Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #4314 Sitting 147 2018-10-23 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – Konsulenti ngaġġati – ismijiet u ħlasijiet

Question

Tista’ l-Ministru telenka l-ismijiet u l-ħlasijiet rispettivi ta’ kull konsulent ingaġġat minn kull entità li għaliha hi responsabbli?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali – Konsulenti ngaġġati – ismijiet u ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet u l-ħlasijiet rispettivi ta’ kull konsulent ingaġġat minn kull entità li għaliha hu responsabbli?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nirreferi lill-Onor. Interpellant, għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1129.

Żjara f’Dubai minn individwu

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid kemm-il darba l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, żar Dubai mill-2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza, u r-raġuni għal kull żjara? Kemm kienet l-ispiża kollha għal kull żjara?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija separatament minnu, mill-2013 sal lum attenda konferenza (Arab Health 2018 Exhibition) f’Dubai f’Jannar ta’ din is-sena u kien akkumpanjat mic-Chief Biomedical Engineer. In-nefqa kienet ta’ €2,467.
Leg 13 PQ #4374 Sitting 147 2018-10-23 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol - nefqa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f’kull entità li għaliha hu responsabbli f’festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol u simili mill-2013, sena b’sena, sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq l-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ekonomija, Investment u Negozji Żgħar — festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f’kull entità li għaliha hu responsabbli f’festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol u simili mill-2013, sena b’sena, sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Residenza tad-Djar tal-Anzjani – ċwievet ritornati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ċavetta ġiet ritornata mill-kategorija ta’ anzjani li jgħixu f’residenza ta’ Djar tal-Anzjani u li kienu inkwilini ta’ postijiet tal-Gvern?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mid-9 ta’ April 2018, meta ġiet imnedija l-iskema, l-Awtorità tad-Djar ġabret ħdax-il ċavetta, mingħand anzjani li jgħixu f’waħda mid-Djar tal-Anzjani u li kienu inkwilini ta’ postijiet tal-Gvern.

Inċentivi għal ritorn ta’ ċwievet ta’ post

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ried ifisser il-Ministru għall-Finanzi fid-Diskors tal-Baġit meta qal li se “jagħti inċentiv ġeneruż lil dawk li jirritornaw iċ-ċwievet tal-post li jkollhom biex jiġu allokati” lil dawk fil-kategorija u li qed jistennew post tal-Akkomodazzjoni Soċjali (Ara: Kapitlu 3.6 Postijiet tal-Gvern battala mikrijin għand l-anzjani – paġna 35 tad-diskors tal-Budget 2018)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif f’April 2018 ġiet imnedija skema li tinċentiva lill-anzjani li għandhom post tal-gvern u jkunu ser jidħlu jew ikunu diġà daħlu f’residenza tal-anzjani tal-Gvern, jew f’dar tal-anzjani privata, taħt l-iskema tal-Public Private Partnership. Dan l-inċentiv joffri 20% iktar tal-pensjoni jekk l-anzjan/a jagħti lura ċ-ċwievet tal-post lill-Awtorità tad-Djar. Dan l-inċentiv volontarju mhux biss qiegħed irendi f’pensjoni miżjuda lill-anzjan/a, iżda ukoll f’aktar riżorsi li l-Awtorita` tista’ talloka lil min huwa fil-bżonn, ġaladarba l-anzjan/a m’għadhomx jirrisjedu fil-post illi għexu fih.

Skema ‘Social Loans’ – numru ta’ loans

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, minn meta daħlet l-iskema tas-Social Loans kemm ingħataw social loans lill-applikanti? Kemm huwa l-budget ta’ din l-iskema?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, minn meta daħlet fis-seħħ l-iskema tas-Social Loan, ingħataw 16-il loan illi fuqhom diġa sar il-kuntratt, waqt li 37 applikazzjoni oħra qegħdin fuq il-konvenju. Hemm ukoll 41 applikant ieħor li qegħdin fil-proċess li jiffirmaw il-konvenju fuq il-post identifikat minnhom. Il- budget għal din l-iskema għas-sena kurrenti huwa ta’ €940,000.

Awtorità tad-Djar – liftijiet f’blokki tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, f’din il-Leġiżlatura, kemm-il lift ġie stallat fil-blokki tal-Gvern jew tal-Awtorità tad-Djar? F’liema lokalitajiet kienu stallati dawn il-lifts? Kemm ibbenefikaw inkwilini/sidien minn din l-inizjattiva?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, f’din il-leġiżlatura ġew installati 10 lifts fil-blokki tal-Gvern jew tal-Awtorità tad-Djar. Dawn kienu fil-Birgu, Ħal-Kirkop, il-Marsa, il-Mellieħa, l-Imġarr u ż-Żejtun. Minn dawn l-installazzjonijiet ibbenefikaw l-inkwilini li joqgħodu ġo 27 appartament u s-sidien illi joqgħodu f’40 appartament.

