Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenza San Vinċenz de Paul – estensjoni — perjodu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6849 u jgħid jekk matul il-perjodu sakemm l-estensjoni fir-Residenza San Vinċenz de Paul li saret referenza għaliha fl-ewwel paġna ta' The Sunday Times of Malta ta' nhar il-Ħadd 5 ta' Awwissu 2018 issir proprjetà tal-Gvern skont il-kuntratt CT 2009/2015 (Tender for Public Private Partnership for the Provision of Comprehensive Services to St Vincent de Paul Long Term Care Facility), xi ħlasijiet ser isiru mill-Gvern u/jew minn xi entità oħra governattiva lill-consortium għall-estensjoni u għall-faċilitajiet? Jista' l-Ministru jgħid meta huma dovuti dawn il-ħlasijiet u kif għandhom isiru?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Intepellant illi, t-tender pubbliku CT 2009/2015 kien jipprovdi għall-bini ta’ kċina ġdida u servizzi ta’ catering għall-parti eżistenti ta’ San Vinċenz de Paul. Il-ħlasijiet esklussivament għall-ikel, bdew wara li ġie ffirmat il-kuntratt. L-istess tender pubbliku kien jipprovdi għall-investiment addizzjonali, li fil-każ tal-offerta magħżula kien jikkonsisti f’estensjoni tar-Residenza San Vinċenz. Il-ħlas ta’ din il-parti l-ġdida ser ikun għal kull sodda okkupata, kif ilu jsir għal ħafna snin f’diversi każijiet oħra, u għalhekk il-ħlasijiet relatati mal-estensjoni l-ġdida ser ikunu qed jibdew malli jiġu okkupati s-sodod.

Residenza San Vinċenz de Paul – catering għall-estensjonijiet tas-sodod

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6850 u jgħid min se jipprovdi servizz ta' catering għall-ħames mitt (500) sodda addizzjonali li se jkun hemm fl-estensjoni fir-Residenza San Vinċenz de Paul li saret referenza għaliha fl-ewwel paġna ta' The Sunday Times of Malta ta' nhar il-Ħadd 5 ta' Awwissu 2018? Jista' jgħid x'se jkun il-ħlas għal dan is-servizz ta' catering?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizz ta' catering fl-estensjoni l-ġdida, huwa parti mill-ispiża għal kull sodda okkupata li se tkun inqas mill-prezz imħallas illum, għal kull sodda.

Residenza San Vinċenz de Paul – kopja tal-kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6851 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt bin-numru ta' referenza CT 2009/2015 u bid-deskrizzjoni "Tender for Public Private Partnership for the Provision of Comprehensive Services to St Vincent de Paul Long Term Care Facility" liema kuntratt ġie ffirmat nhar l-14 ta' Novembru 2017?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, f’dan il-kuntratt il-Gvern ser jimxi bl-istess proċedura li jimxi biha f’kuntratti simili mal-privat. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant illi diġà ġiet aċċettata t-talba, li għamel id-Deputat tal-Oppożizzjoni Godfrey Farrugia, għal skrutinju fuq l-istorja ivvintata mit-Times of Malta, dwar l-estensjoni tar-Residenza San Vinċenz de Paul.

Korp tal-Pulizija – Ranks ta’ Maġġur, Spettur, Supretendent u Assistent Kummissarju — nisa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm nisa fil-Korp tal-Pulizija li jokkupaw ir-rank ta’ Maġġur, Spettur, Supretendent u Assistent Kummissarju?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li sat-8 ta’ Ottubru 2018 kien hemm sitta u tletin (36) mara fil-Korp tal-Pulizija li jokkupaw ir-rank ta’ Surġent Maġġur, Spettur, Supretendent u Assistent Kummissarju, kif jidher hawn taħt: Assistent Kummissarju 1 Supretendent 5 Spettur 27 Surġent Maġġur 3 Total 36

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – sejħiet għall-għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sejħiet għall-għajnuna lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, xahar b’xahar, mill-1 ta’ Jannar 2018 sat-30 ta’ Settembru 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2018 sat-30 ta’ Settembru 2018, is-sejħiet għall-għajnuna lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, xahar b’xahar kienu kif jidhru fit-tabella ta’ hawn taħt: Jannar 314 Frar 347 Marzu 383 April 447 Mejju 535 Ġunju 607 Lulju 681 Awwissu 632 Settembru 488 Total 4,434

Priġunieri – sistema ta’ parole

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm priġunieri li gawdew mis-sistema tal-parole fis-sena 2017 u mill-1 ta’ Jannar 2018 sat-30 ta’ Settembru 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interperllant li fis-sena 2017, 18-il persuna ngħataw il-Liċenzja tal-Parole. Filwaqt illi mill-1 ta’ Jannar 2018 sat-30 ta’ Settembru, 15-il persuna ngħataw il-Liċenzja tal-Parole.

