Korp tal-Pulizija — Legalizzazzjoni ta’ drogi għall-skopijiet ta’ divertiment – diskussjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx diskussjoni interna fil-Korp tal-Pulizija sabiex jiġi determinat jekk għall-finijiet ta’ bon ordni u tnaqqis ta’ kriminalità fil-pajjiż, huwiex għaqli jew le li jiġu legalizzati ċertu drogi għal skopijiet ta’ divertiment? Jekk fl-affermattiv x’kienu l-konklużjonijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet dwar jekk ċertu drogi jkunux legalizzati, kif saru f’pajjiżi oħra, għadhom għaddejjin.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – sejba ta’ droga / mediċinali pprojbita
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ sejbien ta’ droga jew ta’ mediċinali pprojbiti ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin matul is-sena kollha 2017 u mill-1 ta’ Jannar 2018 sat-30 ta’ Settembru 2018?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2017 kien hemm sittin (60) każ ta’ sejbien ta’ droga u/jew mediċinali pprojbiti ġewwa l-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin filwaqt li mill-1 ta’ Jannar sa l-aħħar ta’ Settembru 2018 kien hemm sebgħin (70) każ.
Jista' l-Ministru jgħid hux ser jikkunsidra li l-Palazz ta' Selmun ikun mogħti lura lill-poplu Malti anke possibbilment b'devoluzzjoni lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa?
Jista' l-Ministru jindika jekk fl-aħħar sentejn sarux rapporti minn persuni tekniċi, bħal periti dwar l-istat li jinsab fih il-Palazz ta' Selmun u jekk iva jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dawn l-istess rapporti?
Jista' l-Ministru jara li l-ammont ta' bozoz maqtugħin/mitfija li hemm fil-Bypass tal-Mellieħa minn ħdejn il-Pompa tal-Petrol li tinsab fi Triq Qasam Barrani sat-tarf tal-bypass, direzzjoni lejn l-Għadira, jerġgħu jinxtegħlu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li s-siġar u l-għeruq tagħhom li hemm fit-Telgħa ta' Selmun direzzjoni lejn il-Mellieħa, issirilhom iż-żabra jew interventi oħra li għandhom bżonn peress li preżentement jistgħu jkunu ta’ riskju għas-sewwieqa li jkunu qed jagħmlu użu mill-istess triq?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-22 t’Awwissu sar intervent ta żbir ġewwa t-Telgħa ta’ Selmun fejn inżabru numru ta’ siġar. Dan il-proċess isir bi programm ta’ xogħlijiet li għandu l-ELC għal din iż-żona u taħt d-direzzjoni u superviżjoni tal-MELP (Monitoring Environment Landscape Projects). Rigward is-sigurtà fit-toroq, l-Onor. Interpellant għandu jirefferi l-Mistoqsija lil-Ministeru kkonċernat.
Naxxar – applikazzjoni għall-bini ta’ appartamenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet l-applikazzjoni ta' bini ta' appartamenti u aktar (PA 2284/16) fiż-żona ta' fejn qabel kien hemm iċ-Ċentru tal-Fieri fin-Naxxar? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm oġġezzjonijiet għal din l-applikazzjoni?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ipprocessar tal-applikazzjoni (PA5909/17) preżentament qiegħed sospiż jistenna nformazzjoni meħtiega f’dawk li huma emendi ta’ pjanti kif ukoll kompilazzjoni ta’ studji neċessarji. Matul il-konsultazzjoni pubblika l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar irċeviet 37-il rappreżentazzjoni.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslet l-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida dwar l-IVF u jekk bdewx isiru proċeduri fl-Isptar Mater Dei skont il-provvedimenti l-ġodda tal-liġi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li fid-19 ta' Ġunju ġie approvat l-Att li jemenda l-Att għall-Protezzjoni tal-Embrijun', skond Artiklu 4 ġie mhejji Protokoll mill-Awtorita’ għall-Protezzjoni tal-Embrijun għall-Approvazzjoni ta' Fertilizzazzjoni Addizjonali.
