Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni b’diżabilità – skemi ta’ għajnuna għall-xogħlijiet fir-residenza tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iskemi li taħthom jiġu megħjuna persuni b’diżabilità sabiex ikunu jistgħu jwettqu xogħlijiet fir-residenza tagħhom? Jista’ jindika wkoll liema huma l-iskemi li jagħtu għajnuna finanzjarja u anke liema skemi li jagħtu għajnuna teknika, u jgħid kemm-il applikazzjoni rċeviet l-Awtorità tad-Djar matul dawn l-aħħar tliet snin, kemm minnhom ġew milqugħa u kemm kien it-total tal-għotjiet finanzjarji f’dawn is-snin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-AwtoritÀ tad-Djar għandha skema speċifikament intiża biex tgħin lill-persuni b’diżabilitÀ, jagħmlu t-tibdiliet neċessarji fir-residenza tagħhom skont l-bżonnijiet tal-persuna. Persuna b’diżabilitÀ tista’ wkoll tibbenefika mill-iskema miftuħa, għall-Irranġar u Titjieb sabiex isiru xogħlijiet diversi. It-tabella t’hawn taħt turi l-informazzjoni mitluba fuq l-applikazzjonijiet imsemmija ; Sena 2016 2017 2018* Applikazzjonijiet Riċevuti 218 146 141 Applikazzjonijiet Milqugħa 153 106 65 Għotjiet Finanzjarji €543,753 €553,903 €416,045 *sa Ottubru 2018

Persuni b’diżabilità – għajnuna għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuni b’diżabilità jingħatawx għajnuna sabiex ikunu jistgħu jaċċedu għall-akkomodazzjoni soċjali, u jindika liema huma l-kriterji li tali persuni jridu jissodisfaw sabiex l-applikazzjoni tagħhom tkun valida, u jgħid ukoll kemm-il applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali hemm pendenti quddiem l-Awtorità minn persuni b’diżabilità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kull individwu li japplika għall-akkomodazzjoni soċjali, jeħtieġ li jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Awtorità tad-Djar. Fil-preżent l-Awtorita` tad-Djar għandha 181 applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali minn persuni b’diżabilità.

Awtorità tad-Djar – akkomodazzjoni soċjali għall-persuni b’diżabilità fiżiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex akkomodazzjonijiet soċjali li huma aċċessibbli u mgħammra għal persuni b’diżabilitajiet fiżiċi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar tara li talloka postijiet skont il-bżonnijiet tal-applikant. Madankollu, f’każ li l-proprjetà ma tkunx mgħammra għall-bżonnijiet kollha, u l-inkwilin ikollu bżonn aktar aċċessibilità, l-inkwilin jista’ jagħmel talba lill-Awtorità biex isiru x-xogħlijiet neċessarji u adegwati għall-persuni b’diżabilitajiet fiżiċi.

