Persuni li tressqu l-Qorti akkużati li jgħixu minn fuq il-qligħ tal-prostituzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna tressqet il-Qorti akkużata li għexet minn fuq il-qligħ tal-prostituzzjoni ta' persuni oħra bi ksur tal-artikolu 7 tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid kemm-il persuna nstabet ħatja, kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel, ta' liema nazzjonalità kienet il-persuna u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Settembru 2018, kien hemm sebgħa u tletin (37) każ ta’ persuna li tressqet il-Qorti akkużata li għexet minn fuq il-qligħ tal-prostituzzjoni ta' persuni oħra, bi ksur tal-artikolu 7 tal-Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta. Minn dawn, għaxra (10) kienu nisa u sebgħa u għoxrin (27) kienu rġiel. Tnejn u għoxrin (22) persuna kienu Maltin u ħmistax (15) kienu barranin. Infurmat illi filwaqt li numru minn dawn il-każi għadhom sub-judice, każijiet fejn ingħataw sentenzi kienu jinkludu sentenzi ta’ priġunerija jew priġunerija u multa – priġunerija sospiża – priġunerija sospiża u tneħħija ta’ liċenzja ta’ parlours tal-massaġġi - priġunerija sospiża u ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi u Probation taħt l-artiklu 22. F’każ minnhom kien hemm liberazzjoni u ieħor fejn il-proċess ġie eżawrit minħabba mewt tal-imputat.
Persuni mressqa l-Qorti akkużati minn sehem ta’ eżerċizzju ta’ burdell
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna tressqet il-Qorti akkużata li żammet jew eżerċitat jew kellha sehem ma' oħrajn fl-eżerċizzju ta' burdell jew ta' dar, ħanut jew lok ieħor għal skop ta' prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali bi ksur tal-artikolu 8 (1) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid kemm-il persuna nstabet ħatja, kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel, ta' liema nazzjonalità kienet il-persuna u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti? Jista' jgħid f'liema lokalità kienu jinsabu d-djar, ħwienet jew lok ieħor?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi fil-perjodu indikat mill-Onorevoli Interpellant kien hemm tliet okkażjonijiet fejn kull darba persuna tressqet il-Qorti u akkużata bi ksur tal-artikolu 8 (1) tal-Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta. Dan kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Persuna minn dawn hi l-istess li tressqet ukoll fuq akkuża kif hemm fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet 7041 u 7042 rispettivament:
Sena
Sess
Nazzjonalità
Sentenza
Lokalità
10 PD
2014
M
Malti
Art 7, Chap 446 ghall-3 snin
Marsalforn
10 PD
2014
F
Maltija
Art 22 Chap 446 ghall-sentejn
Marsalforn
10 PD
2014
F
Maltija
Liberata
Marsalforn
Persuni mressqa l-Qorti akkużati minn qligħ ta’ vetturi użati għal skop ta’ prostituzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna tressqet il-Qorti akkużata li tat b'kiri jew ippermettiet l-użu jew ħadet sehem mill-qligħ ta' vettura wżata għal skop ta' prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali bi ksur tal-artikolu 8 (2) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid kemm-il persuna nstabet ħatja, kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel, ta' liema nazzjonalità kienet il-persuna u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
‘Ninsab infurmat illi fl-ahhar tnax-il sena jigifiri mill- 2007 sa sena 2018 ma kien hemm ebda każ fejn xi persuna tressqet il-Qorti akkużata li tat b'kiri jew ippermettiet l-użu jew ħadet sehem mill-qligħ ta' vettura użata għal skop ta' prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali bi ksur tal-artikolu 8 (2) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)’.
Waiting List fil-kirurġija u fil-mediċina – waiting list
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jinforma lill-Kamra kemm preżentement hi l-waiting list għal appuntament ġdid għal kull speċjalità fil-Kirurġija u fil-Mediċina?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li għandhom appuntamenti ġodda bbukjati fl-outpatients fid-dipartimenti tal-Mediċina fl-isptar Mater Dei sal-aħħar ta’ Settembru tal-2018 huwa 10,061 u għal dak tal-Kirurġija huwa 8,773.
