Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali – għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Ministeru tiegħu talabx għajnuna finanzjarja Ewropea għas-servizzi indirizzati lill-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali f’dawn l-aħħar ħames snin bħal ma għamlu l-Aġenzija Sapport tal-Ministeru tal-Familja?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li aktar kmieni din is-sena l-Ministeru għas-Saħħa applika b’suċċess għal proġett The Provision of a Sustainable Mental Health Care Service to Asylum Seekers and Refugees in Malta taħt il-fond Ewropew Asylum, Migration & Integration Fund (AMIF) fejn b’total ta’ €3 Miljun Ewro, il-Ministeru għas-Saħħa se jkun jista’ jiġbor spejjeż li jkun ħareġ sabiex jingħataw kura dawn il-pazjenti u biex b’hekk permezz ta’ dawn il-flus is-servizz tas-saħħa mentali jibqa’ wieħed sostenibbli filwaqt li dawn il-flus se jkunu jistgħu jiġu investiti mill-ġdid fil-qasam tas-saħħa mentali sabiex is-servizz u / jew il-faċilitajiet ikunu jistgħu jitjiebu. Barra minn hekk, permezz ta’ proġett ieħor bl-isem ta’ Non-Technical skills Training for Healthcare Personnel taħt il-Fond Soċjali Ewropew (ESF) li ġie approvat fis-sena 2017, b’total ta’ €3.4 miljuni, l-impjegati tal-Gvern fid-Dipartiment tas-Saħħa li jaħdmu dirett mal-pazjenti, inkluż dawk pazjenti li jkollhom bżonn ta’ kura mentali, se jingħataw taħriġ f’Non Technical Skills bi skop li ntejbu u noffru dejjem l-aħjar servizz ta’ kura u b’sodisfazzjon akbar għall-pazjent.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza – informazzjoni maħruġa bil-Malti

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6592, tista’ l-Ministru tgħid jekk ġewx tradotti għall-Malti d-dokumenti Society’s Concern u Who is Who? Jekk iva, tista’ l-Ministru tpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li d-dokument Society’s Concern ġie tradott għall-Malti u se jkun ippublikat f’din il-lingwa fil-ġimgħat li ġejjin filwaqt li d-dokument Who is Who qiegħed preżentament fil-proċess li jiġi tradott għall-Malti.

Sid ta’ flat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għand min mar il-flat battal li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jikkonferma, jekk il-flat marx għand membru tal-familja ta' xi ħadd li jgħix fl-istess blokk ta' flats?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar ma tħossx li għandha tgħaddi din l-informazzjoni sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwi konċernati.

Sptar Mater Dei – Operazzjonijiet ta’ Breast removal

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinvestiga l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u jgħid jekk qattx saret operazzjoni ta’ breast removal fl-Isptar Mater Dei? Jekk ġieli saret, jista’ jgħid kemm-il darba u għaliex it-talba tal-individwu qed tiġi rrifjutata?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-ġimgħa stess it-Tabib Ewlieni tal-Gvern bagħat ċirkulari lit-tobba kollha ta’ Malta u Għawdex biex iħabbar il-ftuħ ta’ klinika multidixxiplinarja illi issa bdiet tilqa’ appuntamenti għal konsultazzjoni dwar servizzi mediċi lill-persuni trans. Dan is-servizz jista’ jinkludi kirurġija fuq parir tat-tim professjonali.
Leg 13 PQ #6974 Sitting 150 2018-10-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Malta University Holding Company – Kap Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Malta University Holdings Company? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Contracts of Service u Letter of Appointment tal-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Malta University Holding Company li hi l-id kummerċjali tal-Università ta' Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta University Holding Company Limited huwa l-persuna li isimha qiegħed jingħata separatament lill-Onor. Interpellant. Ix-xogħol tiegħu huwa regolat minn kuntratt ta' xogħol u l-informazzjoni dwar dan il-kuntratt tax-xogħol hija kummerċjalment sensittiva.

Għawdex – flus tal-Unjoni Ewropea għat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intużaw flus tal-Unjoni Ewropea fuq toroq f'Għawdex sal-lum matul is-sena 2018 u jgħid liema toroq saru b'dawn il-fondi Ewropej mill-Ministeru tiegħu jew minn Transport Malta? Jista' jgħid kemm-il triq saret f'Għawdex minn Infrastructure Malta matul is-sena 2018 u liema kienu dawn it-toroq? Liema toroq f'Għawdex hemm ippjanati li jsiru minn Infrastructure Malta ġewwa Għawdex sal-aħħar tas-sena 2018?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-allokazzjonijiet mill-flus Ewropej normalment isiru fuq toroq li huma parti minn network tat-Ten-T. It-toroq f’Għawdex li huma fuq din in-network kienu saru xi snin ilu (2011) u għaldaqstant ma kienx hemm allokazzjonijiet ta’ fondi fit-2017. Fl-istess ħin huwa ta’ sodisfazzjon li fl-aħħar l-Oppożizzjoni tidher qed tibda tappoġġja t-twaqqif ta’ Infrastructure Malta, minkejja li f’Lulju li għadda, f’dan l-istess Parlament, ivvutat kontra din l-istess entità, u kontra l-investiment bla preċedent li l-Gvern qed jibda jwettaq fit-toroq ta’ pajji¿na permezz tagħha. Infrastructure Malta bdiet il-ħidma tagħha fis-sajf u mill-ewwel qabdet ritmu ta’ xogħol mgħaġġel ħafna, b’għadd ta’ proġetti ta’ titjib u bini mill-ġdid ta’ toroq arterjali, residenzjali u rurali. Fl-istess waqt qed tiffinalizza l-pjanijiet tagħha biex fix-xhur li ġejjin u s-sena d-dieħla żżid din il-ħidma b’ferm aktar proġetti ta’ titjib ta’ toroq arterjali u bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali f’Malta u Għawdex. Il-ħidma ta’ Infrastructure Malta f’Għawdex qed tiġi ppjanata wkoll b’kollaborazzjoni mal-Ministeru t’Għawdex u l-kunsilli lokali tal-lokalitajiet konċernati. L-aġenzija ser tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu ser jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati.
Leg 13 PQ #6976 Sitting 150 2018-10-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – breakdown ta’ nfiq f’allowances u overtime