Infrastruttura Malta — toroq

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema se jkunu l-160 triq li Infrastruttura Malta se tkun qed tagħmel fix-xhur li ġejjin, liema ammont saret referenza għalih minn diversi esponenti tal-Gvern inkluż l-istess Ministru responsabbli?

Response (BORG, IAN)

Jekk l-Onor. Cutajar qed jirreferi għall-akbar sejħa għall-offerti għall-bini mill-ġdid ta’ toroq li qatt ħarġet f’Malta, u li ħabbarna u tkellimna dwarha fil-ġimgħat li għaddew, it-tagħrif mitlub jinsab fil-mezzi tal-media u media soċjali u jista’ faċilment jinkiseb mill-artikli ppubblikati. L-istess tagħrif jinsab ukoll f’aktar dettal fid-dokument pubbliku tas-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet meħtieġa biex is-sena d-dieħla jitwettaq dan l-akbar investiment ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali li qatt sar f’pajjiżna. It-tagħrif mitlub jinsab f’din il-lista li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Skola Primarja Mellieħa – dewmien fit-trasport

Question

Jista’ l-Ministru jara li n-nuqqasijiet li hemm bħalissa fit-trasport tat-tfal li jattendu l-iSkola Primarja tal-Mellieħa relatati mad-dewmien biex jitwasslu lura d-dar, jiġu solvuti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Ministeru qiegħed f’kuntatt kontinwu mas-service provider biex jara li n-nuqqasijiet li hemm relatati mad-dewmien jiġu indirizzati u eliminati.

Heritage Malta – Expression of Interest Taste of History and Events

Question

B'referenza għall-internal memorandum ta’ Heritage Malta - Expression of interest - Taste of History and Events, jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jiġu jew jekk ġewx permessi li jinġabru tips mill-events, u jekk iva, dawn kif ser jiġu jew ġew imqassma? Jista' jgħid xi proċedura qiegħda tiġi jew li ġiet addottata bħalissa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li tips mhux se jkunu permessi li jinġabru. F’każ li jingħataw tips dawn jidħlu bħala donazzjonijiet lill-Mużew jew sit.

Heritage Malta – Expression of Interest Taste of History and Events

Question

B'referenza għall-internal memorandum ta’ Heritage Malta - Expression of interest - Taste of History and Events, jista' l-Ministru jikkonferma li x-xogħol kollu relatat mal-HMSL isir jew sar b'mod voluntarju u jingħata jew ingħata biss lil min jixtieq jaħdmu?

Response (BONNICI, OWEN)

Iva.

Heritage Malta – Expression of Interest Taste of History and Events

Question

B'referenza għall-internal memorandum ta’ Heritage Malta - Expression of interest - Taste of History and Events, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Union li tirrapreżenta l-ħaddiema ta' Heritage Malta kenitx ikkonsultata fuq din il-kwistjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Informat mill-Aġenzija li r-risposta hi fin-negattiv għaliex, wara kollox, il-parteċipazzjoni hija fuq bażi volontarja, anka jekk bi ħlas.

Heritage Malta – Expression of Interest Taste of History and Events

Question

B'referenza għall-internal memorandum ta’ Heritage Malta - Expression of interest - Taste of History and Events, jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema interessati humiex se jitħallsu u jekk tħallsux mill-payroll system jew humiex se jiġu mitluba jew ġew mitluba jirreġistraw bħala self-employed u jużaw il-ktieb tal-VAT? Jista' jgħid kif se jassigura li ma jinħoloqx xi tip ta' xogħol tal-prekarjat ġdid fi ħdan Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li dawn il-ħaddiema ser jitħallsu b’mod normali mill-payroll. L-Aġenzija mhux ħa toħloq l-ebda tip ta’ prekarjat. Il-pagi skont l-expression of interesthuma fit-tabella ta' hawn taħt. Job Title Rate/hour 1 Event Curator / Manager € 20 2 Head Waiter / Event Supervisor (F) € 17 3 Waiter (bar tender) Electrician / Assistant (F) Event € 13 4 Dish Washer/Cleaner/ Handyman (F) €10.50c

Heritage Malta – Expression of Interest Taste of History and Events

Question

B'referenza għall-internal memorandum ta’ Heritage Malta - Expression of interest - Taste of History and Events, jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji l-'event manager, curator or delegate', ħa jagħżel jew għażel lis-staff complement?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-event manager, curator or delegat se jagħżel lis-staff complement fuq kriterji ta’ esperjenza, kwalifiki, sales u customer care skills.