Pazjenti Maltin li għażlu li jieħdu kura barra minn Malta
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jinforma lill-Kamra jekk kienx kemm pazjenti Maltin u residenti f’Malta, li għażlu minn rajhom li jieħdu kura jew jagħmlu operazzjoni ġewwa pajjiż Ewropew ieħor minħabba li l-waiting lists lokali kienu itwal milli tippermetti l-Unjoni Ewropea? Jekk fl-affermattiv, jista jinforma għal liema intervent marru u kemm kienet l-ispiża għall-Gvern?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Unjoni Ewropea ma tispeċifikax politika retta fuq waiting times. Madanakollu iċ-Charter tal-Pazjenti ta’ Malta jitlob li jinbeda t-trattament/intervent immexxi minn speċjalista f’perjodu ta’ żmien kif stipulat, sakemm wieħed ma jagħżilx li jistenna aktar jew jiġi deċiż klinikament li għandu jistenna aktar:
F’każ urġenti – il-kura/intervent iridu jinbdew f’perjodu massimu ta’ 12-il ġimgħa.
F’każ mhux urġenti – il-kura/intervent iridu jinbdew fi żmien 18-il xahar għal kundizzjoni li x’aktarx ma tiddeterjorax malajr u li m’għandiex il-potenzjal immedjat li ssir emerġenza.
Fuq dawn il-kriterji kien hemm pazjenta waħda li marret għal kura barra minn Malta minħabba dewmin fil-kura ta’ radjuterapija ikkaġunat minn relokazzjoni tad-dipartiment tal-onkoloġija għall-isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. L-ispiża kienet: €18,037.82.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — avukati u ditti legali – ħlas
Question
Jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni kollha li għandu disponibbli, fuq kemm tħallsu (fejn għandha tiġi indikata r-rata li jitħallsu fis-siegħa fejn din hija miftehma u applikabbli) l-avukati li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, fil-kapaċità individwali tagħhom u / jew id-ditti legali rispettiva tagħhom, kull sena bejn is-sena 2004 u s-sena 2013?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex — avukati u ditti legali – ħlas
Question
Tista’ l-Ministru tagħti l-informazzjoni kollha li għandha disponibbli, fuq kemm tħallsu (fejn għandha tiġi indikata r-rata li jitħallsu fis-siegħa fejn din hija miftehma u applikabbli) l-avukati li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, fil-kapaċità individwali tagħhom u / jew id-ditti legali rispettiva tagħhom, kull sena bejn is-sena 2004 u s-sena 2013?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perjodu msemmi, il-Ministeru għal Għawdex għamel użu mid-ditta legali mniżżla n-numru ħamsa (5) fil-lista mogħtija mill-Onor. Interpellant separatament. Fl-2010, id-ditta legali in kwestjoni tħallset l-ammont ta’ EUR 755.20 għall-servizz legali u attendenza in konnessjoni m’appel għall-offerta 10/09 Supply, Delivery and Installation of Solar PV Colelction System at ITS, Qala, Gozo.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — avukati u ditti legali – ħlas
Question
Jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni kollha li għandu disponibbli, fuq kemm tħallsu (fejn għandha tiġi indikata r-rata li jitħallsu fis-siegħa fejn din hija miftehma u applikabbli) l-avukati li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, fil-kapaċità individwali tagħhom u / jew id-ditti legali rispettiva tagħhom, kull sena bejn is-sena 2004 u s-sena 2013?