Applikazzjoni għall-Home – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha l-kundizzjoni tad-dimenzja, fejn meta toħroġ qed tintilef, jiġbruha n-nies u anke qed tħalli affarijiet perikolużi mixgħulin id-dar? Peress li din is-Sinjura applikat biex tidħol f’home għax minħabba l-gravità tagħha jibżgħu li sseħħ xi traġedja, jista’ l-Ministru jara li jsir assessment għall-home?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, qed isegwi mill-qrib dan il-każ u il-persuna kkonċernata ġiet infurmatha b’risposta bil-miktub, għall-mistoqsija li saret f’isimha.

Ħlas ta’ kera ta’ post – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fejn dan ilu jgħix f’post tal-Gvern mill-2012 imma meta jkun se jħallas il-kera, jgħidulu li ser isir kuntratt ġdid?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw b’mod separat, diġa’ iffirmat l-kuntratt ta’ tiġdid tal-kirja.
Leg 13 PQ #6956 Sitting 147 2018-10-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – wirjiet u attivitajiet fis-sala tal-esebizzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid, mis-sena 2013 sal-lum, maqsuma sena b'sena, kemm saru wirjiet u attivitajiet fis-sala tal-esebizzjonijiet tal-Ministeru għal Għawdex? Tista' tagħti lista tal-wirjiet u attivitajiet li saru sena b'sena?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #6957 Sitting 147 2018-10-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ħaddiema klerikali Għawdxin li jaħdmu Malta u ntbagħtu Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta nġabu l-aħħar clerks Għawdxin li kienu jaħdmu Malta biex jaħdmu f'Għawdex? Kemm kien in-numru ta' clerks li nġabu lejn Għawdex fis-sena 2017 u fis-sena 2018? Tista' tgħid meta hu maħsub li jinġabu aktar ħaddiema klerikali minn Malta lejn Għawdex? Tista' tgħid kemm-il vacancy ta' ħaddiema klerikali hemm mad-Dipartimenti tal-Gvern f'Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2017, kien hemm 12-il skrivan li nġabu jaħdmu Għawdex u din is-sena nġab skrivan wieħed. Dan il-Ministeru jagħmel eżerċizzju kontinwu u laqgħat ma’ diversi Ministeri u Entitajiet biex jinġieb Għawdex kemm xogħol ta’ Front Office kif ukoll ta’ Back Office. Diġà abbart l-uffiċċju f’Għawdex tal-Malta Competition and Consumer Affairs Authority u bħalissa għaddej proċess biex toħroġ sejħa għall-propjetajiet ta’ 2 entitajiet oħra.
Leg 13 PQ #6958 Sitting 147 2018-10-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Rabat, Għawdex, bini ta’ skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-Iskola Primarja Ġdida tar-Rabat Għawdex li issa ilha mwiegħda ħames snin tilqa' fiha l-ewwel studenti? Jista' jgħid fejn se tinbena din l-iskola? Jista' jgħid jekk ix-xogħol ta' kostruzzjoni bediex u meta se jispiċċa? Jista' jgħid kemm se tkun tista' tilqa' studenti din l-iskola? Kemm hija mistennija li tkun l-ispiża tagħha?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li x-xogħol ta' kostruzzjoni fuq l-iskola primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, hu mistenni li jibda kif jingħataw il-permessi mill-Awtorità għall-Ippjanar. L-iskola se tiftaħ meta l-proġett ta' kostruzzjoni jitlesta, bid-data finali tkun stabbilita meta l-permessi tal-iżvilupp jinħarġu. L-iskola se tinbena biswit il-middle school eżistenti, u s-site map diġà tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra fit-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentaru 5013. L-iskola se takkomoda madwar 400 tifel u tifla. L-istima tax-xogħol għad trid tkun ikkalkulata.
Leg 13 PQ #6959 Sitting 147 2018-10-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Settur Pubbliku — impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 5788, 1796, 2497 u 4259 u ċjoè, jista' jgħid sal-aħħar ta’ Frar 2013, kemm kien hemm nies impjegati mas-settur pubbliku (inklużi intrapriżi pubbliċi)? Kemm minn dawn kienu impjegati full-time? Kemm minn dawn kienu impjegati fuq bażi part-time? Kemm minn dawn kienu impjegati f’position of trust u persons of trust? U kemm minn dawn kienu impjegati b’kuntratt definit?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 13 PQ #6960 Sitting 147 2018-10-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

