Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni mressqa l-Qorti – kiri/użu ta’ dar jew fond użat għal skop ta’ prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna tressqet il-Qorti akkużata li tat b'kiri jew ippermettiet l-użu ta' dar jew fond għal skop ta' prostituzzjoni jew għal skopijiet oħra immorali bi ksur tal-artikolu 10 tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid kemm-il persuna nstabet ħatja, kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel, ta' liema nazzjonalità kienet il-persuna u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti? Jista' jindika f'liema lokalità kienu jinsabu d-djar jew fondi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant kien hemm każ wieħed fejn persuna tressqet il-Qorti fuq ksur tal-artikolu 10 tal-Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta’. Din hi l-istess persuna li tressqet ukoll fuq akkużi relatati mal-mistoqsija 7039 u 7041.

Kummissarju tal-Pulizija – avviż bil-miktub

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il avviż bil-miktub ta l-Kummissarju tal-Pulizija biex sid jew persuna li għandha l-amministrazzjoni ta' dar jew lokal ieħor ta' proprjetà u li huma wżati għal skop ta' prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali, jieħu l-passi meħtieġa quddiem il-Qorti għall-iżgumbrament tal-persuni li jkunu qegħdin joqogħdu f'dak il-fond skont dak li jipprovdi l-artikolu 12 (1) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid kemm-il persuna ġiet akkużata li naqset milli tieħu l-azzjoni mitluba mill-Kummissarju tal-Pulizija, kemm-il persuna nstabet ħatja, kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel, ta' liema nazzjonalità kienet il-persuna u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti? Jista' jindika f'liema lokalità kienu jinsabu d-djar jew proprjetà oħra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li ma kien hemm ebda każ fejn ħareġ avviż bil-miktub tal-Kummissarju tal-Pulizija biex sid jew persuna li għandha l-amministrazzjoni ta' dar jew lokal ieħor ta' proprjetà u li huma wżati għal skop ta' prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali, jieħu l-passi meħtieġa quddiem il-Qorti għall-iżgumbrament tal-persuni li jkunu qegħdin joqogħdu f'dak il-fond skont dak li jipprovdi l-artikolu 12 (1) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta) fil-perjodu indikat minnu.

Kummissarju tal-Pulizija – ordnijiet għal żgumbrament ta’ appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il ordni ta l-Kummissarju tal-Pulizija biex dar, ħanut, alloġġ, lukanda, appartament jew fond ieħor jinżammu magħluqa sa ma l-Qorti tagħti sentenza skont dak li jipprovdi l-artikolu 13 tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ kien jirreferi għal dar, kemm-il każ kien jirreferi għal ħanut, kemm-il każ kien jirreferi għal alloġġ, kemm-il każ kien jirreferi għal lukanda, kemm-il każ kien jirreferi għal appartament, kemm-il każ kien jirreferi għal fond ieħor u jindika f'liema lokalità kienu jinsabu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant kien hemm dsatax-il okkażjoni fejn intalbet ordni tal-Kummissarju tal-Pulizija permezz tal-Prosekutur biex dar, ħanut, alloġġ, lukanda, appartament jew fond ieħor jinżammu magħluqa sa mal-Qorti tagħti sentenza skont dak li jipprovdi l-artikolu 13 tal-Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta li ġew milqugħa. Dawn kienu kollha ħwienet u fil-lokalitajiet indikati fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qorti – tħassir ta’ liċenzji ta’ lukandi, alloġġi u ħwienet

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, f'kemm-il każ il-Qorti ħassret liċenza dwar xi lukanda, alloġġ, ħanut jew fond ieħor jew ta' liċenzja tas-sewqan tal-ħati jew liċenzi oħra f'każ ta' kundanna għal reati taħt tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex ma tinżammx statistika dwar każijiet fejn il-Qorti ħassret liċenzja dwar lukanda, alloġġ, ħanut jew fond ieħor jew ta’ liċenzja tas-sewqan tal-ħati jew liċenzji oħra f’każ ta’ kundanna għal reati taħt l-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta’ Malta).

