances ta’ € 2,800 u € 1,350 fis-sena rispettivament, kif ukoll Qualifications Allowances li titla’ sa € 1,100 għal min gġandu Dottorat.
F’kull stadju ta l-impjieg, kull social worker jingħata supervision professjonali regolari tul l-impjieg kollu.
Jingħata taħriġ regolari professjonali f’Malta kif ukoll barra minn Malta tul l-impjieg kollu tagħhom.
Mis-sena l-oħra ’l hawn ukoll, bi ftehim mal-Università, ġie introdott il-Master fis-Social Care Management biex joffri wkoll opportunità oħra dawk il-professjonisti soċjali li jixtiequ jimxu ’l quddiem fil-karriera tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga f’Malta u f’Għawdex? Kemm minnhom għandhom il-vizzju tal-kokaina, eroina jew cannabis? Kemm minnhom huma nisa u kemm huma rġiel?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ġewwa l-Komunità Santa Marija tal-Aġenzija Sedqa, l-aġenzija nazzjonali fil-qasam tal-vizzji u dipendenzi, fi ħdan l-FSWS bħalissa hemm sbatax (17)-il klijent li qed jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni.
Minn dawn, ħdax (11) huma rġiel filwaqt li sitta (6) huma nisa. Minn dawn is-sbatax (17) -il klijent, hemm;
· Disgħa (9) ppreżentaw problema ta’ kokaina;
· Tmienja (8) ppreżentaw problema ta’ eroina;
· Ħadd ma ppreżenta problema ta’ kannabis.
Programm ta’ rijabilitazzjoni minħabba l-vizzju tax-xorb
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni minħabba l-vizzju tax-xorb f’Malta u f’Għawdex? Kemm minnhom huma nisa u kemm huma rġiel?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-2021, fil-Komunità Santa Marija tal-Aġenzija Sedqa fi ħdan l-FSWS, kien hemm tlettax-il (13) resident li ppreżentaw problema primarja ta’ xorb.
Fil-preżent, hemm sitt residenti li qed jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni f’dan ir-rigward. Minn dawn, tlieta (3) huma nisa filwaqt li tlieta (3) oħra huma rġiel. Hemm ukoll klijent ieħor li semma l-alkoħol bħala l-problema sekondarja tiegħu.
Programm ta’ rijabilitazzjoni minħabba l-vizzju tal-logħob
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni minħabba l-vizzju tal-logħob f’Malta u f’Għawdex? Kemm minnhom huma nisa u kemm huma rġiel?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor, Interpellanta li min ifittex għajnuna għall-vizzju tal-logħob jirċievi din l-għajnuna mill-Addictions Community Team tal-Aġenzija Sedqa fi ħdan l-FSWS.
L-għadd ta’ persuni li fittxew din l-għajnuna matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena huwa kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt:
IRĠIEL
NISA
Total
Gambling reported as a primary problem
17
2
19
Gambling reported as a secondary problem
9
0
9
Total cases reporting a gambling problem
26
2
28
Programm ta’ rijabilitazzjoni minħabba l-vizzju tas-sess
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni minħabba l-vizzju tas-sess f’Malta u f’Għawdex? Kemm minnhom huma nisa u kemm huma rġiel?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta, li fil-preżent ma hemm ebda klijent/klijenta li qed jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni minħabba vizzju tas-sess.
Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru — nefqa rikorrenti vvutati għal pagi ta' persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’persentaġġ tal-nefqa rikorrenti vvutat għall-Ministeru tiegħu ser imur biex jitħallsu l-pagi u kuntratti ta’ persuni ingaġġati bħala “Persons of Trust” fil-Ministeru tiegħu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra
Uffiċċju tal-Prim Ministru — nefqa rikorrenti vvutat għal pagi ta' persons of trust
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’persentaġġ tal-nefqa rikorrenti vvutat għall-Ministeru tiegħu ser imur biex jitħallsu l-pagi u kuntratti ta’ persuni ingaġġati bħala “Persons of Trust” fil-Ministeru tiegħu?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.