University Residence – studenti Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-University Residence imwiegħda mill-Gvern fil-Baġit għas-sena 2017 se tkun lesta u tilqa' fiha l-ewwel student? Jista' jgħid jekk l-istudenti Għawdxin hux se jkunu preferuti biex jingħataw akkomodazzjoni f'din ir-residenza? Jista' jgħid fiex wasal ix-xogħol ta' kostruzzjoni fuq dan il-proġett u kemm huwa mistenni li jiswa? Kif se jiġi ffinanzjat dan il-proġett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li f'Ottubru tas-sena 2015, l-Università ta' Malta ħarġet sejħa għal proposti fuq bażi ta' Public-Private Partnership, għall-bini u l-immaniġġar ta' University Community Complex, liema proġett jinkludi University Residence. Wara evalwazzjoni mill-Kunsill tal-Università, f'Awwissu 2016 kien iffirmat il-ftehim mal-entità privata li ser tibni u timmaniġġa dan il-kumpless. L-applikazzjoni għall-permess tal-bini tal-University Residence kienet sottomessa f'Ottubru 2016. Din l-applikazzjoni għadha pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjannar. Huwa previst li r-Residenza tilqa' l-ewwel residenti fi żmien tliet snin minn meta jinħareġ il-permess tal-bini. Il-University Residence il-ġdida ser tkun qed tipprovdi madwar 800 akkomodazzjoni (ferm aktar minn dak provdut illum mir-residenza f'Ħal Lija). Din iż-żieda hija intiża sabiex tilqa' għaż-żieda fin-numru ta' studenti barranin kif ukoll sabiex taqdi l-esiġenzi tal-istudenti Għawdxin. L-ispiża kapitali tal-proġett ser tkun iffinanzjata mill-privat, waqt li l-Università ser tipprovdi l-art.
Leg 13 PQ #6961 Sitting 147 2018-10-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Università – bini ta’ Community Car Park

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-community car park tal-Università mwiegħed mill-Gvern fil-Baġit għas-sena 2017 se jkun lest u jilqa' fih l-ewwel karozzi? Jista' jgħid kemm se jkun jesa' karozzi dan il-car park? Jista' jgħid fiex wasal ix-xogħol ta' kostruzzjoni fuq dan il-proġett u kemm huwa mistenni li jiswa? Kif se jiġi ffinanzjat dan il-proġett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Community Car Park jifforma parti mill-University Community Complex. Għaldaqstant, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li għadha kif ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 6960.
Leg 13 PQ #7075 Sitting 147 2018-10-23 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Tas-Sliema – Żona tax-Chalet — upgrading

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet il-proposta tal-Gvern sabiex isir upgrading taż-żona tax-Chalet f'Tas-Sliema?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett qiegħed jiġi studjat.

Residenza San Vinċenz de Paul — estensjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6847 u jgħid meta hu mistenni u/jew ippjanat li tkun lesta l-estensjoni fir-Residenza San Vinċenz de Paul li saret referenza għaliha fl-ewwel paġna ta' The Sunday Times of Malta ta' nhar il-Ħadd 5 ta' Awwissu 2018?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-estensjoni bl-ewwel 252 sodda, tkun lesta fi żmien l-ewwel 18-il xahar mill-ħruġ tal–permess ta’ żviluppar, filwaqt illi t-tieni 252 sodda, tkun lesta fi żmien 18-il xahar mit-tlestija tal-ewwel 252 sodda. Dawn is-soddod se jgħinu biex tkun indirizzata l-lista ta’ stennija għall-anzjani li għandhom bżonn urġenti jew high-dependency, kif imwiegħed fil-manifest elettorali tal-gvern.

Residenza San Vinċenz de Paul – sid ta’ estensjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6848 u jgħid min se jkun is-sid tal-estensjoni tar-Residenza San Vinċenz de Paul u tal-faċilitajiet li se jkun fiha l-istess estensjoni li saret referenza għaliha fl-ewwel paġna ta' The Sunday Times of Malta ta' nhar il-Ħadd 5 ta' Awwissu 2018? Jista' jgħid jekk hux se jkun il-Gvern jew kumpanija privata li se jipprovdu s-servizzi ta' kura u dawk anċillari għall-perjodu ta' għaxar snin tal-kuntratt? Jista' jagħti l-isem tal-kumpanija privata f'każ li din ser tipprovdi s-servizzi ta' kura u dawk anċillari għall-perjodu ta' għaxar snin tal-kuntratt?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, s-sid tal-estensjoni tar-Residenza San Vinċenz de Paul u tal-faċilitajiet illi se jkun fiha l-istess estensjoni, ser ikun San Vinċenz de Paul stess. San Vincenz de Paul ħa jkun ukoll responsabbli għas-servizzi mediċi kollha u għat-tmexxija u d-direzzjoni tal-blokok bħala parti integrali mill-kumpless. Il-kumpanija privata ser tipprovdi riżorsi ta’ kura u servizzi anċillari. Kif diġa’ intqal fuq il-mezzi tax-xandir, l-isem tal-kumpanija privata huwa l-JCL u l-MHC Consortium.