MCAST – appoġġ lil studenti b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif l-MCAST tagħti appoġġ lil studenti b’diżabilità ta’ kull tip, liema huma s-servizzi, u l-għajnuniet li l-MCAST toffri lil dawn l-istudenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sapport lil studenti b’diżabilità jew bżonnijiet partikolari huwa provdut primarjament mill-Inclusive Education Unit fi ħdan id-Dipartiment tal-Kurrikulu. Din it-taqsima taħdem kontinwament ma’ taqsimiet, dipartimenti u istituti oħra sabiex studenti tal-MCAST b’diżabilità jgawdu sapport ħolistiku li jolqot aspetti diversi fl-esperjenza edukattiva tagħhom fil-Kulleġġ. Sabiex nassiguraw li permezz tas-sapport tagħna nilħqu l-bżonnijiet tal-istudenti, issir laqgħa ma’ kull student qabel l-applikazzjoni. Għal dawn il-laqgħat ħafna drabi jkun hemm preżenti wkoll il-ġenituri, l-LSE u professjonisti oħrajn involuti fis-sapport tal-istudent. Hawnhekk jiġu diskussi l-bżonnijiet tal-istudent u jiġu deċiżi l-arranġamenti li jkunu se jingħataw waqt l-eżamijiet kif ukoll it-tip ta’ sapport li jkun se jingħata matul is-sena. Dan kollu jsir fid-dawl tar-rapporti mediċi jew psikoloġiċi li l-istudenti huma mitluba jippreżentaw. Fuq il-kunsens tal-istudent, l-eżitu tal-laqgħa jiġi komunikat lid-direttur, lil-letturi u lil staff ieħor involut fis-sapport lil dawn l-istudenti. Arranġamenti tipiċi waqt l-eżamijiet jinkludu (imma mhux biss): · Proviżjoni ta’ qarrej · Proviżjoni ta’ skriba · Proviżjoni ta’ ħin addizzjonali (25% / 30% / 50% tal-ħin stipulat) · Proviżjoni ta’ prompter · L-inviġilatur jagħmilha ta’ komunikatur billi jispjega ċertu kliem partikolari f’każ ta’ persuni neqsin mis-smigħ. · Proviżjoni ta’ qarrej uman f’każ ta’ listening comprehension irrekordjata. · Ikun permess ikel, xorb u iċċekkjar tal-livell taz-zokkor fid-demm. · Kamra separata. · Karta mkabbra. · Permess li tintuża l-kamra tal-banju ta’ spiss. · Jekk l-eżaminatur ma jkunx jista’ jiddeċifra l-kitba, l-istudenti jkunu mitluba jirraportaw l-istitut rispettiv sabiex jaqraw il-kitba tagħhom stess. · Il-ħin addizzjonali jista’ jintuża barra mill-klassi taħt is-superviżjoni tal-inviġilatur sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jerġgħu jiffukaw. · Estensjoni tad- deadlines tal-assenji. Sapport matul is-sena jinkludi (imma mhux biss): · Sessjonijiet ta’ sapport minn LSE għal siegħa fil-ġimgħa fil-Malti, Matematika, Ingliż u b’mod in ġenerali. · Sessjonijiet ta’ sapport addizzjonali mil- Learning Support Unit fil-Malti, Matematika, Ingliż, Strateġiji għall-Istudju etc. · Proviżjoni ta’ LSE għal numru ta’ lezzjonijiet fil-ġimgħa f’suġġetti partikolari u ma’ klassijiet partikolari fl-ewwel, it-tieni u t-tielet livell. · Proviżjoni tat-trasport għal studenti b’diffikultajiet ta’ mobbiltà. · Proviżjoni ta’ Assistent Personali għal studenti b’diffikultajiet ta’ mobbiltà. · Sessjonijiet ta’ preparazzjoni mal-klassi ta’ l-istudenti fejn titqajjem kuxjenza dwar il-bżonnijiet u s-sapport neċessarju. · Laqgħat mal-istudenti, diretturi, letturi, ġenituri u professjonisti oħra involuti fejn jiġi mfassal pjan ta’ ħidma rigward is-sapport lill-istudenti (MAP sessions). · Kollaborazzjoni ma’ servizzi oħrajn fil-Kulleġġ li huma miftuħa għall-istudenti kollha (eż. Counselling, Career Guidance, Student Mentoring, International Office, Youth Hub ) · Kollaborazzjoni ma’ servizzi esterni għall-Kulleġġ (eż. Lino Spiteri F oundation , Aġenzija Appoġġ, Aġenzija Sapport, residenzi etc.) · Arranġamenti għal aċċessibilità fiżika aħjar. · Arranġamenti jew tibdil fi programmi f’każijiet ġenwini u b’potenzjal evidenti.

MCAST – programm għall-persuni b’diżabilità intelletwali jew b’learning disability

