Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qorti ta’ Malta – każijiet kriminali u ċivili li ilhom aktar minn għaxar snin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7467 u jgħid kemm hemm każijiet: a) kriminali u b) ċivili fil-Qorti ta' Malta li ilhom għaddejjin għal aktar minn għaxar snin? Jista’ jagħti din l-informazzjoni f’statistika separata sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar.

Qorti ta’ Għawdex – każijiet kriminali u ċivili li ilhom aktar minn ħames snin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7468 u jgħid kemm hemm każijiet: a) kriminali u b) ċivili fil-Qorti ta' Għawdex li ilhom għaddejjin għal aktar minn ħames snin? Jista’ jagħti din l-informazzjoni f’statistika separata sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar.

Qorti ta’ Għawdex – każijiet kriminali u ċivili li ilhom aktar minn għaxar snin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7469 u jgħid kemm hemm każijiet: a) kriminali u b) ċivili fil-Qorti ta' Għawdex li ilhom għaddejjin għal aktar minn għaxar snin? Jista’ jagħti din l-informazzjoni f’statistika separata sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar.

Qrati ta’ Malta u Għawdex – każijiet li ihom pendenti aktar minn 450 jum

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7470 u jgħid globalment, kemm hemm każijiet fil-Qrati ta' Malta u Għawdex li ilhom pendenti għal aktar minn 450 jum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar.
Leg 13 PQ #7641 Sitting 161 2018-11-05 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – SME Park

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7433, tista' l-Ministru tikkonferma jekk fl-SME park fil-preżent hemmx xogħol għaddej minkejja li l-istess Ministru qed tgħid li l-proġett għadu fi stadju ta' applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7433.

Korrispondenza rigward skart tal-iskart

Question

Jista' l-Ministru jara li fil-Mosta tasal il-korrispondenza meħtieġa rigward is-separazzjoni tal-iskart li għanda tibda l-Erbgħa, 31 ta' Ottubru 2018 fejn tali bidla se tibda bla preparazzjonijiet meħtieġa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill rigward l-introduzzjoni tal-borża l-bajda saret nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Settembru, fejn flimkien mas-Sindku, Segretarju Eżekuttiv u rappreżentant tal-MESDC ġie spjegat li l-ġbir tal-borża l-bajda kien ser isir mill-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex kollha nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa. Il-Kunsill ma wera l-ebda oġġezzjoni għal dan l-arranġament, filwaqt li saħaq dwar l-importanza tal-infurzar. Wara din il-laqgħa ntbagħtet email bid-detall diskuss. Fis-16 ta’ Settembru il-Wasteserv għan-nom tal-Ministeru u l-ERA talab lill-Kunsill għal lista ta’ ħames toroq problematiċi fir–raħal tagħhom għal skop ta’ infurzar. Fl-20 ta’ Settembru ntbagħat komunikat lill-Kunsill fejn tlabniehom biex jikkonfermaw l-iskeda l-ġdida tal-ġbir ta’ skart, liema skeda giet ikkonfermata fil-25 ta’ Settembru. Il-Kunsill infurmana wkoll li minn dakinhar kien qed ixandar l-iskeda l-ġdida applikabbli mill-31 ta’ Ottubru li kienet tinkludi l-ġbir tal-borża organika.
Leg 13 PQ #7643 Sitting 161 2018-11-05 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Liġi tal-Kummerċjalizzazzjoni tal-Isport – dixxiplini sportivi

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Liġi għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-Isport tapplikax għad-dixxiplini sportivi kollha, u li mhix limitata biss għal uħud mid-dixxiplini sportivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi hija miftuħa għall-assoċjazzjonijiet/federazzjonijiet nazzjonali, kif ukoll għal klabbs tal-futbol u tal-isport akwatiku. Dawn iridu jkunu kollha reġistrati skont l-Att dwar l-Isports ma’ SportMalta.

Kont tad-Dawl – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li l-kont tad-dawl ġie ‘l fuq minn €194 fejn is-soltu kien jiġi bejn l-€40 u l-€50?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tal-individwu ingħataw lill-ARMS biex tistħarreġ dan l-ilment.

