Jista’ l-Ministru jgħid u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti li saru s’issa fl-iskema ‘Nikru biex Nassistu’?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-kuntratti mitluba minnu jinkludu informazzjoni personali, dwar l-individwi li applikaw għall-iskema u għalhekk l-Awtorità tad-Djar ma tħossx illi għandha tgħaddi din l-informazzjoni, sakemm ma jkunx hemm l-kunsens tal-individwi kkonċernati.
Jista’ l-Ministru jgħid dawk l-inkwilini li jgħixu f’postijiet mikrija mis-settur privat imma amministrati mill-Awtorità tad-Djar, x’se jiġri minnhom meta l-kuntratti tal-għaxar snin jiskadu?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif stabbilit fil-kuntratt ta’ din l-iskema, fi tmiem il-kirja, l-Awtorità tad-Djar bi ftehim mas-sidien, ikollha d-dritt tal-ewwel rifjut, wara li jerġgħu jiġu re-negozjati l-kuntratti.
Awtorità tad-Djar – skemi li joffru assistenza finanzjarja għar-residenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni applikaw quddiem l-Awtorità tad-Djar għall-iskema li toffri assistenza finanzjarja għar-residenzi mhux użati? Kemm huwa l-budget għal din l-iskema?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minn mindu daħlet fis-seħħ l-iskema tar-Restawr fuq Postijiet Battala, l-Awtorità tad-Djar irċeviet 26 applikazzjoni. Il-budget għas-sena kurrenti huwa ta’ €700,000 fuq xogħlijiet ta’ restawr u €70,000 fuq kirjiet relatati ma’ dawn id-djar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt sar għall-iskema fejn jiġu rranġati residenzi privati u offruti għall-iskop ta’ housing soċjali? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-kull kuntratt?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, minn meta fetħet din l-iskema, sa Settembru 2018, ġew sottomessi 26 applikazzjoni, għall-għotja ta’ restawr fuq proprjeta` residenzjali, li tkun vojta u ta’ livell mhux aċċettabli. L-iskema hija intiża, sabiex tħeġġeg sidien ta’ din il-proprjeta`, jinvestu fir-restawr tagħha, biex din tiġi mikrija lill-Awtorita’ tad-Djar, għal skop ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, minħabba li l-kuntratti jinkludu informazzjoni personali dwar l-individwi li applikaw għall-iskema, l-Awtorità tad-Djar ma tħossx li għandha tgħaddi din l-informazzjoni sakemm ma jkunx hemm il-kunsens tal-individwi kkonċernati.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu direttivi sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija a tenur tal-Kap. 545 mill-Att dwar ir-Regolator għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) u jekk inħarġu jista’ jagħti lista b’mod kronoloġiku u jispjega dwar xiex kienet titratta kull direttiva minnhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nħarġu ebda direttivi a tenur tal-Kap. 545 l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (‘REWS’).
Regolatur għas-Servizzi tal-Energija u l-Ilma – regolamenti tal-proċeduri għal ħruġ ta’ direttivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx saru xi regolamenti taħt il-Kap. 545 liema regolamenti jippreskrivu l-proċeduri li r-Regolatur għas-Servizzi tal-Energija u l-Ilma jrid isegwi meta joħrog direttiva? Jekk iva jista’ jgħid liema huma dawn ir-regolamenti li saru għal dan il-għan?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nħarġu ebda regolamenti taħt il-Kap. 545 liema regolamenti jippreskrivu l-proċeduri li r-Regolatur għas-Servizzi tal-Energija u l-Ilma jrid isegwi meta joħrog direttiva.
Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi – ħruġ ta’ direttivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu direttivi a tenur tal-Kap. 423 mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi (MRA) mill-2001 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, u jekk inħarġu jista’ jagħti lista b’mod kronoloġiku u jispjega dwar xiex kienet titratta kull waħda minn dawn id-direttivi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nħarġu l-ebda direttivi a tenur tal-Kap. 423 mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi (‘MRA’) mill-1 ta’ Awissu 2015. Rigward il-perjodu 2001 sal-31 ta’ Lulju 2015, l-Onor. Interpellant hu mitlub li jitlob l-informazzjoni lill-Ministeru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati biċċiera ġodda fil-Biċċerija ta' Għawdex, sena b'sena mis-sena 2013 sal-lum? Tista' tgħid kemm ingħataw promozzjonijiet għal grad ta' Biċċier ġewwa l-Biċċerija ta' Għawdex fl-istess perjodu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan il-perjodu ġew ingaġġati tmien (8) biċċiera fit- 8 ta’ Jannar, 2015 u persuna oħra ġiet promossa mill-grad ta’ farmer għal dak ta’ biċċier fl-24 ta’ Jannar, 2017.
Tista' l-Ministru tgħid f'kull uffiċċju u dipartiment u entità li jaqa' fid-dekasteru tagħha kemm hemm oġġetti fl-inventarji rispettivi li huma meqjusa bħala heritage items minn Marzu 2013 sal-lum, maqsuma sena b'sena? X'inhu l-valur mogħti għal kull wieħed minn dawn il-heritage items?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:Copy of PQ 6882 MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Heritage items fl-uffiċċji u dipartiment.._.pdf
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6053, jista’ l-Ministru jgħid x’sar s’issa dwar il-Master Plan tal-Pjazza tax-Xagħra, Għawdex? Jista' jgħid jekk il-kunsill għamilx proċess ta' konsultazzjoni pubblika u jekk iva x’kien l-eżitu ta' din il-konsultazzjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tax-Xagħra qiegħed fil-fażi preparatorja biex jagħmel din il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Master Plan tal-pjazza tax-Xagħra Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid, kemm kellha u għandha reġistrati ħaddiema l-kumpanija li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament mal-Korporazzjoni Jobsplus sena b'sena, mis-sena 2014 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Peress li l-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant hija kumpanija privata, qed ngħaddi l-informazzjoni li ngħatajt lill-Onor. Interpellant separatament u b'mod kunfidenzjali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inizjattivi u attivitajiet beħsiebu jieħu u jorganizza l-Gvern sabiex ifakkar l-ewwel sena mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
.Il-familja Caruana Galizia urew il-fehma tagħhom kemm-il darba li m’għandhomx fiduċja fl-Istat Malti. L-Istat għalhekk se jirrispetta din il-pożizzjoni.
Inkjesta ta’ kumpanija – kopja tal-proċess verbali
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja sħiħa u mhux ċensurata tal-proċess verbali tal-inkjesta dwar il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li tħejja mill-Maġistrat Inkwirenti Aaron M. Bugeja u li kopja tiegħu ntbagħtet lill-Ministru mill-Avukat Ġenerali kif l-istess Avukat Ġenerali kkonferma bil-ġurament nhar il-25 ta' Settembru 2018 quddiem il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali) kif ippreseduta mill-Imħallef Robert G. Mangion fil-kawża fl-ismijiet l-Onor. Dottor Adrian Delia vs L-Avukat Ġenerali (Rikors Nru 81/2018)?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-pubblikazzjoni jew le tad-dokument imsemmi fl-interpellanza illum tifforma l-mertu ta’ kawża pendenti quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Civili (Sede) Kostituzzjonali.