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-MCAST għandhiex programm ta’ studju speċifiku offrut lil persuni studenti b’diżabilità intellettwali jew b’learning disability, u/jew jekk dawn l-istudenti jingħatawx l-opportunità li jsegwu korsijiet mainstreamed, u jindika kemm-il persuna b’diżabilità hija reġistrata għal programm ta’ taħriġ u għal liema programm?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MCAST joffri korsijiet skont il-Qafas tal-Kwalifiki Ewropej li jibdew mil-livell ta’ Intro A u Intro B, segwiti mil-livelli 1 sa 7. L-ismijiet tal-korsijiet, il-livell u n-numru ta’ studenti b’diżabilità rispettivi jinsabu fit-tabella t’hawn taħt. Livell Kors Nru. ta’ Studenti Intro A MCAST Award in Vocational Skills 5 Intro B MCAST Award in Vocational Skills 7 Livell 1 MCAST Award in Basic Office Skills 7 Livell 1 MCAST Award in Hospitality 3 Livell 1 MCAST Award in Retail 4 Livell 1 MCAST Award in Agribusiness 0 Livell 1 Skills Kits 26 Livelli 1 – 7 diversi 820 circa (numru ta’ studenti għadhom qegħdin javviċinaw l- Inclusive Education Unit ) Il-korsijiet fuq il-livelli kollha huma miftuħin għal studenti b’livelli differenti ta’ abbiltà intellettwali u l-istudenti huma liberi li japplikaw għall-korsijiet li jixtiequ skont ir-rekwiżiti stipulati. Għall-benefiċċju tal-istudenti l-MCAST temmen li huwa fid-dover tagħha li toffri gwida sabiex fil-proċess tal-għażla tal-kors l-istudenti jaslu għal deċiżjoni li verament tirrifletti l-kompetenzi u l-aspirazzjonijiet tagħhom. L-iżvilupp tal-potenzjal tal-istudenti huwa ċentrali f’dan il-proċess. Studenti b’diżabilità intellettwali jingħataw attenzjoni partikolari meta jaslu fil-punt fejn iridu jagħżlu kors u anki meta jridu jiddeċiedu bejn progressjoni għal korsijiet oħra fl-MCAST jew għal xogħol. Għaldaqstant, l-istaff li għandu f’idejh ir-responsabbiltà ta’ studenti b’diżabilità intellettwali jsejjaħ laqgħat mal-istudenti u l-ġenituri fejn jiġi diskuss il-pass li jmiss fid-dawl tal-abiltajiet tal-istudenti kif ukoll tar-riżultati ottenuti fl-istituzzjoni edukattiva preċedenti jew fil-kors li l-istudenti jkunu qed isegwu fl-MCAST stess. L-interess tal-istudenti huwa l-qofol ta’ dawn is-sessjonijiet u għalhekk, id-diskussjoni tipikament titratta diversi dimensjonijiet tal-individwu fosthom dik akkademika, vokazzjonali u personali.

Universitá – Kors tad-Dottorat fil-Mediċina wara kors tal-B.Sc. Biology

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk jistax jikkonferma li l-istudenti li ggradwaw fil-B.Sc. Biology u li ngħataw l-istipendju matul il-kors tagħhom, u issa li se jsegwu kors fid-Dottorat fil-Mediċina M.D. (tobba) mhumiex se jkunu ntitolati għall-istipendju? Jekk fl-affermattiv, jista’ jindika r-raġunijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li kif stabbilit fl-Artiklu 13 tal-Avviż Legali 308 tal-2006 studenti li jkunu qed isegwu t-tieni kors jew kors sussegwenti fuq livell magħruf aktar baxx jew wara li jkunu lestew jew parzjalment segwew kors ieħor ta’ studji fuq l-istess livell ma jkunux intitolati li jirċievu l-għotjiet ta’ manteniment għall-istudenti għal dak il-perjodu ta’ żmien li hu ekwivalenti għall-perjodu li jkunu għamlu fil-kors ta’ studju preċedenti, jekk għal dak il-kors ta’ studju preċedenti kienu jirċievu l-għotjiet ta’ manteniment għall-istudenti. Matul it-tieni kors jew dak sussegwenti dawn l-istudenti jkunu intitolati biss għall-għotjiet ta’ manteniment għall-istudenti għall-perjodu ta’ żmien li jkun għad jonqos wara tmiem il-perjodu tal-kors preċedenti jew għad-differenza fl-ammont tal-għotjiet ta’ manteniment għall-istudenti jekk għat-tieni kors jew dak sussegwenti l-ammont ta’ għotjiet ta’ manteniment għall-istudenti jkunu ogħla. Dan jgħodd għal studenti li ggradwaw fil-BSc Biology u li ngħataw għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti matul l-ewwel kors tagħhom peress dawn jitqiesu fl-ambitu ta’ dan ir-regolament.

Fgura – trasport tal-iskejjel – pick up u drop off point

Question

Jista’ l-Ministru jinforma u jispjega għaliex is-sezzjoni tat-trasport tal-iskejjel u l-istess Segretarjat tal-Ministeru mhux qed tappoġja tnax-il familja mill-Fgura sabiex uliedhom jiġu miġbura u mniżżla fuq tabella eżisteni ta’ Pick up u Drop off point magħmula s-sena li għaddiet mill-Kunsill Lokali tal-Fgura fi Triq San Tumas, Fgura u qed iħallu lill-operatur iwaqqaf lit-tfal fejn hu konvenjenti għalih, bil-perikli li dan iġib għalihom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tlabt informazzjoni dwar din il-mistoqsija mid-Dipartiment konċernat. Malli tingħatali aktar informazzjoni nkun nista’ npoġġiha fuq il-Mejda tal-Kamra. (Informazzjoni Addizzjonali: Ara dokument PL 2481 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 165 tal-Erbgħa, 7 ta' Novembru 2018)

Monument tal-Assedju l-Kbir — restawr

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol ta' restawr li sar fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li x-xogħol li twettaq mid-Direttorat tar-Restawr, b’konsultazzjoni teknika ta’ Heritage Malta, kien jiffoka fuq il- bażi tal-monument u kien jinkludi: tindif ġenerali, trattament fuq il-biological soiling, tindif minn tbajja ta’ xemgħa u żejt, tikħil ta’ fili miftuħin u tiswija ta’ żoni deterjorati bil-metodu ta’ plastic repair. Dan ix-xogħol twettaq fuq perijodu ta’ tlett ġimgħat u ġie jiswa €1,600. Sar ukoll xogħol ieħor minn Heritage Malta li trattat u naddfet l-istatwa tal- bronż. Issa tidhol fis-sehh it-tieni fazi fejn, bl-ghajnuna ta' entitajiet ohra, se jkun qed isir ukoll xogħol ta’ tisbiħ li jinkludi titjib u tranġar tas-sistema tad-dawl u tal-paviment fil-madwar tal-monument.
Leg 13 PQ #7315 Sitting 146 2018-10-22 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Eżamijiet għall-postijiet ta’ Uffiċjali Eżekuttivi, Principals u Senior Principals

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għaddew persuni mill-aħħar eżamijiet li saru għall-postijiet ta' Uffiċjali Eżekuttivi, Principals u Senior Principals mas-Servizz Pubbliku (separatament)? Jista' jgħid ukoll: a. kemm hu n-numru ta' dawk li ġew impjegati f'kull post; b. meta kienet l-aħħar data li ġew impjegati; u c. il-postijiet li għadhom vakanti f'kull post?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt nfurmat li mill-aħħar eżamijiet li saru ġew ingaġġati 151 Uffiċjal Ezekuttiv, 179 Prinċipal u 80 Prinċipal Anżjan. L-ingaġġ sar skont l-ordni tal-mertu tar-riżultat.

Assemblea tan-Nazzjonijiet Magħquda

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra minn min kien akkumpanjat meta attenda għall-aħħar Assemblea tan-Nazzjonijiet Magħquda? Jista’ jinforma x’laqgħat kellu? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-diskorsi li saru minnu? Jista’ jindika kemm kienet l-ispiża finanzjarja involuta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-Ministeru tiegħi jien kont akkumpanjat miċ-Chief of Staff u mis-Segretarju Privat li vvjaġġaw minn Malta,filwaqt li f’kull laqgħa li kelli kien hemm prezenti jew l-Ambaxxatur li jinsab fi New York jew xi uffiċċjal ieħor mill-istess Rapprezentanza. Dawn huma il-laqgħat li kelli: 1) Attendejt u pparteċipajt f’Event organiżżat mill- UNHCR bit-tema: The Global Compact for Refugees – A greater solidarity and cooperation 2) Attendejt u pparteċipajt f’Event organiżżat mill- UNICEF u Rapprezentant tas-SG tal-UN ghaz-Zghazagh bit-tema: Youth 2030 3) Attendejt u pparteċipajt fl-EU Foreign Ministers Meeting fejn is –sitwazzjoni fil-Libya u fis-Syria gew diskussi 4) Attendejt u pparteċipajt f’Event organiżżat mill- UNCTAD, Marokk u Rwanda bit-tema: Migration and Structural Transformation in Africa 5) Attendejt u pparteċipajt f’Event organiżżat mis Segretarju Generali tal-UN bit-tema: Action for Peacekeeping 6) Attendejt u pparteċipajt fit –Transatlantic Dinner organizzat mill- Istati Uniti tal-Amerika 7) Attendejt u pparteċipajt f’Event organiżżat mill- Unjoni Ewropeja bit-tema: Syria 8) Attendejt u pparteċipajt f’Event organiżżat mill- UNHR, Franza, Germanja, Repubblika tal-Korea u Costa Rica bit-tema: Declaration of Human rights- A prevention tool to achieve peace adn sustainable development 9) Attendejt u pparteċipajt f’Event organiżżat mill- UN Global Compact Office bit-tema: Africa Open for Business 10) Attendejt u pparteċipajt fil-Commonwealth Foreign Affairs Minsiters Meeting (CFAMM) organizzat mill- Commonwelath Secretariat 11) Attendejt u pparteċipajt f’Event organiżżat mill- Liechtenstein bit-tema: Ensuring justice for Syria and the role of the International, Impartial and Independent Mechansism (IIIM) in the process 12) Attendejt u pparteċipajt f’Event organiżżat mill- Commonwealth Africa Initiative bit-tema: Africa Forum- Sustaining a peaceful and prosperous Africa 13) Event organizzat mill-Istati Unit tal-Amerka bit-tema: Global Call to Action on the World Drug Problem fejn Malta issieħbet ma’ bosta pajjiżi oħra fid-Dikjarazzjoni mahruga ghal din l-okkazjoni Għall-ewwel darba waqt id-Dibattitu Ġenerali tan- Nazzjonijiet Maqgħuda, Malta f’kollaborazzjoni mat-Tuneżija, Franza, l-Unjoni Ewropeja u l- International Centre for Migration Policy Development (ICMPD) organiżżat Event bit-tema: Giving voice to evidence- oercoming a distorted narrative on migration towards evidence based migration policy development Il-laqgħat bilaterali li kelli huma s-segwenti: Kelli laqgħat mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tas-São Tomé & Príncipe l-E.T. Urbino Jose Goncalves Botelho kif ukoll mas-Segretarju tal-Affarijiet Barranin tal-Mikronesja l-E.T. Lorin S. Robert fejn ġew stabiliti relazzjonijiet diplomatiċi ma’dawn iż-żewġ pajjiżi. Kelli wkoll laqgħat mar-rappreżentant Għoli tas-Segretarju Ġenerali għall-Oċeani l-E.T. Peter Thomson, mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Libja, l-E.T. Mohammed Siala, mas-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Istati tal-Golf Għarbi (GCC) l-E.T. Abdul Latif bin Rashid Al-Zayani, mar-Rappreżentanta Għolja għat-Tfal f’Kunflitti Armati l-E.T. Virginia Gamba, mal-President tal-Anna Lindh Foundation, l-E.T. Elisabeth Guigou, mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Monako l-E.T. Gilles Tonelli, mal-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Viet Nam l-E.T. Pham Binh Minh, mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Azerbaijan l-E.T. Elmar Mammadyarov, mas-Segretarju Assistent Deputat mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti David Peyman, mas-Segretarju Assistent Deputat mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti Robert Strayer u mal-Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Esterni tal-India l-E.T. MJ Akbar, Barra minn dan, akkumpanjajt lill-Prim Ministru f’dan li ġej: (1) Ftuħ uffiċjali tad-Dibattitu Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda (2) Id-dikors ta’ Malta mogħti mill- Prim Ministru waqt id- Dibattitu Ġenerali (3) Event orgnaizzat mill–Assemblea tal-Ġnus Maqgħuda bit–tema: Nelson Mandela Peace Summit,fejn il-Prim Ministru kellu diskors. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ispiża finanzjarja bejn it-23 u d-29 ta’ Settembru kienet tammonta għal €31,720.67

Ħal Tarxien – Triq Santa Marija — xogħol

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5396, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba l-bidu ta’ Triq Santa Marija ma’ Triq is-Sorijiet Ħal Tarxien, ġie ppjanat li ssir tul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Gvern qed iwettaq pjan biex gradwalment it-toroq kollha, anke dawk li bħalissa jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-kunsilli lokali, jinbnew mill-ġdid kif meħtieġ minn Infrastructure Malta. Fil-fatt, diġa tħabbru l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser jinbnew mill-ġdid is-sena d-dieħla, bħala parti mill-investiment bla preċedent ta' €700 miljun li l-Gvern qed jalloka għal infrastruttura ta' kwalità fit-toroq Maltin. Sadanittant, sakemm triq tinbena mill-ġdid, il-kunsilli lokali ser jibqgħu jieħdu ħsieb il-manutenzjoni u t-tiswijiet meħtieġa biex jiġu evitati perikli jew diffikultajiet oħra.

L-effetti tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea – rapporti u riċerka

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti u r-riċerka li saret mill-Ministeru dwar l-effetti tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interepellant li hekk kif tħabbar ir-riżultat tal-referendum f’Ġunju 2016, li r-Renju Unit mhux se jibqa Stat Membru fl-Unjoni Ewropea, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin (hekk kif kien imsejjaħ dak iż-żmien) nieda inizjattivi sabiex jagħraf x’inhuma l-effetti, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, tal-Brexit fuq pajjiżna partikolarment l-impatt fuq ir-relazzjonijiet bilaterali ta’ Malta mar-Renju Unit. Dan sar sabiex flimkien mal-Ministeri koncernati, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jistħarreġ jekk hemmx bżonn ta’ reviżjoni fid-dawl tal-eventwali konklużjoni u r-riżultat tan-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-UE.