Policy dwar healthy eating

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-policy dwar healthy eating li tiġi osservata f’kull skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-bażi għat-twaqqif ta’ Policy biex jiġi regolat u jittejjeb l-istil ta’ ħajja fl-iskejjel beda bid-dokument Healthy Eating Lifestyle Plan (HELP). Dan id-dokument ġie rivedut wara li nħass il-bżonn ta’ Policy Nazzjonali li ġiet imnedija fl-2015 f’dokument li jġib l-isem ta’ A Whole School Approach to a Healthy Lifestyle: Healthy Eating & Physical Activity. L-għan ewlieni ta’ din il- policy hu li kull skola tagħti prijorità lill-ikel nutrittiv u l-edukazzjoni fiżika billi tippromovi għarfien, ħiliet u kompetenzi li jwasslu biex il-komunità skolastika ssegwi stil ta’ ħajja sana. Għan prinċipali hu li kull skola ssegwi l-parametri stabbiliti fejn jidħol il-konsum ta’ ikel mgħobbi b’xaħmijiet, melħ u zokkor. Il- policy tinkludi wkoll kurrikulu li jipprovdi firxa ta’ esperjenzi ta’ tagħlim wiesa’, inklużi dawk prattiċi, fuq it-tema ta’ Saħħa, Ikel u Nutriment. Din il-policy ġiet imsaħħa b’qafas legali aktar kmieni din is-sena permezz ta’ Avvi ż Legali numru: 266 tal-2018, li jorbot kull skola li tħares il -Policy Nazzjonali. Il- policy tinkludi tagħrif dettaljat fuq it-tip ta’ ikel li jista’ jittiekel u dak li hu projbit.

Għajnuna lil ġenituri biex isegwu t-tagħlim tal-għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jelenka suġġerimenti lill-ġenituri sabiex ikunu jistgħu jgħinu lil uliedhom isegwu t-tagħlim li jsir mill-għalliema fl-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-ġenituri jagħmlu sew li jsegwu t-tagħlim li jsir fl-iskejjel. Il-ġenituri għandhom ikunu komplimentari flimkien mal-iskola fit-tagħlim ta’ wliedhom u għandhom jattendu kull laqgħa li tiġi organizzata fl-iskola sabiex jiġi spjegat lilhom kif qiegħed isir it-tagħlim. Dan isir f’numru ta’ suġġetti bħal ma huwa l-PSCD u l-Matematika. Dan l-aħħar saru laqgħat fil-kulleġġi kollha dwar it-tibdil fl-assessjar u l-programmi ġodda tat-tagħlim. Fid-djar, il-ġenituri għandhom jiddiskutu ma’ wliedhom kif kien l-andament tal-ġurnata fl-iskola, u jistaqsu dwar it-tagħlim li jkun sar. Għandhom jgħinu lil uliedhom sabiex jestendu t-tagħlim li sar fil-klassi, 'l barra mill-klassi. Jekk josservaw xi ħaġa li mhix sejra sew fit-tagħlim, għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-għalliema, tal-Kap tal-Iskola jew tal-Prinċipal tal-Kulleġġ. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għandu numru ta’ websites li jgħinu lil ġenituri sabiex isegwu www.education.gov.mt; www.nextyear.edu.mt; www.curriculum.gov.mt; kif ukoll websites oħra li xi skejjel għandhom u li jżommu aġġornati.

Dokument – Struttura għal Tnaqqis fil-Faqar u għal Inklużjoni Soċjali 2014 — 2024

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument: ‘Struttura għal Tnaqqis fil-Faqar u għal Inklużjoni Soċjali 2014 – 2024’? Xi twettaq mill-Gvern s’issa minn dan id-dokument?’

