Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mellieħa – Ir-Razzett tax-Xjaten

Question

Jista' l-Ministru jindika preżentement lil min tgħajjat il-binja fil-Mellieħa magħrufa bħala "Ir-Razzett tax -Xjaten" u jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qattx talab lid-Dipartiment tal-Artijiet biex dan is-sit jiġi devolut lilu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-propjetà magħrufa bħala "Ir-Razzett tax-Xjaten" hija mikrija għand terzi. L-Awtorità tal-Artijiet ma kellha ebda talba mingħand ebda entità għall-devoluzzjoni.

Forti Campbell fil-limiti ta’ Selmun – talbiet/interessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi talbiet/interess minn entitajiet privati jew għaqdiet mhux governattivi lid-Dipartiment tal-Artijiet dwar il-binja magħrufa bħala Forti Campbell li tinsab fil-limiti ta' Selmun?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fl-2010 saret talba minn għaqda non-governattiva permezz tal-Kunsill Malti għall-Isport,sabiex l-inħawi ta’ Fort Campbell jintużaw bħala Airsoft Range. Fl-2014, id-Dipartiment tal-Artijiet irċieva rikjesta minn entità privata għal dettalji dwar tas-sit u dwar il-possibilità li Forti Campbell tiġi devoluta lilhom.

Triq il-Kbira, Triq il-Fortizza u Triq in-Nases – applikazzjoni għall-bini ta’ lukanda

Question

Jista' l-Ministru jindika f’liema stadju waslet l-applikazzjoni (PA 5909 / 17 ) ta' bini ta' lukanda u appartamenti fil-Mellieħa fiż-żona li tinsab bejn Triq il-Kbira, Triq il-Fortizza u Triq in-Nases? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll kemm kien hemm oġġezzjonijiet għal din l-applikazzjoni u jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kienx wieħed minn dawk li formalment ressqu oġġezzjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni (PA5909/17) ġiet validata fi 13 ta’ Lulju 2018 u għaddiet mill-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni fejn irriżulta li jeħtieg aktar informazzjoni kif ukoll emendi tal-pjanti. Għaldaqstant, l-Awtorità tal-Ippjanar qegħda tistenna s-sottomissjonijiet rikjesti biex b’hekk tkun tista’ tgħaddi għat-tieni fażi ta’ konsultazzjoni. Matul il-konsultazzjoni pubblika l-Awtorità tal-Ippjanar irċceviet erba’ rappreżentazzjonijiet li tinkludi waħda f’isem il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.

Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2015 – 2020? X’twettaq s’issa minn din il-politika nazzjonali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

B’referenza għal din il-mistoqsija dwar xi twettaq s’issa mill-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2015 - 2020, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dettaljata dwar: Pjan ta’ Azzjoni 1 - Spazji ġodda fil-komunità lokali għaż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Pjan ta’ Azzjoni 2 - Sensibilizzazzjoni, nisimgħu u nappoġġjaw il-vuċijiet taż-żgħażagħ Pjan ta’ Azzjoni 3 - Inizjattivi għall-impenn attiv, l-empowerment u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

Sentenzi ta’ sigħat xogħol fil-komunità mogħtija mill-ġudikatura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sentenza ta’ sigħat xogħol fil-komunità ngħatat mill-ġudikatura f’dawn l-aħħar ħames snin? X’tip ta’ xogħol twettaq mill-akkużati u f’liema lokalità sar dan ix-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Persuni li jikkwalifikaw għall-Għajnuna Legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li jikkwalifikaw għall-għajnuna legali? Kemm huwa n-numru ta’ avukati allokati biex jgħinu lil dawn il-persuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hemm 22 avukat tal-għajnuna legali f’Malta u 5 avukati tal-għajnuna legali f’Għawdex. Jassistu lill-avukati f’Malta hemm 23 prokuratur legali. Intant infurmat ukoll li persuna tikkwalifika għall-għajnuna legali skond din il-proċedura li ġejja: Persuna li tikkwalifika mingħajr it-test tal-mezzi ( means test ): 1. Fil-kamp kriminali hija (kif stipulat fil-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta): i. Persuna akkużata waqt l-interrogazzjoni mill-Pulizija; ii. Persuna akkużata li tinġib quddiem il-Qorti f’kawżi kriminali u ġurijiet; 2. Bħala vittma tal-kriminalità hija: i. Kull persuna li hija vittma tal-kriminalità kif stipulat fil-kapitolu 539; Persuna li tikkwalifika wara li jsir it-test tal-mezzi: 3. Fil-kawżi ċivili (kif stipulat fil-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta) persuna eleġibbli trid tippruva li (u wara li jaħilfu l-applikazzjoni): i. Minbarra l-oġġett fil-kawża, hi ma għandha ebda xorta ta’ proprjetà li l-valur nett tagħhom jammonta għal, jew ikun aktar minn, €6988.12; ii. Li l-qliegħ tiegħha fis-sena huwa inqas mill-paga minima nazzjonali stabbilità għal persuni li jkunu għalqu tmintax-il sena. 4. Fil-kawżi ċivili dwar l-Ordinanza li Tneħħi l-Kontrol tad-Djar kif stipulat fil-Kapitolu 158 persuni eleġibbli jridu jippruvaw illi (u wara li jaħilfu l-applikazzjoni): i. Ma jkunux impjegati full-time bi qliegħ.

Każijiet fil-qorti li ġew preskritti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet fil-Qorti li ġew preskritti f’dawn l-aħħar ħames snin? Fuqiex kienu jittrattaw dawn il-każijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex ma tinżammx statistika fir-rigward ta’ każijiet li jiġu preskritti.

Sptar Mater Dei — Spiża tas-sodod

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hija kkalkulata li tiswa sodda għal kull lejl fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-nefqa ta’ kull sodda għal kull lejl fl-Isptar Mater Dei, dik li hija Low Dependency tvarja bejn €163 u €347 u għal High Dependency tvarja bejn €283 u €1,291.

Servizzi u Benefiċċji Soċjali — lista

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7021 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kull servizz/benefiċċju soċjali li jingħata mid-dipartimenti/entitajiet tiegħu u għal kull wieħed jgħid kemm kien hemm benefiċjarji f’Settembru ta’ din is-sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Social Workers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7018 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm social workers jaħdmu fid-dekasteru tiegħu u jagħti l-informazzjoni skont ma’ liema dipartiment/entità qed jagħmlu xogħolhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm, 278 Social Worker u huma mqassmin kif ġej; Dipartiment/Entita` Numru ta’ Social Workers Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali 254 Aġenzija Sapport 16 Residenza San Vinċenz 4 Awtorita` tad-Djar 2 Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali 1 Awtorita` tal-Istandards tal-Kura Soċjali 1

Care Orders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7019 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu care orders mis-sena 2010 ‘l hawn sena b’sena (sal-aħħar ta’ Settembru 2018)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bejn 2010 u Settembru 2018, in-numru ta’ Ordni għal Ħarsien (Care Orders) huwa kif ġej ; Care Orders maħruġin mill-Aġenzija Appoġġ Care Orders maħruġin mill-Aġenzija AWAS Sena Malta Sena Malta 2010 36 2010 19 2011 51 2011 25 2012 34 2012 107 2013 33 2013 341 2014 27 2014 80 2015 21 2015 44 2016 9 2016 16 2017 14 2017 7 2018 33 2018 11

insetti perikolużi fi premises — rapporti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta f'każ ta' emerġenza għaqda ta' żgħażagħ, jew familja, jew kull persuna oħra, jirrapportaw lill-Awtoritajiet bħall-Pulizija jew id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b'rapport li fil-premises daħlu insetti bħal żnażan li joħolqu periklu għal min jiffrekwenta l-premises, min minn dawn l-entitajiet jista' jerfa' r-responsabbiltà biex ikun jista' jneħħi dak il-periklu li jkun rapportat? Qed insaqsi din il-mistoqsija peress li l-Mosta Girl Guides għamlu tali rapport u spiċċaw biex s'issa ma nstabet l-ebda entità tal-gvern li terfà din ir-responsabbiltà li tneħħi dawn l-insetti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Mosta — Triq Fabrizio Bartolo - aċċessibilità

Question

Jista' l-Ministru permezz ta' Transport Malta, jgħid jekk Triq Fabrizio Bartolo, il-Mosta, li hija trejqa dejqa li minnha bilkemm tgħaddi vettura, issir "one way except for un/ loading by residents" u dan ifisser li din it-trejqa tkun għalhekk aċċessibbli biss għal ftit residenti fl-istess triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li Transport Malta kienet f’komunikazzjoni mall-Kunsill Lokali tal-Mosta fir-rigward ta’ din it-triq fejn kienu ġew ssuġġeriti miżuri ta’ traffic calming / management. Fil-każ li hemm min jixtieq li din it-triq ikollha aċċess limitat, għandha ssir applikazzjoni mill-kunsill lokali minħabba li din it-triq hija responsabiltà tal-kunsill, u Transport Malta tkun tista’ tevalwa l-applikazzjoni.

In-Naxxar — Triq Gaetano Vitale - Xogħol ta' Kostruzzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6256 u 6106 peress li għadu ma qalx meta se jibda x-xogħol fuq l-imsemmija triq fl-ebda risposta, jista' l-Ministru jgħid meta fil-fatt se jibda x-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Il-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Fil-fatt, fil-jiem li għaddew din l-aġenzija li twaqqfet fis-sajf diġa ħabbret l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid is-sena d-dieħla. Ix-xogħol meħtieġ għall-bini mill-ġdid ta’ aktar toroq qed jiġi ppjanat bħalissa u ser jitħabbar fiż-żmien li ġej. L-aġenzija ser tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu ser jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.

Proġett ta’ twessiegħ ta’ toroq – raba’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-proġett ta’ twessiegħ ta’ toroq, kemm-il biċċa raba’ ġiet mittiefsa, bħala numru, f’kull triq? Jista’ jgħid ma’ min ikkonsulta għal kull biċċa art jew raba’? Jista’ jgħid x’kontribut finanzjarju Transport Malta jew il-Ministeru spiċċa ħallas bħala kumpens?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Vassallo biex ġentilment jispeċifika eżattament għal liema toroq qed jirreferi, u f’liema żmien saru x-xogħlijiet indikati, sabiex ikun jista’ jinġabar it-tagħrif mitlub.
Leg 13 PQ #7216 Sitting 144 2018-10-15 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa – laqgħat ma’ Pieter Omtzigt

Question

Peress li r-rapporteur tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-istat tad-dritt f’Malta, huwa s-Sur Pieter Omtzigt u se jżur Malta fil-ġimgħa tat-22 ta' Ottubru u peress li l-Kunsill tal-Ewropa jinsab fi Strasburgu u huwa ddedikat fuq id-drittijiet tal-bniedem, demokrazija u stat tad-dritt u huwa d-dar tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u peress li l-Prim Ministru kemm-il darba qal pubblikament li se jikkopera mal-Istituzzjonijiet Ewropej fuq dan il-qtil makabru, jista’ l-Prim Ministru jikkonferma li l-Gvern se jikkopera bis-sħiħ mas-Sur Omtzigt? Jista’ jikkonferma li hu se jagħmel minn kollox biex jiżgura li r-rapporteur ikun jista' jiltaqa’ ma' dawk l-uffiċjali u politiċi kollha li l-kontribut tagħhom huwa meħtieġ biex jitħejja dan ir-rapport?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li se jsiru laqgħat mas-Sur Omtzigt kif kien mitlub minnu, inkluż miegħi u Ministri ohra tal-Gvern. Irrid ngħid li se jsiru dawn il-laqgħat minkejja r-riżervi serji li għandu l-Gvern dwar l-integrità tas-Sur Omtzigt biex jespedixxi l-inkarigu tiegħu tenut kont tal-agir ċensurabbli tiegħu fir-rigward ta' tixrid ta' fake news relattiv għall-kraxx tal-Malaysia Airlines Flight 17.
Leg 13 PQ #7217 Sitting 144 2018-10-15 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Identity Malta – servizzi ta’ konsulenza minn individwu

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid fiex jikkonsistu s-servizzi ta’ konsulenza li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qed jagħti lil Identity Malta u x’xogħol sar minnu mid-data tal-bidu tal-kuntratt sad-data ta’ din il-mistoqsija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol tal-persuna kkonċernata jikkonsisti f’konsulenza legali marbuta mal-Aġenzija Identity Malta. Flimkien ma’ uffiċjali oħra tal-Aġenzija, il-persuna kkonċernata kienet u għadha involuta, fost affarijiet oħra, f’diskussjonijiet u tħejjijiet ta’ numru ta’ riformi li għamlet u li ser twettaq din l-Aġenzija, kif ukoll emendi għall-abbozzi ta’ liġi [inkluż Legislazzjoni Sussidjarja] li tressqu jew li ser jitressqu quddiem din il-Kamra. Dan sabiex jiġu aġġornati l-liġijiet u policies li jirregolaw is-servizzi relatati mal-istess Aġenzija, inkluz entitajiet u materji li tagħhom hi responsabbli l-Aġenzija Identity Malta. Dan apparti xogħol relatat mat-twaqqif ta’ żewg Aġenziji ġodda, tfassil ta’ memos minn żmien għal żmien u pariri anċillari li jkunu meħtieġa.
Leg 13 PQ #7218 Sitting 144 2018-10-15 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Identity Malta – servizzi ta’ konsulenza minn individwu

Question

Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li bih Identity Malta ingaġġat is-servizzi ta’ konsulenza tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt pre¿enti tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament.
Leg 13 PQ #7219 Sitting 144 2018-10-15 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Identity Malta – servizzi ta’ konsulenza minn individwu — ħlas

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm tħallset minn Identity Malta l-persuna li isimha qed jingħata separatament mid-data meta ġiet ingaġġata sad-data ta’ din il-mistoqsija u jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-invoices u riċevuti relevanti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Awwissu 2017 sal-lum, il-persuna kkonċernata tħallset €29,200 (excl. VAT) għax-xogħol li għamlet.