Inkjesta ta’ kumpanija – dettalji ta’ persuni li għandhom aċċess għall-proċess verbali tal-inkjesta
Question
Jista' l-Ministru jagħti l-isem, il-kunjom u l-kariga u/jew professjoni tal-persuni kollha li għandhom aċċess għall-proċess verbali tal-inkjesta dwar il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li tħejja mill-Maġistrat Inkwirenti Aaron M. Bugeja u li kopja tagħha ngħatat lill-Ministru mill-Avukat Ġenerali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf li l-informazzjoni mitluba fl-interpellanza m’ hijiex fil-pussess tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-esperiment dwar ir-riġenerazzjoni tal-bajja tal-Balluta? Jista' jagħti rendikont dettaljat tal-ispiża u jgħid ukoll min kienu l-kumpaniji privati u l-entitajiet u d-Dipartiment tal-Gvern li wettqu x-xogħlijiet?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Intepellant li l-esperiment dwar ir-riġenerazzjoni tal-Bajja tal-Balluta ilu jiġu studjat għal snin sħaħ u kien jinvolvi l-ġbir ta’ ramel mill-istess bajja, kif ukoll li dan l-istess ramel jitpoġġa fuq ix-xatt ħalli b’hekk tifforma xtajta ramlija. Dan il-proġett huwa parti mill-viżjoni tal-Gvern sabiex itejjeb il-prodott turistiku u fl-istess ħin iżid in-numru ta’ bajjiet madwar il-pajjiż. Il-proġett ġie mwettaq mill-Awtorita’ tat-Turiżmu u l-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi u ma qabiżx is-somma ta’ mitt elf ewro.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux studji xjentifiċi b'rabta mal-esperiment dwar ir-riġenerazzjoni tal-bajja tal-Balluta? Jista' jpoġġi kopja ta’ dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra, jgħid minn min saru dawn l-istudji u jgħid ukoll x'kienet in-nefqa għalihom?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-snin, speċjalment wara l-proġett tal-Bajja ta’ San Ġorġ ġewwa San Ġiljan, saru numru ta’ studji minn entitajiet differenti rigward diversi bajjiet madwar il-kosta ta’ Malta u Ġħawdex. Mill-2003 sal-2018 saru 8 studji relatati mal-Bajja tal-Balluta. Tliet rapporti li saru fl-2003, 2005 u 2008 rispettivament mhux magħruf kemm ġew jiswew. Il-ħames rapporti l-oħra li saru bejn 2016 u l-2018 ġew jiswew €8,340.
Skwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta – persuni salvati mill-Ibħra tal-Mediterran
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ġew salvati mill-Baħar tal-Mediterran fis-sena 2018 mill-iSkwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7166, l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li 605 persuna ġiet salvata mill-Baħar tal-Mediterran matul l-2018 sad-data ta’ din ir-risposta.
Immigranti rregolari li ġew ripatrijati lejn pajjiżhom
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm immigranti rregolari li ġew ripatrijati lejn pajjiżhom fis-sena 2016, fl-2017 u fl-2018?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fis-snin 2016, 2017 u sa Settembru 2018 l-ammont ta’ immigranti irregolari li ġew ripatrijati lejn pajjiżhom kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
Sena
2016
2017
2018
Total
Total
96
171
186
453
Immigranti li jgawdu xi forma ta’ protezzjoni rilokati fl-iStati Uniti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-possibbilità li persuni immigranti li jgawdu xi forma ta’ protezzjoni, jiġu rilokati fl-iStati Uniti kif kien isir fi żmien Gvern Nazzjonalista?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Il-Gvern ġdid Amerikan qiegħed kulma jmur inaqqas ir-rilokazzjoni ta’ persuni, permezz tal-programm USRAP, li jgawdu minn xi forma ta’ protezzjoni internazzjonali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kilo ta’ droga nqabdet fil-pajjiż fis-sena 2014, fl-2015, fl-2016 fl-2017 u fl-2018 (sa’ issa)?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-ammont ta’ droga li nqabdet fil-pajjiż fis-snin indikati mill-Onor. Interpellant u cjoè fl-2014, fl-2015, fl-2016, fl-2017 u sas-6 ta’ Ottubru 2018, kien kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan l-ammont jinkludi kemm id-droga maqbuda u reġistrata mit-Taqsima tad-Drogi tal-Pulizija kif ukoll dik maqbuda mid-Dwana.