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-Politika Strateġika Nazzjonali għal Tnaqqis fil-Faqar u għall-Inklużjoni Soċjali (2014-2024), tista’ tiġi aċċessata minn fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ; https://family.gov.mt/en/Documents/Poverty%20Strategy%20Maltese.pdf https://family.gov.mt/en/Documents/Poverty%20Strategy%2014%20English%20Version.pdf Dwar l-implimentazzjoni ta’ din Il-Politika Strateġika Nazzjonali, nirreferi lill-Onor. Interpellant għall- Implementation and Evaluation Report 2014-2016 - National Strategic Policy for Poverty Reduction and Social Inclusion 2014-2024 , illi ġie mniedi f’Novembru 2017 u li jista’ jkun aċċessat minn fuq is-sit uffiċjali tal-Ministeru ; https://family.gov.mt/en/Documents/Poverty%20Booklet.pdf

Servizz tal-Qasam tas-Saħħa Mentali — nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm intefqu flus (kapitali u rikorrenti) fuq is-servizzi tal-qasam tas-saħħa mentali matul din is-sena sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Jannar sa Settembru ta’ din is-sena n-nefqa kapitali fuq is-servizzi tal-qasam tas-saħħa mentali kienet €718,776 u dik rikorrenti kienet €33,905,465.

Programm LEAP — xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif iddettaljat dwar it-tipi ta’ xogħol li qed jitwettaq mill-Programm LEAP sabiex persuni joħorġu mill-faxxa ta’ faqar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-għan prinċipali taċ-ċentri LEAP huwa, li persuni vulnerabbli isibu spalla, gwida u għajnuna professjonali f’diversi oqsma. Il-ħaddiema kollha tal-LEAP, iwettqu ħidma f’dak li hu profiling tal-familji vulnerabbli, sabiex jiġi indikat u mfassal pjan ta’ ħidma soċjali u tingħata l-għajnuna speċifika li l-familji vulnerabbli għandhom bżonn. Fil-fatt saru madwar 18,200 profil f’dawn l-oqsma li ġejjien; · 800 profil ta’ persuni b’diżabilita`. · 8,770 profil ta’ persuni li jibbenefikaw mill-iskema FEAD (tqassim tal-ikel koffinanzjat mill-Unjoni Ewropea) · 6,177 profil ta’ persuni li jibbenefikaw mill-iskema SFFD (tqassim tal-ikel imħallas mill-Istat) · 470 ‘il familji sabiex tibbenefika mill-iskema tal- White Goods b’kollaborazzjoni mall- Water and Energy Agency fejn 277 minhom diġa ġew assistiti u il-meħtieġ mogħti. · ‘l fuq minn 2,000 familja li huma fil-lista tal-Awtorita` tad-Djar u li b’kollaborazzjoni mal-LEAP qiegħed issir profil fid-djar tagħhom. B’kollaborazzjoni ma’ Ministeri u entitajiet oħra, il-LEAP jista’ jgħin aktar familji itejbu l-istil ta’ ħajja tagħhom u ukoll jaħdem ma’ aktar familji fil-bżonn. Din l-għajnuna li qiegħda tingħata tikkonsisti f’ħidma ma’; - Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u n-National Literacy Agency sabiex ngħinu lit-tfal li ġejjin minn familji vulnerabbli u b’nuqqas ta’ ħiliet kif ukoll ħidma mal-Life Long Learning ; - Ħidma mal-Water and Energy Agency sabiex jiġu mgħejuna l-familji bi dħul baxx fejn jidħlu użu ta’ appliances ; - Kollaborazzjoni mal-JobsPlus u mal-Malta Enterprise għal għajnuna relatata ma’ tfittxija ta’ impjieg jew lil dawk li jeħtieġu għajnuna biex jiftħu intrapriża tagħhom; - Ħidma mas-Servizzi Korrettivi ta’ Kordin sabiex dawk li jkunu qed jiskontaw is-sentenza tagħhom tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni lura tagħhom fis-soċjeta`, - Kollaborazzjoni mad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali rigward it-tqassim tal-ikel; - Ħidma mal-Awtorita` tad-Djar sabiex tingħata l-għajnuna lil dawk li huma fil-bżonn meta jkunu ser jieħdu loan sabiex ikollhom l-proprjeta` tagħhom. - Promossi ta’ korsijiet li jsiru fil-lokalitajiet bħal Għaqal id-dar , korsijiet tal-kompjuters, parental skills programmes u inizzjattivi oħra li l-kunsilli jniedu bl-għan li nilħqu kull faxxa tas-soċjeta`; Dan u ħafna aktar qiegħed jiġi mbuttat hekk kif l-għan tagħna huwa li npoġġu dejjem fuq quddiem tal-aġenda, l-għajnuna soċjali u li din tassew tingħata lil min għandu bżonnha.

