Il-Fgura – Triq il-Merħba – każ ta’ ħruq ta’ green area
Question
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u jinvestiga l-każ ta’ ħruq fi Triq il-Merħba l-Fgura, liema green area fiha l-ħarrub miżrugħ fiha?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ERA ma kinitx infurmata fuq dan il-każ. Madankollu, uffiċjali tal-ERA għamlu spezzjoni fuq il-post indikat fil-Mistoqsija Parlamentari u ma sabu l-ebda sinjali ta’ ħruq. L-ispezzjoni saret fl-għelieqi li jmissu ma’ Triq il-Merħba minħabba li l-informazzjoni mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari hija vaga u ma tindikax post eżatt. Huwa ġentilment mitlub li tingħata aktar informazzojoni dettaljata fuq il-każ sabiex L-ERA tkun tista' tindirizza l-każ skont il-parametri tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent. F’każi bħal dawn, il-pubbliku huwa mħeġġeġ li jagħmel kuntatt dirett mal-Awtorità fuq in-numru ta’ emerġenza li jisab fuq is-sit elettroniku tal-ERA 99210404 sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni f’waqtha.
Ministeru għal Għawdex – għajnuna għaż-żamma ta’ festivals tematiċi
Question
Tista' l-Ministru tgħid, matul is-sena 2018, liema festivals tematici ġodda saru għall-ewwel darba f'Għawdex? F'kull każ, minn min ġie organizzat kull festival tematiku ġdid li sar għall-ewwel darba? Kemm kienet l-għajnuna li ngħatat mill-Ministeru għal Għawdex għal kull wieħed minn dawn il-festivals tematici ġodda?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 6980 MINISTERU GĦAL GĦAWDEX GĦAJNUNA GĦAŻ-ŻAMMA TA FESTIVALS TEMATIC.._.pdf
Tista' l-Ministru tgħid, mis-sena 2013 sal-lum, maqsuma sena b'sena, kemm kien hemm għaqdiet sportivi f'Għawdex li bbenefikaw minn xi għajnuna finanzjarja? F’kull każ, liema kienu dawn l-għaqdiet u x'kien l-ammont finanzjarju li ħadu? X'kien l-iskop ta' kull għajnuna li ngħatat?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 6981 MINISTERU GĦAL GĦAWDEX GĦAJNUNA LILL-GĦAQDIET SPORTIVI.pdf
Għawdex – Għajnsielem — xogħol fuq it-taraġ tal-Pjazza San Franġisk u d-Dar tal-Anzjani
Question
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol fuq it-taraġ li jwassal għal Pjazza San Franġisk u d-Dar tal-Anzjani f'Għajnsielem u dan peress li fil-Baġit li nqara sena ilu kien ntqal "Proġetti kapitali li kienu nbdew fil-Leġiżlatura li għaddiet, bħat-taraġ ta' San Franġisk u d-Dar tal-Anzjani f'Għajnsielem, għaddejjin bil-proċess tas-sejħiet tal-offerti, biex dawn il-progetti jiġu finalizzati"? Peress li għaddiet sena minn meta nqara dak il-Baġit, tista' l-Ministru tgħid jekk dawn il-proġetti ġewx finalizzati? Jekk le, tista' tgħid x'xogħol sar matul din is-sena fuq dawn il-proġetti? Tista' tgħid meta se jibda jintuża t-taraġ ta' Pjazza San Franġisk u meta d-Dar tal-Anzjani se tilqa' l-ewwel anzjani?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dwar it-tarag issa ser isir Ċentru tas-Saħħa u ġew ippublikati t-tenders il-ġodda filwaqt li t-taraġ ser isir bil-możajk li ġie kkummissjonat minn Fr Roberto Gauci. Iċ-Ċentru tas-Saħħa mistenni jkun funzjonabbli fl-2019. Nel frattemp ħareġ ukoll it-tender tal-Pjazza ta’ San Franġisk fejn ix-xogħolijiet ser jiġu kkordianti flimkien biex jinħooq l-inqas inkonvenjent possibbli għall-pubbliku. Dwar id-Dar tal-Anzjani, wara li ħarġu l-permessi l-ġodda, tlestiet il-wing il-ġdida tad-dimensja u bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ restawr tal-parti l-antika. It-tender għall-finishings, operations and management qed jiġi rivedut mid-Dipartiment tal-Kuntratti sabiex jiġi ppubblikat.
Għawdex – Farms sperimentali – faċilitajiet ġodda għall-bdiewa u sajjieda
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-faċilitajiet ġodda għall-bdiewa u sajjieda li kellhom isiru fil-farm sperimentali tal-Gvern f'Għawdex matul is-sena 2018, sarux? Jekk iva, x’inhuma dawn il-faċilitajiet ġodda u meta bdew jintużaw? Kemm kienet l-ispiża fuq dawn il-faċilitajiet ġodda?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġa ġie mwaqqaf l-uffiċċju għas-servizz tan-New Water. Dan filwaqt li tlestiet il-faċilita’ ta’ park għall-Animal Welfare flimkien ma’ kennels ġodda.
Il-proċess ta’ tendering għal fażijiet oħra għadu għaddej.
Għawdex – xogħol ta’ restawr fuq l-Għar ta’ Calypso u l-Akwedott tar-Rabat
Question
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol ta' restawr li skont l-aħħar Baġit kellu jsir fuq l-Għar ta' Calypso u fuq l-Akwedott tar-Rabat, Għawdex? Tista' tgħid kemm kienet l-ispiża s’issa fuq dan ir-restawr u meta hu mistenni li jitlesta? Meta hu maħsub li l-Għar ta' Calypso jerġa' jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu kif tlesta xogħol ta’ 3D scanning fuq l-Għar ta’ Calypso minn ġewwa u kif ukoll tal-inħawi viċin tal-għar. Dan it-3D scanning sar mill-Università ta’ Malta. It-tagħmir teknoloġiku li ntuża ma tax riżultati ċari ħafna fejn jirrigwarda l-iscanning tal-għar minn ġewwa. Għalhekk issa qegħdin nistennew li l-Università takkwista scanner ieħor li jista’ jagħti riżultati aħjar. L-ispiża fuq dan il-proġett s’issa tammonta għal €900 (VAT eskluż). L-għar ser jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku meta jkunu saru x-xogħlijiet meħtieġa sabiex jiġi kkonsolidat u jiġi ċċertifikat li huwa sigur u li m’hemmx periklu għal min iżuru.
L-ewwel fażi tar-restawr tal-Akwedott tlestiet fejn ġew irranġati żewġ arkati li kienu fi stat ħażin. Qegħdin jitħejjew id-dokumenti neċessarji sabiex tiġi sottomessa applikazzjoni mal-
Awtorità tal-Ippjanar sabiex ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet tal-fażijiet li jmiss. L-ispiża totali għal dan il-proġett tammonta għal 1.48 miljun ewro VAT eskluż.
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plan fejn hu ppjanat li jsir il-Park and Ride li jkun jagħti għar-Rabat, Għawdex? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar għal dan il-proġett jew kopja tal-applikazzjoni jekk għadha ma ġietx approvata? Tista' tgħid min hu l-perit inkarigat minn dan il-proġett u kemm tħallas s’issa u kif intgħażel il-perit għal dan ix-xogħol? Kemm hu ppjanat li jesa karozzi dan il-Park and Ride?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Id-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant ser jingħataw waqt konferenza Stampa li ser tkun iddedikata għal dan il-proġett. Nel frattemp, diġa ħarġu żewġ tenders, u l-perit inkarigat huwa perit tal-Ministeru għal Għawdex stess.
Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet il-produzzjoni tal-opra 'Aħna Refuġjati' li ttellgħet fuq il-Fosos tal-Furjana fil-31 ta' Awwissu u t-2 ta' Settembru 2018? Jista’ jgħid kemm ingħataw biljetti complimentary, kemm inbiegħu biljetti u kemm kien id-dħul?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni Valletta 2018 ħallset is-somma ta’ € 383,542.75 għall-opra Aħna Refuġjati. Il-Fondazzjoni qassmet 570 biljett kumplimentari filwaqt li biegħet 889 biljett bi dħul ta’ € 16,084.57.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li ilha żmien titħabat biex tidħol f'home?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, qed isegwi mill-qrib dan il-każ u nforma lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati każijiet ta' serq mill-underground parking tal-Isptar Mater Dei, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti u kemm tressqu persuni l-Qorti dwar l-istess każijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ każijiet ta’ serq mill-underground parking tal-Isptar Mater Dei, kif irreġistrati fis-sistema tal-Pulizija, sena b'sena, mis-sena 2013 sal-21 t’Ottubru 2018 kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Ma kienx hemm każi li ġew solvuti.
2013
2014
2015
2016
2017
2018
As on 211018
Total
2
5
2
3
3
0
15
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – spiża ta’ servizz ta’ mobile phone
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għas-servizz ta' mobile telephone li jintuża minnu stess bħala Ministru u li jitħallas mill-Gvern xahar b'xahar mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid lokalità b'lokalità f'Malta u f'Għawdex, kemm-il spazju għal parkeġġ se jintuża għall-proġett "Car2Go" u li dwaru l-Awtorità għat-Trasport f'Malta ffirmat ftehim ma' kumpanija privata f'Ottubru 2017? Għal kull lokalità f'Malta u f'Għawdex, jista' jindika l-ismijiet tat-toroq u n-numru ta' parkeġġi li se jintużaw għal dan l-iskop f’kull imsemmija triq?
Response (BORG, IAN)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-kuntratt li ġie iffirmat bejn l-Awtorità għat-Trasport f'Malta u Car2Go f'Ottubru tal-2017 għal servizz ta’ Car Sharing fuq bazi nazzjonali wara sejħa għall-offerti li kienet inħarget aktar qabel, in-numru ta’ parkeġġi li se jintuża għall-proġett skont l-istess kuntratt huwa ta’ 450 madwar Malta u Ghawdex kollu.
Bħalissa l-Awtorità għat-Trasport f'Malta kif ukoll il-"Car2Go” qegħdin jagħmlu laqgħat individwali mal-Kunsilli lokali rispettivi biex jiġu identifikati l-aktar spazzji ta‘ parkeġġ ideali għal dan il-proġett li l-għan tiegħu huwa li jikkontribwixxi għal nuqqas ta’ konġestjoni tat-traffiku fiċ-ċenti urbani billi wieħed jagħmel uzu minn vettura li tkun shared minflok il-vettura privata rispettiva.
Il-lista ta parkeġġi kif ġew approvati s’issa qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim dwar il-proġett "Car2Go" u li dwaru l-Awtorità għat-Trasport f'Malta ffirmat ftehim mal-kumpanija jew kumpaniji li d-dettalji tagħhom qegħdin jingħataw separatament?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba fir-rigward ta’ Transport Malta tinsab fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Bord ta’ Sorveljanza fuq l-Għajnuna Mogħtija mill-Istat — laqgħat
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa tal-Bord ta’ Sorveljanza fuq l-Għajnuna Mogħtija mill-Istat saret mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista' l-Ministru tagħti d-dati ta' meta saret kull laqgħa u tindika l-membri tal-Bord li kienu preżenti u/jew assenti għal kull waħda mil-laqgħat?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda ta` laqgħat formali tal-Bord ta’ Sorveljanza fuq l-Għajnuna Mogħtija mill-Istat mil-2013 sal-llum. Apparti laqgħat formali, il-Bord ikollu numru ta` laqgħat informali u bilaterali fit-twettiq tal-ħidma tiegħu.
Bord ta’ Sorveljanza fuq l-Għajnuna Mogħtija mill-Istat – inventarju komprensiv
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-inventarju komprensiv ta’ għajnuna mill-istat li l-Bord ta’ Sorveljanza fuq l-Għajnuna Mogħtija mill-Istat huwa obbligat li jistabbilixxi u jaġġorna skont l-artikolu 58 tal-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozju (Kap. 325 tal-Liġijiet ta' Malta)?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li il-Bord jiġbor inventarju tal-għajnuna mogħtija mill-Istat li tingħata f’pajjizna u din tiġi mgħoddija lil Kummissjoni Ewropea. Din l-informazzjoni, flimkien ma’ dik ta’ pajjizi oħra Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, tiġi ippublikata kull sena mill-Kummissjoni Ewropea.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża tal-pulizija fuq l-investigazzjoni tal-qtil brutali tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mid-data tad-delitt tagħha fit-28 ta’ Diċembru 1977 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jekk hu possibbli jista’ jagħti d-dettalji ta’ fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża, maqsuma sena b’sena.
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħulil Ministru kkonċernat.
Il-Mellieħa – Triq Qasam Barrani – Childcare Centre — uffiċjal
Question
Jista’ l-Ministru jara li ta' kuljum jattendi uffiċjal tal-komunità ħdejn id-daħla tac-Childcare Centre li hemm fi Triq Qasam Barrani l-Mellieħa peress li sa ftit taż-żmien ilu kien ikun hemm uffiċjal jidderieġi t-traffiku mit 07.45am sat-8.15am, u mis-1.45pm sas-2.15pm?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet lil xufiera li jkunu qegħdin isuqu bil-mod fuq dik li hija magħrufa bħala l-fast lane fit-toroq Maltin u Għawdxin minn Jannar 2013 sal-lum?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi ma nħarġet ebda ċitazzjoni lil xufiera li jkunu qegħdin isuqu bil-mod fuq dik li hija magħrufa bħala l-fast lane fit-toroq Maltin u Għawdxin minn Jannar 2013 sal-lum peress li tali offiża ma teżistix fil-Liġijiet ta’ Malta.