Question

Tista' l-Ministru tagħti breakdown ta' kif intefqu l-flus f'allowances u overtime fis-snin 2013, 2014, 2015 u 2016 fid-direttorati li jaqgħu fid-dekasteru tagħha, liema ammonti minfuqa huma kif jidhru hawn taħt u dan skont kif murija fl-estimi finanzjarji tas-snin imsemmija? Sena Infiq f’ allowances € Infiq f’ overtime € 2013 843,974 60,366 2014 862,811 54,096 2015 928,374 67,726 2016 991,648 110,772 X'tip ta' allowances kienu, f'liema gradi u f’liema uffiċċji/sezzjonijiet jaħdmu dawk l-uffiċjali li tħallsu dawn l-allowances?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex it-tagħrif jinġabar.
Leg 13 PQ #6977 Sitting 150 2018-10-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi

Statistika ta’ paga medja f’Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid, skont l-aħħar statistika li għandu, kemm hi l-paga medja f'Malta? Jista' jgħid għall-istess perjodu kemm hi l-paga medja tal-ħaddiema li jaħdmu f'Għawdex? Jekk hemm diskrepanza, jista' jgħid x'qed jagħmel il-Gvern biex din tiġi eleminata flok tiżdied?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 6651.
Leg 13 PQ #6978 Sitting 150 2018-10-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi

Għawdex – żieda fil-paga medja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-wegħda tal-aħħar Baġit li kienet tgħid "Se nagħtu iktar inċentivi biex jinħolqu impjiegi ġodda mas-settur privat f’Għawdex billi għal kull impjegat li jiġi offrut kuntratt ta’ tliet snin jew iżjed, tingħata rifużjoni ta’ 30% tal-paga medja ta’ impjegat sa massimu ta’ €6,000", ġietx imwettqa? Jekk iva, meta daħlet fis-seħħ? Kemm ibbenifikaw minn din l-miżura u kemm ħareġ flus sal-lum fuq din il-miżura l-Gvern?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #6979 Sitting 150 2018-10-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Fondi għal imprendituri Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-miżura li tħabbret fil-Baġit għas-sena 2018 u li kienet tgħid "Se nkunu qegħdin nallokaw fondi biex tinħoloq skema speċifika biex imprendituri Għawdxin li joperaw fis-settur tat-turiżmu, itejbu l-livell tal-istabbilimenti turistiċi", ġietx imwettqa? Jekk iva, meta daħlet fis-seħħ? Kemm-il operatur f'Għawdex ibbenfika minn dawn il-fondi? Kemm kien l-ammont totali f'għajnuna lill-imprendituri Għawdxin taħt din l-iskema?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tat-Turiżmu flimkien mal-Ministeru għal Għawdex ħabbru l-iskema Enable Tourism li permezz tagħha stabbilimenti turistiċi ġewwa Għawdex jistgħu jagħmlu xogħol relatat mal-aċċessibilita’ ta’ siti turistiċi b’50% tal-ispiża tkun iffinanzjata mill-Gvern taħt din l-iskema. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Stqarrija għall-Istampa numru 182280 maħruġa mill-Ministeru għat-Turiżmu u mill-Ministeru għal Għawdex.
Leg 13 PQ #7274 Sitting 150 2018-10-30 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija dwar Visa u Residenza f’Malta – laqgħat tal-Bord tad-Diretturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret tal-Bord tad-Diretturi tal-Aġenzija dwar Visa u Residenza f’Malta mis-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Prim Ministru jagħti d-dati ta' meta saret kull laqgħa u jindika l-membri tal-Bord tad-Diretturi li kienu preżenti u/jew assenti għal kull waħda mil-laqgħat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-Advisory Board kellu ħames laqgħat (April, Mejju, Ġunju, Lulju u Settembru 2018). Kien hemm assenti is-sinjura Roberta Argento f’ laqgħa li saret f’Lulju u Dr. Ian Castaldi Paris u s-sinjura Diane Izzo f’ laqgħa li saret f’Settembru. Rigward l-Approvals Board saru ħames laqgħat fl-2017 minn Awwissu sa Diċembru u disa' laqgħat fl-2018 (Jannar sa Settembru ). Is-Sur Roderick Spiteri kien assenti fil-laqgħat ta’ Jannar, Marzu u Ġunju 2018 u s-sinjura Ruth Micallef kienet assenti għal laqgħat ta’ Mejju, Awwissu u Settembru 2018.
Leg 13 PQ #7275 Sitting 150 2018-10-30 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija dwar Visa u Residenza f’Malta –Bord tad-Diretturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema mill-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta huma nvoluti fit-tmexxija tal-istess Aġenzija? Jista' jgħid x'inhu l-involviment tagħhom fit-tmexxija tal-istess Aġenzija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab nfurmat li l-ebda membru miż-żewġ Bords tad-Diretturi tal-Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta mhuma involuti fit-tmexxija tal-istess Aġenzija.
Leg 13 PQ #7276 Sitting 150 2018-10-30 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta – Bord tad-Diretturi — rimunerazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'rimunerazzjoni jirċievu l-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab infurmat li c-chairperson tal-Advisory Bord tal-Aġenzija dwar Visa u Residenza f’Malta tirċievi rimunerazzjoni ta’ €4,000 fis-sena waqt li kull membru jirċievi rimunerazzjoni ta’ €2,000 fis-sena.

Proġett “Kif Jgħid il-Malti”

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ippropona l-proġett ‘Kif Jgħid il-Malti”, jekk kienx hemm sejħa għall-proposti u għall-proġetti b’din it-tema, min ingħata l-inkarigu sabiex iwettaq dan il-proġett, min kienu l-artisti involuti f’dan il-proġett u kemm sewa dan il-proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-proġett ‘Hekk Jgħid il-Malti’ ġie propost mill-Fondazzjoni Valletta 2018 bħala inizjattiva favur aktar għarfien tal-lingwa Maltija u l-wirt intanġibbli tal-qwiel. Ix-xogħlijiet ġew esegwiti mill-artist Joel Saliba, li ntgħażel fuq bażi ta’ mertu artistiku, u minn diversi artiġjani oħra li kkontribwew sabiex issawru l-iskulturi. Dan il-proġett ġie jiswa’ E68,500 + VAT. Somma li tinkludi mhux biss l-esekuzzjoni bl-idejn ta’ dawn it-13-il skultura, iżda wkoll il-qafas li fihom minn ġewwa, il-bażi tagħhom, l-installazzjoni fis-siti rispettivi u d-deskrizzjoni informattiva li hemm takkumpanjahom. Dawn l-istallazzjonijiet intlaqgħu tajjeb ħafna mill-pubbliku in ġenerali, speċjalment mit-tfal kif ukoll minn barranin li jzuruna u spiss jintlemhu jieqfu għall-kurżità u jaqraw l informazzjoni disponibbli.

Proġett MUZA

Question

Filwaqt li l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali f’Mistoqsija Parlamentari 1848 kien indika li l-proġett MUZA ta’ Heritage Malta kellu jiġi inawgurat f’Marzu 2018, u billi tali proġett għadu ma tlestix, jista’ l-Ministru jgħid meta se tkun miftuħa din il-binja?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-MUZA se jiġi inawgurat fi żmien ftit jiem oħra.

MUZA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bini tal-MUZA huwiex se jkun lest sabiex jospita l-konferenza annwali tan-Network of European Museum Organisations nhar il-15 ta’Novembru 2018? Jista’ jgħid jekk u kemm-il esibizzjoni u liema huma dawk l-esibizzjonijiet li bihom se jiftaħ MUZA?

Response (BONNICI, OWEN)

Naturalment il-konferenza annwali tan-NEMO ser isseħħ fil-MUŻA kif kien ippjanat. Din se tkun opportunità sabiħa ferm li se tkompli tkabbar il-profil ta' pajjiżna u se tħalli impatt pozittiv immens fuq is-settur patrimonjali. Il-parti tad-domanda dwar esibizzjonijiet għandha difetti sintassiċi kbar u nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika aħjar it-talba tagħha sabiex inkun nista' nifhem aħjar dak li qed tipprova ssaqsi.

Persuni li għaddew mill-eżami ta’ Second Secretaries — ingaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-persuni li għaddew mill-aħħar eżami għal Second Secretaries, ġewx kollha ingaġġati u jekk le għalfejn? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm sejħa oħra tul din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin xi proċeduri min-naħa tal-Public Service Commission. Kif dawn jispiċċaw dawk li għaddew jiġu ngaġġati. Il-ħsieb hu li fl-iqsar żmien toħroġ sejħa oħra għal Second Secretaries fil-Korp Diplomatiku.

Post of Senior Manager (People Management)

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni li applikaw għall-pożizzjoni ta’ Post of Senior Manager (People Management) u f’liema stadju tinsab din is-sejħa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li dan il-proċess għadu għaddej allura jkun prematur li tingħata din l-informazzjoni qabel ma’ jagħlaq il- proċess.