Birżebbuġa – Triq tal-Papa – Pjanijiet għal sit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għas-sit magħruf bħala r-Razzett ta’ Siettu fi Triq tal-Papa Birżebbuġa?

Response (BORG, IAN)

Kemm l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Artijiet qed jitolbu indikazzjoni iktar preċiza tas-sit msemmi mill-Onor. Interpellant.

Vjolenza Domestika – ammont ta’ flus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta’ flus li ntefqu f’dawn l-aħħar tliet snin fuq il-vjolenza domestika?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, n-nefqa totali mill-2015 sa Ottubru 2018, fuq servizzi relatati ma’ Vjolenza Domestika, hija ta’ €4,038,108.

Kummissarju għas-Saħħa Mentali – rwol prinċipali

Question

Jista’ d-Deputat Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhuwa l-irwol prinċipali tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali? X’għandha tagħmel persuna jekk ikollha lment dwar xi servizzi mogħtija lilha dwar il-qasam tas-saħħa mentali? Kemm kien hemm ilmenti quddiem il-Kummissarju matul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-irwol tal-Kummissarju gžall-Promozzjoni tad-Drittijiet ta’ Persuni b’Di¿ordni Mentali huwa deskritt fl-artiklu 6 paragrafu (1) tal-Kapitlu 525 tal-Att dwar is-Saħħa Mentali. Persuna li jkollha xi lment dwar xi servizz mogħti lilha fil-qasam tas-saħħa mentali għandha l-ewwel tressaq dan l-ilment ma’ dik l-istituzzjoni li pprovdiet is-servizz oriġinarjament u wara, jekk ma tkunx sodisfatta bir-rimedju u/jew risposta li tingħata, għandha tressaq l-ilment tagħha għand il-Kummissarju. Ilmenti li jirrigwardaw allegat ksur tad-drittijiet tal-pazjent għandhom jiġu mressqa direttament għand il-Kummissarju. In-numru ta’ lmenti formali kien ħmistax (15) fl-2015, dsatax (19) fl-2016 u sittax (16) fl-2017. L-Uffiċċju tal-Kummissarju jirċievi wkoll medja ta’ għaxar talbiet fil-ġimgħa għall-assistenza u/jew informazzjoni, il-maġġor parti tagħhom b’mod telefoniku.

Aġenzija Sapport — Ċentru ta’ Żvilupp Professjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie inawgurat iċ-Ċentru ta’ Żvilupp Professjonali għall-impjegati tal-Aġenzija Sapport? X’taħriġ ġie organizzat minn mindu nfetaħ u kemm-il professjonist ħa sehem f’dan it-taħriġ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ċ-Ċentru ta’ Żvilupp Professjonali tal-Aġenzija Sapport, f’Santa Venera, ġie inawgurat fid-29 ta’ Marzu 2017. Dan iċ-ċentru jinkludi faċiitatjiet għall-konferenzi, seminars u taħriġ. Minn meta ġie inawgurat, saru diversi sessjonijiet ta’ taħriġ organizzati mill-Aġenzija, għall-istaff tagħha. Dan it-taħriġ jinkludi, taħriġ għall-benefiċjarji ta’ proġetti tal-UE, mmexxija mill-Aġenzija u benefiċjarji ta’ skemi oħra fi ħdan l-Aġenzija, u kif ukoll induction training flimkien ma’ taħriġ speċjalizzat ieħor, lill-istaff tal-Aġenzija. Dan iċ-ċentru jakkomoda fuq bażi regolari, gruppi ta’ sapport u workshops għall-ġenituri u aħwa ta’ persuni b’diżabilità u gruppi ta’ sapport lil staff minn aġenziji oħra fis-servizzi soċjali. Mhuwiex possibli li tingħata figura totali ta’ kemm kien hemm benefiċjarji, (staff, klijenti u membri tal-pubbliku) li ġieli għamlu użu minn dawn il-faċilitajiet, hekk kif dan iċ-Ċentru jintuża regolarment għal attivitajiet varji kif diġa’ ġie elenkat u ma tinżammx statistika.