Dan il-Protokoll ġie mressaq għad-diskussjoni quddiem il-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa u ġie approvat unanimament fit-13 ta' Settembru 2018.
Tlestew ukoll il-formoli meħtieġa mill-Awtorità għas-Servizzi ġodda li ser jiġu mplimentati.
F' Mater Dei iċ-ċiklu li jmiss li ser jibda fil-25 t'Ottubru u se jkun qed joffri l-IVF's bil-providementi l-ġodda.
Ħal Kirkop – effetti tal-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa ġdid
Question
Wara kważi xahar mill-ftuħ taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kien l-effett tal-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru fuq is-servizzi offruti liċ-ċittadini tal-inħawi u anke fuq ċentri tas-saħħa oħra fejn kienu jinqdew qabel dawn in-nies? X’inhuma l-pjanijiet tal-Ministeru għall-kura fil-komunità għas-snin li ġejjin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop infetaħ għal-Pubbliku fis-17 ta’ Settembru 2018. Fl-ewwel tlett ġimgħat attendew total ta’ 1,826 pazjent; dawn tnaqqsu mill-lista ta’ pazjenti li sa ftit ilu kienu jirrikorru fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana.
Madwar 27,000 resident fl-inħawi ta’ Ħal Kirkop, iż-Żurrieq, l-Imqabba, l-Qrendi, Ħal Safi, Ħal Luqa, Ħal Far u Ħal Farruġ issa bdew jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa f’Ħal-Kirkop minflok dak tal-Furjana. Għaldaqstant, huwa kkalkulat li x-xogħol fiċ-Ċentru tal-Furjana naqas b’madwar 20%.
Il-Pjan hu li nkomplu nsaħħu u nikkonsolidaw l-operat tal-kura primarja, inżiedu l-effettivita’ u l-effiċjenza filwaqt li nersqu aktar lejn il-komunità bil-għan li l-
Primary Health Care
issir l-għażla awtomatika ta’ kuntatt għal-klijenti tagħna. Għaldaqstant, ser nissuktaw:
1. Bl-introduzzjoni ta' servizzi ġodda sabiex il-pazjenti jiġu ttrattati fil-komunità ta’ fejn jgħixu jew jaħdmu, biex ma jkollhomx għalfejn jirrikorru għall-kura sekondarja fl-isptar;
2. Bit-tisħiħ tas-servizzi eżistenti biex ikompli jingħata u jitjieb l-aċċess għal-kura tal-għola kwalità ta’ possibbli.
Fix-xhur li ġejjin ser jibda x-xogħol ta’ immodernizzar fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira. Dan iċ-Ċentru ser jiġi tansformat f’Ċentru tal-għola livell u, għall-ewwel darba, ser ikun aċċessibbli minn kulhadd permezz tal-installar tal-lift. Ser jiżdiedu ukoll is-servizzi, bħal dak tal-fiżjoterapija, li bħalissa il-klijenti ta’ dan iċ-Ċentru jridu jmorru f’Ċentri ohra biex jinqdew. Qedgħin fil-proċess ukoll tal-iżvilupp ta’ Ċentru tas-Saħħa ieħor tal-ogħla kwalità li ser ikun inawgurat f’Għawdex fl-2019. Fix-xhur li ġejjin ser jibda ukoll ix-xogħol fuq iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa f’Raħal Ġdid kif ukoll ser tinħareġ sejħa għall-espressjoni sabiex jitnieda Ċentru Reġjonali ieħor fit-Tramuntana ta’ Malta. Barra minn hekk, ser inkomplu ukoll bix-xogħol ta’ immodernizzar tal-bereġ biex inwessgħulhom l-użu tagħhom fil-komunitajiet għall-benefiċċju tal-klijenti tagħna.
Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid – żamma fi stat tajjeb tal-pjazza
Question
Jista’ l-Ministru jfisser x’arranġament qed jagħmel il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid biex jiġi żgurat li jsir il-manteniment kontinwu tal-pjazza l-ġdida ta’ Raħal Ġdid ħalli din tinżamm fl-aqwa stat li tista’ tinżamm fih?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt sabiex l-informazzjoni tingabar.