Portijiet Maltin — Dħul ta’ bastimenti Ċiniżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu bastimenti Ċiniżi fil-portijiet Maltin mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena? Jista' jagħti l-isem ta' kull wieħed mill-bastimenti u jekk kienx bastiment militari jew inkella bastiment ċivili? Jista' jgħid ukoll f'liema port Malti daħal kull wieħed mill-bastimenti Ċiniżi u kemm dam?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn 2013 u t-2 ta’ Ottobru 2018 f’Malta daħlu bastimenti Navali Cinżi kif indikat f din it tabella hawn taħt : Sena Isem il Bastiment Ċini ż Tip ta bastiment Kemm dam 2018 0 -- 2017 0 -- 2016 0 -- 2015 0 -- 2014 0 -- 2013 3 HUANGSHAN HENGYANG QINGHAIHU Militari Militari Militari 4 t’ijiem 4 t’ijiem 4 t’ijiem L-informazzjoni dwar f'liema port Malti daħal kull wieħed mill-bastimenti Ċiniżi ma hiex fil-kompetenza ta’ dan il Ministeru.

Ħruġ ta’ aggressuri minn djar tal-vittmi ta’ vjolenza domestika — każijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6629, jista’ l-Ministru jgħid għaliex tagħrif tant importanti ta’ kemm ħarġu aggressuri mid-djar tal-vittmi ta’ vjolenza domestika ma tinżammx mill-Pulizija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li għalkemm tagħrif ta’ kemm ħarġu aggressuri mid-djar tal-vittmi ta’ vjolenza domestika huwa importanti, bħalma hu importanti tagħrif fuq diversi materji oħra li jintalbu permezz ta’ interpellanzi, dan it-tagħrif qatt ma kien jinżamm taħt forma kompjuterizzata fis-sistema nazzjonali tal-Pulizija. Għalkemm din tiġi upgraded regolarment mhux possibbli li tkopri kull informazzjoni li tiġi mitluba. Infurmat li biex tinġabar l-informazzjoni jrid isir eżami manwali li jinħtieġ ħafna żmien u riżorsi u peress li ma teżistix din il-kategorija fis-sistema, il-figuri jista’ ma jkunux veritieri. Madankollu infurmat li qed isiru arrangamenti biex jekk ikun possibbli fil-futur tidħol kategorija ta’ din ix-xorta fis-sistema nazzjonali tal-pulizija.
Leg 13 PQ #7149 Sitting 144 2018-10-15 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għall-Finanzi

IIP — kontribuzzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal kif intefqet is-somma ta’ €430 miljun li ġew mill-fondi għall-kontribuzzjonijiet tal-IIP?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Korsijiet tal-First Aid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-kors tal-First Aid isirx obbligatorju fl-iskejjel sekondarji? Kemm hemm għalliema u LSEs li għandhom taħriġ fl-Ewwel Għajnuna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-istudenti tas-suġġett VET Health & Social Care jingħataw il-kors tal-First Aid. S’issa l-istudenti l-oħra ma jingħatawx dan il-kors. Il-maġġoranza tal-iskejjel sekondarji jistiednu lill-għalliema tal-Health & Safety sabiex jagħtu dan it-taħriġ fuq erbat ijiem. Ta' min jgħid li dawn l-għalliema tal-Health & Safety huma akkreditati li jistgħu jagħtu dan it-taħriġ mill-Malta Red Cross. Fl-iskejjel tal-Istat għandna 165 edukatur kwalifikati bħala First Aiders. Infurmat iżda, li hemm aktar edukaturi li huma kwalifikati bħala First Aiders minħabba li jkunu għamlu l-kors fil-ħin personali tagħhom. Dawn l-edukaturi ma jkunux infurmaw lid-Dipartiment li jkollhom tali kwalifika minħabba li mhumiex obbligati jagħmlu dan.

CT Scan, MRI u Pat Scan — spejjeż

Question

B’referenza għall-investigazzjonijiet li saru fis-sena 2017 ta’ CT Scan, MRI u PAT Scan, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm tiġih tiswa lill-Gvern kull CT scan, MRI u PAT scan? Jista’ jgħid kemm kienu dawk li twettqu l-MDH, GGH u fil-privat bħala PPP? Jekk xi wieħed minn dawn l-investigazzjonijiet ingħatat lill-privat, x’kienet ir-raġuni? Kemm hu l-prezz imħallas mill-Gvern meta jingħata lill-privat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalma jaf tajjeb hu l-ispejjeż mitluba minnu huma ta’ natura kummerċjali. Matul l-2017 fis-servizz tal-Gvern saru 23,307 MRI’s li minnhom 64 saru fil-privat, CT Scans saru 37,837 u ma kien hemm l-ebda CT Scan li sar fil-privat, filwaqt li PET Scans saru 1,731 li minnhom 47 saru fil-privat. Ninfurmah ukoll illi fl-2012 fl-aħħar sena ta’ amministrazjoni nazzjonalista, f’sena sħiħa kienu saru biss 8,580 MRI’s, CT Scans 21,882 u PET Scan 1.

Żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena — konċepiment

Question

Peress li l-età taħt it-18-il sena hi meqjusa bħala minuri iżda dan ma jfissirx li din il-kategorija ma jistgħux jingħataw drittijiet ċivili li jkabbar youth empowerment, minkejja li l-ġenitur jibqa’ obbligat iħares l-interessi ta’ uliedu, kif ġara fil-każ ta’ konsulta medika u fl-età tal-kunsens għas-sess, u peress li meta sar l-abbozz dwar id-donazzjoni tal-organi, ċelloli u tessuti, l-età kienet ġiet stabbilita għal 18-il sena (sperma u ova ġew esklużi), jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk meta niġu għal donatur tal-sperma jew ova hemmx ħsieb li l-wild, għandux ikun jaf li hu ġie ikkonċepit f’dan il-mod qabel l-età ta’ 18-il sena? Jista’ jgħid jekk sarx studju?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Artiklu 7 tal- Att li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, Kap. 524 jispeċifika li “d-dokumenti mediċi li jistgħu jaffettwaw is-saħħa tal-wild u l-identità tad-donatur jew tal-persuni li minnhom ikun oriġina embrijun adottat għandhom ikunu aċċessibbli għall-wild konċepit miċ-ċelloli germ line tal-imsemmi donatur jew meta l-wild jgħalaq it-tmintax-il sena jew, bil-kunsens tal-Awtorità, f’xi stadju qabel f’ċirkostanzi eċċezzjonali fejn il-ħajja jew is-saħħa tal-wild li twieled minn dawk iċ-ċelloli germ line qiegħda fil-periklu”. L-eta’ ta’ 18 il-sena hija mfassla fuq l-eta’ ta’ addozzjoni. Ninfurmah ukoll li l-ġenituri prospettivi huma liberi li jinfurmaw lill-wild li twieled minn proċeduri medikament assistiti bl-użu ta’ donatur. Hija l-identità tad-donatur li tingħata lill-wild ta’ 18 il-sena jekk hu jfittex li jsir jafha mingħand l-Awtorità.

Ġnus Maqgħuda – prekawzjonijiet speċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinbdew proċeduri fil-Ġnus Magħquda biex: a. jittieħdu prekawzjonijiet speċjali meta gżejjer stati żgħar jiffaċjaw eskalazzjoni ta’ persuni li jfittxu l-ażil; b. jiġu limitati t-talbiet ta’ min ifittex l-ażil għal wieħed li tkun ibbażata fuq safe UN signatory country u mhux għażla ta’ pajjiż?

Response (ABELA, CARMELO)

Fl-istituzzjonijiet internazzjonali Malta dejjem taħdem favur soluzzjoni globali għal sfidi globali. Fil-fatt, kif elenka l-Prim Ministru fid-diskors tiegħu lill-Ġnus Magħquda, hi meħtieġa l-għaqda, il-komunikazzjoni fostna u l-ftehim biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi tal-lum il-ġurnata. B’hekk biss, permess ta’ front magħqud, ikollna ċans ikbar li nħollu l-kobob li jeżistu. Malta temmen li dawk li qed jagħlqu l-bibien għad-diskussjoni qegħdin biss jistħajlu li xi kwistjonijiet jistgħu jaħarbu minnhom u pajjiżna żgur mhux wieħed minnhom. Minbarra hekk, iżda, il-Ministeru tiegħi mhux informat bl-ebda proċeduri fil-Ġnus Magħquda kif indikat mill-Onor. Interpellant.

Sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali rigward każ

Question

Wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali fil-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, deċiża fil-5 ta’ Ottubru 2018, jista’ l-Ministru jgħid x’qed jistenna li bħala l-Ministru responsabbli mill-Korp tal-Pulizija, jerfa’ r-responsabbiltà politika għal dak li ġie deċiż u ċjoè li kien u hemm ksur tal-artikolu 2 u 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem meta l-Assistent Kummissarju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ukoll, ingħata l-inkarigu li jinvestiga l-qtil tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kuntrarju għal dak allegat minnu, il-Qorti Kostituzzjonali ma sabitx ksur tal-Artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem. Sadanittant nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-istqarrija li ħareġ il-Gvern ftit minuti wara din is-sentenza.

Korp tal-Pulizija – ħlas ta’ overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħlas ta’ overtime fil-Korp tal-Pulizija xahar b’xahar fis-sena 2017 kollha u kull xahar fis-sena 2018 minn Jannar sa Settembru 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-ħlas ta’ overtime fil-Korp tal-Pulizija għas-snin 2017 u sa Settembru 2018, maqsum xahar b’xahar kien kif jidher hawn taħt: Sena 2017 Sena 2018 Pay No. € Pay No. € 1 95,388.24 1 191,874.25 2 121,247.33 2 234,737.70 3 431,558.49 3 201,715.16 4 232,072.09 4 255,168.12 5 220,986.37 5 319,274.28 6 350,983.59 6 1,801.35 7 208,270.30 7 346,755.07 8 493,218.01 8 352,630.41 9 171,342.79 9 411,100.22 10 154,254.88 11 161,587.92 12 253,240.40 13 269,872.22

Korp tal-Pulizija – ħlasijiet ta’ extra duties

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru ħlasijiet ta’ extra duties lill-membri tal-Korp tal-Pulizija fis sena 2017 xahar b’xahar, u kemm saru ħlasijiet ta’ extra duties xahar b’xahar minn Jannar 2018 sa Settembru 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-ħlasijiet ta’ extra duties li saru lill-membri tal-Korp tal-Pulizija fis-snin 2017 u 2018 sa Settembru, xahar b’xahar għal kull sena, kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt : Sena 2017 Sena 2018 Pay € Pay € 1 308,203.16 1 313,072.08 2 501,224.41 2 550,579.47 3 367,413.88 3 290,961.06 4 258,056.56 4 263,727.00 5 243,590.17 5 238,092.83 6 303,872.97 6 265,244.98 7 191,655.49 7 322,364.74 8 753,358.86 8 264,944.67 9 255,999.48 9 259,065.53 10 233,056.52 11 439,651.99 12 271,693.21 13 109,326.29

Persuni detenuti l-ħabs li għaddejjin bi proċeduri fil-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni preżentement detenuti fil-ħabs li għadhom għaddejjin bi proċeduri l-Qorti u li fil-konfront tagħhom għad ma hemmx sentenza definittiva?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi preżentament hemm mija disgħa u sebgħin (179) persuna detenuti fil-ħabs li għadhom għaddejjin bi proċeduri bil-Qorti u li fil-konfront tagħhom għad m’hemmx sentenza definittiva.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – persuni li qed iservu sentenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni preżentement fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li qed iservu sentenza ta’ ħabs?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi preżentament fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin, hemm erbgħa mija u tlieta (403) persuni li qed iservu sentenza ta’ ħabs.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — nisa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm nisa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin xahar b’xahar minn Jannar 2018 sa Settembru 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta’ priġunieri nisa ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minn Jannar 2018 sa Settembru 2018 huwa kif indikat: Jannar 60 Frar 61 Marzu 62 April 61 Mejju 60 Ġunju 59 Lulju 61 Awwissu 60 Settembru 59

Applikazzjoni għall-post tal-Gvern – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li ssir inspection fuq id-dar tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li applikat għall-post tal-Gvern peress li hija għandha kera tal-privat ta’ aktar minn €400 fix-xahar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-ġranet li għaddew sar kuntatt mal-applikanta.

Pont tal-Mistra – xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti u kemm sewa x-xogħol li sar fl-aħħar xhur fuq il-Pont tal-Mistra u fl-istess waqt ipoġġi r-rapporti tal-perit fejn allura ċċertifika li l-perikli li seta kien hemm, issa ġew issorpassati?

Response (BORG, IAN)

It-tiswijiet u r-restawr tal-pont tal-Mistra, li minn fuqu tgħaddi t-triq ewlenija li twassal għall-Mellieħa u għall-port tat-trasport lejn Għawdex, inbena fl-1884, tkabbar darbtejn fis-snin għoxrin u fis-snin ħamsin, iżda tħalla mingħajr manutenzjoni meħtieġa għal għexieren ta’ snin. Wara li bdew studji dwar ix-xogħol meħtieġ biex dan il-pont jiġi rrestawrat, f’April li għadda l-esperti internazzjonali imqabbda biex jgħinu lill-periti ta’ Infrastructure Malta talbu biex parti mit-triq ta’ fuq il-pont tingħalaq mill-ewwel, minħabba l-periklu li ċċedi. Ix-xogħol meħtieġ beda mill-ewwel, f’April stess. F’din il-ħidma, il-ħitan tal-ġenb tal-parti l-aktar antika tal-pont, li fuqha hemm il-korsija mix-Xemxija għall-Mellieħa, inħattu u nbnew mill-ġdid fuq pedamenti aktar adekwati. Dawn ix-xogħlijiet neħħew il-periklu li din il-parti tal-pont tikkrolla, u għalhekk it-triq setgħet tinfetaħ mill-ġdid. Fl-istess waqt, il-wiċċ tat-triq tranġa b’asfalt ġdid u ġiet installata sistema ġdida ta’ crash barriers għal aktar sigurtà għal dawk li jivvjaġġaw f’din ir-rotta. Dan ix-xogħol inizjali sabiex il-pont tal-Mistra jitranġa u jissaħħaħ tlestew fi ftit ġimgħat, qabel beda s-sajf, meta din it-triq tibda tintuża ferm aktar minn ¿minijiet oħra tas-sena. Fl-istess waqt, l-istudji tekniċi dwar ir-restawr tal-kumplament tal-istruttura għadhom għaddejjin, bl-għajnuna tal-esperti tekniċi internazzjonali, sabiex ix-xogħol ikun jista’ jkompli għaddej. S’issa, investejna aktar minn €180,000 fit-tiswijiet u restawr ta’ dan il-pont. Ir-rapporti tekniċi tax-xogħlijiet li saru u tal-programm ta’ restawr u manutenzjoni kontinwa li dan il-pont jeħtieġ biex nibqgħu nużawh fis-snin li ġejjin jiġi ffinalizzat meta jintemmu l-istudji kollha.

Triq li tagħti mix-Xemxija għat-telgħa tal-Mellieħa — tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raguni li fit-triq li tagħti mix-Xemxija għat-telgħa tal-Mellieħa ngħataw biss partijiet minnha bit-tarmak meta fil-fatt jirriżulta li baqa' żoni fl-istess triq li għadhom qed jikkawżaw periklu għas-sewwieqa u ħsarat għall-vetturi li jgħaddu mill-istess triq minħabba l-ħofor li għadhom hemm?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 7180, nixtieq ninforma lil Onor. Interpellant li fil-passat, it-triq indikata qatt ma nbniet b’pedamenti adatattati u b’saħħithom biżżejjed biex jifilħu għad-domanda tal-istess triq. Fl-istess waqt, hemm diversi servizzi taħt il-livell tat-triq li jeħtieġ jinbidlu qabel ma’ tkun tista’ tinbena mill-ġdid bl-istess mod li qed naraw f’toroq arterjali oħra li fihom qed issir qabża ‘l fuq fil-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà. Filwaqt li dan ix-xogħol jinsab fil-pjanijiet futuri ta’ Infrastructure Malta, qabel is-sajf li għadda nħass il-bżonn li partijiet mit-triq jiġu rranġati b’mod temporanju waqt ħidma ta’ titjib tar-rotot li jwasslu għal postijiet popolari tas-sajf. Dan ix-xogħol sar biss f’dawk il-partijiet tar-rotta bejn il-bajja tax-Xemxija u l-Mellieħa li l-aktar li kellhom ħsarat. Infrastructure Malta qed tkompli taħdem sabiex fiż-żmien li ġej isir aktar investiment infrastrutturali f’din it-triq u sabiex eventwalment jissolvew id-diffikultajiet ikkawżati mit-telqa u nuqqasijiet oħra tal-passat.