Marsaskala – persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni b’diżabilità li joqogħdu f’Marsaskala skont ir-Reġistru Nazzjonali Persuni b’Diżabilità tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD)? X’inhija d-diżabilità tagħhom? X’etajiet għandhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Il-Kummissjoni iżżomm statistika fuq il-persuni kollha li tinħarġilhom identifikazzjoni għall-finijiet tad-diżabbilta` tagħhom (Special ID u European Disability Card), u tippubblika statistika nazzjonali f'dan ir-rigward, kull sena, fir-rapport annwali tagħha, li jitpoġġa wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward ta' statistika mqassma skont l-lokalita`, in-konsiderazzjoni tad-daqs ta' Malta, u l-possibilita` ta' stigma li tista' titpoġġa fuq lokalita` partikolari, il-Kummissjoni hija tal-fehma illi jekk tagħti tali statistika kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant, ikun qiegħed jinkiser Artiklu 5 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilita' (UN CRPD), illi jittratta l-Ugwaljanza u n-Non-Diskriminazzjoni. Għal din ir-raguni, il-Kummissjoni mhux f'pożizzjoni li tagħti tali` statistika kif mitlub.

Marsaskala – Ċentru Edukattiv tal-Kunsill Lokali — servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi qegħdin jingħataw fiċ-Ċentru Edukattiv tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala? X’għandha tagħmel persuna biex tagħmel użu minn xi wieħed minn dawn is-servizzi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li joffri bosta servizzi fiċ-Ċentru ta’ Taħriġ. Min hu nteressat għandu javviċina lill-Kunsill. Fosthom hemm: • Servizz tal-LEAP b’bosta servizzi fosthom it-tqassim tal-ikel lil nies fil-bżonn; • Korsijiet tal-kompjuter kemm; • Korsijiet tal-lifelong learning; • Inizjattiva favur il-qari ‘Aqra Miegħi’ għat-tfal, bil-Malti u l-Ingliż; • Servizz ta’ counselling; • Privat tal-Maths b’xejn għall-Maths O level; • Support group disability darba fix-xahar; u • Inizjattiva ‘Għaqal id-Dar, Ħajja Aħjar’.
Leg 13 PQ #7656 Sitting 161 2018-11-05 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Council of Europe Gender Quality Strategy 2018-2023 – strategic objective 4

Question

Jista’ l-Prim Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għar-Riforma, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7475 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'qed jagħmel il-Gvern sabiex f'pajjiżna jinħoloq bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fil-politika u fit-teħid ta' deċiżjonijiet pubbliċi hekk kif identifikat fl-istrategic objective 4 tal-Council of Europe Gender Quality Strategy 2018-2023?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Wieħed mill-impenji tal-gvern f’din il-leġislatura huwa li jindirizza deficit sinifikanti fil-hajja demokratika tal-pajjiz u jilħaq l-obbligi elettorali u fl-istess ħin jimmira li jilħaq dak li impenja ruhu għalih internazzjonalment. Fix-xhur li għaddew is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi l-Onor Julia Farrugia ħatret Kumitat Tekniku biex iressaq proposti dwar mi¿uri pozittivi li għandhom iwasslu biex in-nisa jipparteċipaw aħjar fil-ħajja parlamentari u l-Parlament isir mudell fejn tidhol l-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-Kumitat Tekniku ħejja Green Paper li se sservi biex tiffacilita d-diskussjoni bejn l-istakeholders kollha la darba jiskatta l-proċess ta’ konsultazzjoni.