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid hux minnu li l-Ħadd, 9 ta’ Settembru 2018, bejn is-sitta u t-tmienja u nofs ta’ filgħaxija, is-sistema tat-telefon fir-Residenza San Vinċenz de Paul kienet totalment mhux qed tiffunzjona, bil-konsegwenza li ma setgħux jidħlu telefonati għand it-telephone operators u dan wassal biex, fost oħrajn, ma kienx possibbli li jissejjaħ it-tabib fil-każi fejn pazjenti kellhom bżonnu u għalhekk lis-staff tas-swali kellhom imorru jfittxu huma lit-tabib? Jekk dan huwa l-każ, x’kien li wassal għal dan it-tul kollu ta’ ħin mingħajr servizz daqstant essenzjali f’post bħar-Residenza San Vinċenz de Paul li barra li jservi ta’ sptar iservi wkoll ta’ residenza? Kien hemm xi ħadd responsabbli on duty matul dak il-ħin, biex jieħu ħsieb dan l-inċident ta’ din ix-xorta ġewwa r-Residenza? X’kienet ir-raġuni għal dan in-nuqqas totali ta’ ffunzjonar tas-sistema tat-telefon? Barra minn hekk, kien tul ta’ ħin raġonevoli dak ta’ sagħtejn u nofs biex is-sistema terġa’ tiġi lura għan-normal?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Servizz ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel — studenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li minn din is-sena bdew jużaw is-servizz ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel:
a. tal-Knisja; u
b. Indipendenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li hemm 11,625 student tal-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti li bdew jużaw is-servizz ta’ trasport b’xejn minn din is-sena.
Servizz ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel – spejjeż addizzjonali għas-servizz
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża addizzjonali biex ġie provdut is-servizz ta’ trasport b’xejn għall-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. interpellant li l-istima tal-ispiża biex jiġi pprovdut is-servizz ta’ trasport b’xejn għall-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti hi ta’ madwar €8.5m għal sena. Madankollu, ninforma lill-Onor. Interpellant li dan huwa eżerċizzju ongoing li jiddependi minn kemm studenti jagħmlu użu minnu.
Servizz ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel – vannijiet u vetturi addizzjonali
Question
Jista’ l-Ministru tal-Edukazzjoni jgħid kemm hemm vannijiet u/jew vetturi addizzjonali li qed jintużaw biex jingħata s-servizz ta’ trasport b’xejn lill-istudenti tal-iSkejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li sal-lum vetturi rreġistrati ma’ MEDE li qed joffru servizz ta’ trasport b’xejn lill-istudenti li jattendu skejjel tal-Knisja u/jew Indipendenti hemm 972.
Servizz ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel – ilmenti dwar dewmien fis-servizz
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux rapporti li tfal li jattendu fl-iSkejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti mhux qed jinqdew mis-sistema l-ġdida ta’ trasport b’xejn għall-istudenti, fis-sens li t-trasport qed regolarment jiġborhom tard mid-dar u jwassalhom regolarment tard l-iskola? Jista’ jgħid x’azzjoni ħa dwar dawn l-ilmenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li qed jidħlu ilmenti mill-ġenituri/legal guardians fuq is-servizz provdut mill-operaturi li qed jipprovdu s-servizz lil studenti li jattendu skejjel tal-Knisja u Indipendenti. Għalkemm ir-rwol tal-Gvern mhux li jidħol fl-operat ta’ dan is-settur, id-dipartiment fi ħdan il-MEDE qiegħed jindirizza dawn l-ilmenti mal-operaturi konċernati sabiex kemm jista’ jkun itejjeb is-servizz provdut.
Servizz ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel – servizz ta’ superviżjoni
Question
Jista’ l-Ministru tal-Edukazzjoni jgħid jekk hux qed jiġi provdut servizz ta’ superviżjoni fuq is-servizz ta’ trasport b’xejn għall-istudenti tal-iSkejjel tal-Knisja u Indipendenti u jekk le, għaliex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-inizjattiva ta’ servizz ta’ trasport b’xejn lill-istudenti kollha qed tiġi introdotta gradwalment.
Għal din is-sena skolastika, fuq it-trasport provdut għall-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti, il-Gvern ħalla s-servizz tas-superviżjoni jopera kif kien jopera fis-snin li għaddew. Jiġifieri, jekk is-sena l-oħra kien hemm provdut superviżjoni, il-Gvern ħalla f’idejn il-ġenituri/legal guardians jekk jagħżlux li jkollhom dan is-servizz li bħalissa għadu qed jiġi mħallas mill-ġenituri jekk jagħżlu li jeħduh.
Peress li l-Prim Ministru ħabbar li fi żmien 15-il sena, it-trasport pubbliku madwar Malta u Għawdex se jkun b’xejn, jista’ l-Ministru jgħid xi studji saru biex Trasport Malta waslet għas-sena 2033? X’inhuma r-raġunijiet li ntgħażlet din is-sena?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-diskors li għamel l-Onorevoli Prim Ministru fit-30 ta’ Settembru 2018 huwa speċifika li hija il-viżjoni ta' dan il-Gvern li s-servizz tat-trasport pubbliku jingħata b’xejn lil kulhadd fis-snin li ġejjin. Nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li diġà bdejna inwettqu din il-viżjoni meta s-sena li għaddiet tajna dan is-servizz b’xejn lil kull min għalaq tmintax (18)-il sena u din is-sena komplejna nespandu din l-iskema għal dawk il-persuni kollha li għandhom bejn is-sittax (16) u l-għoxrin (20) sena.
Nista' nassigura lill-Onor. Interpellant li Transport Malta sejra ħa tkun qed tkompli taħdem fuq pjan fit-tul sabiex din il-viżjoni tiġi mwettqa.
Peress li l-evalwazzjoni tat-tender tal-Paola Health Hub li hu smat li se jiswa €26 miljun twaqqfu minħabba interessi pekunarji minn membri fil-bord tal-evalwazzjoni u għażla tal-offerti u twaqqaf bord ġdid, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhu l-eżitu ta’ dan il-bord? Min intgħażel?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-premessa li qed jagħmel fil-mistoqsija tiegħu hija żbaljata.
Peress li l-proġett ta’ Paola Health Hub ilu deċiż li jitwettaq minn 2013, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta għandu jitlesta dan il-proġett? Jista’ jgħid min-nefqa ta’ €26miljun, kemm se jinħarġu mill-fondi tal-Unjoni Ewropea?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett ta` Paola Hub hu maħsub li jitlesta fi żmien 3 snin u nofs minn mindu jibda’ x-xogħol. Il-proġett huwa stmat li jiswa madwar €33miljun (VAT eskluża ), li minnhom 80% se jinħarġu mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.
B’referenza għall-PA/02557/17 fl-Għarb Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx applikazzjoni mal-Awtorità tal-Artijiet biex din l-art pubblika tingħata lill-kunsill lokali jew xi terzi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-PA/02557/17, iva, saret talba mal-Awtorità tal-Artijiet mill-Kunsill Lokali tal-Għarb Għawdex, fejn l-applikant ingħata parir li japplika għal clearance in principle għall-iżvilupp propost.
B’referenza għall-PA/02557/17 fl-Għarb Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma t-termini tal-PPP li qed jitħejja mill-kunsill ma’ terzi, biex dan il-proġett iseħħ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Għarb li għadu fil-proċess ta’ applikazzjoni għal dan il-proġett u li għad ma hemm l-ebda arranġamenti għat-termini ta’ PPP.
Organizzazzjonijiet Volontarji – għajnuna għal tkabbir tal-kapaċitajiet operattivi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6618 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’tip ta’ għajnuna ġiet mogħtija lill-Organizzazzjonijiet Volontarji sabiex ikabbru l-kapaċitajiet operattivi tagħhom f’dawn l-aħħar ħames snin u sal-aħħar ta’ Mejju 2018? Liema huma dawk l-Organizzazzjonijiet Volontarji li mhumiex qed jagħtu rendikont fil-ħin kif obbligati bil-liġi li jagħmlu?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant, sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.