Heritage Malta – Expression of Interest Taste of History and Events

Question

B'referenza għall-internal memorandum ta’ Heritage Malta - Expression of interest -Taste of History and Events, jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema ta' Heritage Malta li jaħdmu Malta hux se jkollhom jagħmlu u jekk hux diġà għamlu xogħol f’Għawdex? Jekk fil-pożittiv, jista' jgħid hux se jiġi pprovdut u jekk ġiex provdut trasport u akkomodazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija iżżomm kull dritt li tiddeċiedi jekk ikunx hemm bżonn jitilgħu nies min Malta għal Għawdex jew viċi versa għal attivitajiet kummerċjali jew attivitajiet oħra, kif dejjem kien il-każ. Trasport u akkomodazzjoni tingħata jekk u meta jkun hemm il-bżonn bħal ma sar fil-passat.

Ħal Tarxien – Triq il-Kbira — xogħol

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5398, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba Triq il-Kbira f’Ħal Tarxien ġietx ippjanata li ssir tul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li Triq il-Kbira ħa ssir sa tmiem din is-sena.

Bormla – self ta’ kotba mil-librerija pubblika — inizzjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk ittieħdux inizjattivi ġodda sabiex ikun hemm iktar residenti u studenti li jissellfu kotba mil-Librerija Pubblika ta’ Bormla u jekk le jistgħux jittieħdu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva, ittieħdu inizjattivi ġodda li jinkludu: · Kollaborazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litterizmu sabiex isiru sessjonijiet ta’ qari għat-tfal ta’ etajiet varji. Minn din is-sena wkoll investejna f’kollezzjoni ta’ comics u novelli grafiċi, kif ukoll kotba dyslexic friendly. · Sar ftehim ukoll mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali biex isir rinovar f’kull librerija permezz ta’ skema li ħarġu. Ġibna ukoll prezz speċjali mingħand l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni biex f’kull librerija jkun hemm WIFI b’xejn. · Żidna l-ammont ta’ kotba li jistgħu jissellfu t-tfal minn sitta għal tmienja. · Provdejna sapport kontinwu lil-librara biex ikunu jistgħu jagħtu servizz aħjar lill-komunità. Għat-tieni sena konsekuttiva, inġieb sponsor minn banek ewlenin sabiex jinxtraw iktar kotba għall-komunità.

L-Isla – self ta’ kotba mil-librerija pubblika — inizzjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk ttieħdux inizjattivi ġodda sabiex ikun hemm iktar residenti u studenti li jissellfu kotba mil-Librerija Pubblika tal-belt Senglejana u jekk le jistgħux jittieħdu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li iva, ittieħdu inizjattivi ġodda li jinkludu: · Kollaborazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litterizmu sabiex isiru sessjonijiet ta’ qari għat-tfal ta’ etajiet varji. Minn din is-sena wkoll investejna f’kollezzjoni ta’ comics u novelli grafiċi, kif ukoll kotba dyslexic friendly. · Sar ftehim ukoll mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali biex isir rinovar f’kull librerija permezz ta’ skema li ħarġu. Ġibna wkoll prezz speċjali mingħand l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni biex f’kull librerija jkun hemm WIFI b’xejn. · Żidna l-ammont ta’ kotba li jistgħu jissellfu t-tfal minn sitta għal tmienja. · Provdejna sapport kontinwu lil-librara biex ikunu jistgħu jagħtu servizz aħjar lill-komunità.

Fgura – Triq id-Dejma – landscaping tarroundabout

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6865 dwar landscaping tar-roundabout f’Triq id-Dejma Fgura, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm din ġiet tiswa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntrattur bagħat il-claim għall-pagament ta’ €9,753.60, għax-xogħol ta’ landscaping tar-roundabout fi Triq id-Dejma, Tarxien, fit-18 ta’ Ottubru 2018. Fil-frattemp qed isiru l-verifiki neċessarji mid-Dipartiment sabiex ikun jista’ jinħareġ il-kont finali biex ikun jista’ jsir il-ħlas neċessarju.

Raħal Ġdid – Triq Ħaż-Żabbar — xogħlijiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5773, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk it-trattattivi biex jagħtu bidu għax-xogħlijiet fi Triq Ħaż-Żabbar Raħal Ġdid ġewx konklużi jew le?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Gvern qed iwettaq pjan biex gradwalment it-toroq kollha, anke dawk li bħalissa jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-kunsilli lokali, jinbnew mill-ġdid kif meħtieġ minn Infrastructure Malta. Fil-fatt, diġà tħabbru l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li se jinbnew mill-ġdid is-sena d-dieħla, bħala parti mill-investiment bla preċedent ta' €700 miljun li l-Gvern qed jalloka għal infrastruttura ta' kwalità fit-toroq Maltin. Sadanittant, sakemm triq tinbena mill-ġdid, il-kunsilli lokali se jibqgħu jieħdu ħsieb il-manutenzjoni u t-tiswijiet meħtieġa biex jiġu evitati perikli jew diffikultajiet oħra.