Jista’ l-Ministru jagħti break down, sena b’sena, ta’ kif żdied l-għadd ta’ ħaddiema (part-time u full-time) f’Malta u Għawdex mill-2013 ’il hawn? Jista’ jgħid kif kien l-għadd ta’ dawk jirreġistraw għax-xogħol sena b’sena u kemm, fis-snin imsemmija, ġew impjegati nies bi bżonnijiet speċjali? Kemm kien hemm f’din il-kategorija li kienu jirreġistraw għax-xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fl-erba' tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 7239 - Ħaddiema part-time u full-time.pdf
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-local plans tal-Kalkara li juru kjarament it-toroq preżenti u dawk proposti?
Response (BORG, IAN)
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-policy maps tal-Pjan Lokali tal-Kalkara li jindikaw toroq eżistenti/proposti.
Dawn il-
policy maps
ma jurux emendi fil-linji tat-toroq li jkunu ġew proposti minn sidien privati.
Jista’ l-Ministru jgħid min ser jerfa’ r-responsabilità għan-nuqqasijiet li saru fil-bypass tal-Mellieħa, liema nuqqasijiet ħarġu issa aktar fil-beraħ bl-ewwel xita li għamlet fejn filwaqt li kien diġà jeżisti periklu kemm għas-sewwieqa kif ukoll għaċ-ċiklisti għall-mod ta’ kif saru l-affarijiet, issa l-istess periklu huwa ferm akbar b’riskju kbir li jseħħu inċidenti minn ħin għall-ieħor? (Nuqqasijiet oħra mhux biss mil-lat ta’ xogħol iżda wkoll għall-mod ta’ kif inbidlet il-policy fiż-żona, liema policy hija wkoll il-kaġun għal dan in-nuqqas li qed jiġi esperjenzat ta’ kuljum fiż-żona indikata minn dawk kollha li jagħmlu użu minn din it-triq)
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindika eżattament x’inhuma n-nuqqasijiet u perikli li qed jissemmew, u fejn jinsabu.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 32312 tat-Tnax-il Leġislatura bid-data tat-23 ta’ Marzu, 2017, jista’ d-Deputat Prim Ministru jinforma lill-Kamra fejn wasal il-proċess sabiex jinħolqu standards għad-Djar Residenzjali u Hostels u meta dawn l-istandards sejrin jiġu implimentati?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isir grupp ta’ ħidma sabiex jiġu drafted l-istandards għad-Djar Residenzjali u Hostels sabiex ikunu konformi ma’ l-istrateġija l-ġdida dwar is-saħħa mentali.
Persuni bi problemi ta’ saħħa mentali fil-komunità – kura u servizzi
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1970 bid-data tat-23 ta’ Ottubru 2017, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinfurmana x’konklużjonijiet ħarġu mid-diskussjonijiet li kienu għaddejjin biex jiżdiedu l-kura u s-servizzi lill-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali fil-komunità?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isir ix-xogħol sabiex tinħareġ espressjoni ta` interess sabiex tkun tista’ tinstab binja alternattiva għal klinika u Ċentru ta` Matul il-Jum tal-Furjana li tkun adekwata u aċċessibli. Aktar il-quddiem ser tkun qed tinħareġ sejħa simili għal binja oħra fit-tramuntana ta` Malta biex niżviluppaw servizz ġdid ta` klinika u Ċentru ta` Matul il-Jum. Barra minn hekk fix-xhur li ġejjin ser tiġi varata policy għall-konsultazzjoni dwar kif NGOs fil-qasam tal-kura fil-komunita’ jkunu jistgħu jaħdmu f’sinerġija mal-Gvern.
Persuni b'nuqqas ta' saħħa mentali – servizz ta’ outpatients fl-Isptar Mater Dei jew fil-komunità
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6607, jista’ d-Deputat Prim Ministru jindika kemm huwa n-numru ta’ klijenti li huma out-patients fl-Isptar Mater Dei f’kull waħda mil-lokalitajiet imsemmija fir-risposta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba minnu.