Ħal Tarxien – self ta’ kotba mil-librerija pubblika — inizzjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk ittieħdux inizjattivi ġodda sabiex ikun hemm iktar residenti u studenti li jisselfu kotba mil-Librerija Pubblika ta’ Ħal Tarxien u jekk le jistgħux jittieħdu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva, ittieħdu inizjattivi ġodda li jinkludu: · Kollaborazzjoni mal-aġenzija Nazzjonali tal-Litterizmu sabiex isiru sessjonijiet ta’ qari għat-tfal ta’ etajiet varji. Minn din is-sena wkoll investejna f’kollezzjoni ta’ comics u novelli grafiċi, kif ukoll kotba dyslexic friendly. · Sar ftehim ukoll mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali biex isir rinovar f’kull librerija permezz ta’ skema li ħarġu. Ġibna ukoll prezz speċjali mingħand l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni biex f’kull librerija jkun hemm WIFI b’xejn. · Żidna l-ammont ta’ kotba li jistgħu jissellfu t-tfal minn sitta għal tmienja. · Provdejna sapport kontinwu lil-librara biex ikunu jistgħu jagħtu servizz aħjar lill-komunità. Inizjattiva oħra tinkludi l-proġett pilota ta’ tmien skejjel fosthom Ħal Tarxien fejn is-sistema tal-librerija tal-iskola ser tiġi magħquda ma’ Malta Libraries u b’hekk il-komunità kollha ser tkun qed tibbenefika minn dawn ir-riżorsi.
Leg 13 PQ #7340 Sitting 146 2018-10-22 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Għalliema bil-warrant li jaħdmu fl-iskejjel f’Malta u f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn għalliema bil-warrant jaħdmu fi skejjel f’Malta u f’Għawdex? Jista’ jagħti rendikont ta’ dawn l-għalliema skont is-suġġett li jgħallmu kif ukoll ta’ dawk li qed jaħdmu fis-sistema edukattiva iżda barra mill-klassi? Kemm minn dawn l-għalliema jgħallmu fi skejjel primarji, sekondarji u post sekondarji?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-att dwar l-Edukazzjoni, il-Kunsill dwar il-Professjoni tal-Għalliema għandu reġistru aġġornat ta' kull min għandu warrant permanenti u temporanju. Madankollu, il-Kunsill ma jkollux data dwar is-suġġett u l-iskola/settur kif mitlub fil-mistoqsija. Min-naħa tad-Direttorati, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub jinħtieġ ħafna xogħol biex jinġabar u ż-żmien għal tweġiba huwa qasir ħafna. Għaldaqstant, ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub ikun jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni. Sadanittant, jekk l-Onor. Interpellant għandu bżonn xi informazzjoni speċifika dwar xi skola jew skejjel partikolari, nitolbu jindika fejn meħtieġ.
Leg 13 PQ #7341 Sitting 146 2018-10-22 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Tfal tal-iskola – superviżjoni waqt it-trasport lejn l-iskola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li t-tfal kollha jkollhom superviżjoni waqt it-trasport lejn l-iskola tagħhom kif kien imwiegħed fil-baġit li għadda? Kemm-il vann u coach hawn iwasslu lit-tfal u kemm minnhom m’għandhomx superviżjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fix-xhur li ġejjin il-Ministeru se jkun qiegħed joffri tip ta' teknoloġija li lill-ġenitur tagħtih l-informazzjoni kollha relatata mat-trasport tat-tfal tagħhom. It-tfal kollha tal-kinder li jmorru l-iskejjel tal-Gvern għandhom servizz ta' on-board supervision filwaqt li dawk kollha li kellhom superviżjoni s-sena li għaddiet fi skejjel non-statali, il-Gvern ma talabx li tinbidel. Din l-iskema qed tiġi introdotta b'mod gradwali u n-numri ta' tfal u coaches qed jiġi aġġornat kontinwament.
Leg 13 PQ #7342 Sitting 146 2018-10-22 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Edukaturi mingħajr warrant li jiġu mħallsa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn edukaturi mingħajr warrant li qed jiġu mħallsa mill-gvern? X’suġġetti u fejn qed jgħallmu dawn l-edukaturi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-għalliema kollha għandhom warrant biex jgħallmu, jew permanenti jew temporanju.
Leg 13 PQ #7343 Sitting 146 2018-10-22 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Studenti li m’għandhomx trasport b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għad baqa’ studenti li għad m’għandhomx trasport b’xejn? Jista’ jgħid sa meta se jkollhom trasport dawn l-istudenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' studenti li jridu trasport ivarja kontinwament. Madankollu, nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-istqarrija PR 182235 għal iktar informazzjoni.
Leg 13 PQ #7344 Sitting 146 2018-10-22 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Istitut għall-Edukazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-iskop tat-twaqqif tal-Istitut għall-Edukazzjoni mwaqqaf mill-Gvern u x’tibdiliet saru mill-għan oriġinali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-avviż legali li jispjega eżatt ir-rwol tal-Istitut għall-Edukazzjoni. Ma sarux tibdiliet minn dan l-avviż legali 'l quddiem.
Leg 13 PQ #7345 Sitting 146 2018-10-22 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Kors tal-għalliema minn istitut governattiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li wara li l-Gvern ta l-appoġġ lill-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta biex il-kors tal-għalliema jitla’ minn Baċellerat għal grad ta’ Masters b’120 ECTS issa qed jawtorizza kors tal-għalliema ieħor minn istitut governattiv li jerġa’ jniżżel il-livell għal 90 ECTS? Ma jaħsibx il-Ministru li dan se joħloq anomaliji b’livelli differenti ta’ taħriġ għall-istess xogħol professjonali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Master of Education Degree tal-Istitut ġie akkreditat mill-NCFHE wara li kienu peer reviewed minn evaluators magħżula minnhom u ta' reputazzjoni għolja ħafna.

Sistema ta' liċenzji ta' negozji – Kunsill Konsultattiv għall-Intrapriża

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7224, jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-feedback miġbur mill-istakeholders waqt il-laqgħa tal-Kunsill Konsultattiv għall-Intrapriża, x’azzjoni ttieħdet u x’progress sar f’dan ir-rigward li tkellem dwaru l-istess Ministru skont ir-risposta li ta fil-mistoqsija parlamentari rispettiva?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.