Akkomodazzjonijiet Soċjali — Persuni b’Nuqqas ta’ Saħħa Mentali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti minn persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li qed jistennew post għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fid-dawl li l-kriterja tal-eliġġibiltà ma tagħmilx referenza speċifika għall-persuni li għandhom sfidi u problemi ta’ saħħa mentali, l-Awtorità tad-Djar m’għandiex din l-istatistika.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jbatu minn dawn il-kundizzjonijiet, hawn taħt imsemmija, u li qed jgħixu fil-komunità:
· Ansjetà
· Bipolar Disorder
· Skiżofrenja
· Dipressjoni
· Eating Disorders
· OCD
· ADD u ADHD
· Addiction?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġewwa iċ-ċentri ta’ matul il-jum hemm 1,377 persuna b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jbatu minn ansjetà, 275 Bipolar Disease, 485 Skizofrenja, 1625 b’dipressjoni, 42 eating disorders, 184 OCD, 77 ADD u ADHD u 79 li għandhom addiction.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2819 bid-data tas-6 ta’ Diċembru, 2017, jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid illum kemm mit-13,558 persuna li huma out-patients u li qed jgħixu fil-komunità, qed jirċievu s-servizz tal-Programm ta’ Ħbiberija? X’għandha tagħmel persuna b’nuqqas ta’ saħħa mentali sabiex tibda tirċievi dan is-servizz?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant fl-2018, ġew riferuti 54 persuna. Dan huwa programm ta’ Ħbiberija offrut b’mod volontarju fil-komunità lill-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali. Dan is-servizz jindirizza persuni li għandhom diffikultà biex jissoċjalizzaw jew għandhom nuqqas ta’ sapport bħal ħbieb jew familjari fil-post fejn jgħixu. Il-voluntiera joffru madwar siegħa jew tnejn fil-ġimgħa fejn jiltaqu ma persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u jieħdu sehem f’attiviitjiet li jistgħu jkunu ta’ nteress u ta’ bżonn: bħal joħorġu jieħdu kafè, jaqraw xi ktieb, jaraw xi film, jakkumpanjaw lil persuna f’xi post li tkun tixtieq tmur eċċ. Biex persuna li għandha nuqqas ta’ saħħa mentali taċċedi għal dan is-servizz trid tiġi referuta mit-Tim Psikjatriku li huwa responsabbli għal kura tiegħu/tagħha. Dan jista’ jsir kemm mill-isptar kif ukoll mill-komunità.
Dipartiment għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali – talbiet għall-għajnuna
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kif id-Dipartiment għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali jgħin lil persuni b’diżabilità meta jkunu ddiskriminati fuq il-post tax-xogħol? Tista’ tgħid kemm-il talba għal għajnuna ta’ din it-tip kellu matul dawn l-aħħar tliet snin, u x’kien l-eżitu tal-proċess ta’ għajnuna li wettaq id-Dipartiment?
Response (DALLI, HELENA)
Il-provvedimenti inklużi fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament dwar Trattament Ugwali fl-Impjiegi (LS 452.95) jippermettu lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg biex iħares lil persuni b’diżabilità kontra diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità tagħhom fuq il-post tax-xogħol.
Infurmata li waqt it-twettiq ta’ spezzjonijiet ġenerali f’postijiet tax-xogħol varji, l-Ispetturi tad-Dipartiment jaraw li bħal kull kundizzjoni oħra tax-xogħol stipulata fil-liġi, dawn il-provvedimenti ma jkunux qed jinkisru. Minn dawn l-ispezzjonijiet li saru jirriżulta li ma nstabet l-ebda forma ta’ diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol ma’ persuni b’ diżabilità.
Id-Dipartiment pero jista’ jirrapporta li matul dawn l-aħħar tliet snin ma rċieva l-ebda rapport speċifiku ta’ allegat diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabilità fuq il-post tax-xogħol. Barra minn hekk, fit-Tribunal Industrijali l-ebda każ ma tressaq jew ġie konkluż b’rabta ma’ allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità.