Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bulgarija – ftehim fuq co2

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu għal meta fis-sena 2020 jiskadi l-ftehim li huwa għamel mal-Bulgarija li permezz tiegħu qed inħallsu 70c għal kull tunnellata ta’ CO2 li qed neċċedu l-limiti ta’ emissjonijiet?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4564.

Emissjonijiet fl-arja — persentaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-persentaġġ li bih Malta marret ‘l hinn mil-limiti tal-Unjoni Ewropea għall-emissjonijiet fl-arja fl-2015, fl-2016, u fl-2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-emissjonijiet u tniġġiż tal-arja huma regolati mill-Unjoni Ewropeja f’żewġ aspetti. Hemm regolamenti li jitrattaw il-livelli tal-kwalità tal-arja b’mod ġenerali u regolati mid-Direttiva 2008/50/KE. Wara li jsir eżerċizzju biex titnaqqas il-kontribuzzjoni ta’ sorsi ta’ tniġġiż naturali fit-trab fin (trab tas-Sahara), jirriżulta li l-livelli stipulati mid-Direttiva ma nqabżux. Dan l-eżerċizzju jsir għal valuri li jiġu rreġistrati fl-istazzjon ta’ monitoraġġ fl-Imsida, fejn il-livelli huma iktar għoljin minħabba li jgħaddi iżjed traffiku. Il-livelli tal-ożonu fl-Għarb huma iżjed għoljin minn Malta u ġew eċċeduti fl-2015 u 2017. Din is-sustanza ta’ tniġġiż tiġi ffurmata permezz ta’ reazzjoni kimika fl-arja bħala riżultat ta’ emissjonijiet minn pajjiżi oħra. Fil-fatt Malta tiddependi minn tnaqqis ta’ tniġġiż f’pajjiżi oħra sabiex l-ożonu jkun jista’ jonqos, u fil-fatt hemm leġislazzjoni internazzjonali li tieħu ħsieb li dan jitwettaq. Leġislazzjoni oħra hija id-Direttiva 2016/2284/KE li tinkludi limiti ta’ emissjonijiet annwali għal Malta għas-snin 2010, 2020 u 2030. S’issa Malta qatt ma qabżet il-limiti tal-2010 u bil-miżuri mwettqa fil-kamp tal-produzzjoni tal-enerġija jidher li mhux se jkun hemm problema biex nilħqu dawk tal-2020.

Sptar San Luqa – Car Park

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f’idejn min hu l-car park li hemm biswit l-Isptar San Luqa fi G’Mangia u li għal ħafna żmien kien amministrat mill-Kunsill Lokali tal-Pietà? Jista’ jassigura lir-residenti tal-lokalità li kienu jagħmlu użu minn dan il-car park jekk hux se jibqa’ jkollhom aċċess bħalma kellhom s’issa, biex ipoġġu l-karrozzi tagħhom minħabba l-problema kbira tal-parkeġġ fl-inħawi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-responsabbilita’ tal-car park imsemmi minnu hija ta’ Steward Health Care.
Leg 13 PQ #7309 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema li qed jagħmlu xogħol ta’ tindif

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema li qed jagħmlu xogħol ta' tindif f'kull sezzjoni/uffiċċju (eskluż dawk li qed jagħmlu xogħol fuq barra jew f'latrini pubbliċi) ta’ kull dipartiment li jaqa' fid-dekasteru tagħha? X'inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – Orthopaedic Unit

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5781, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sala mibnija ftit tas-snin ilu u li kellha tintuża bħala Orthopaedic Unit ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bdietx tintuża għal dan l-iskop kollha kemm hi? Ġew ingaġġati infermiera Għawdxin sabiex ikunu jistgħu jaħdmu f'dan il-unit? Sar il-programm ta' taħriġ għall-infermiera dwar din il-kura speċjalizzata?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sala ta l-Ortopedija ser tibda tintuża għal pazjenti tal-Orthopaedic Outpatients għal-aħħar ta’ din is-sena u tiftaħ kollha kemm hi bħala Sala tal-Ortopedija fil-bidu tas-sena d-dieħla. Numru ta’ infermiera Għawdxin ġew deployed minn Malta biex ikunu jistgħu jaħdmu f’dan il-unit. Ninfurmah ukoll illi sar it-taħriġ għal min ser jamministra dan il-unit u ser jitkompla iktar taħriġ għal infermiera fil-ġranet li ġejjin.

Mina taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar xahrejn u ċjoè matul Settembru u Ottubru 2018 x’progress sar fuq il-preparamenti biex ikun jista’ jinbeda x-xogħol fuq il-mina ta’ taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex? Meta hu ppjanat li jinbeda x-xogħol fuq l-istess proġett?

Response (BORG, IAN)

B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru PQ 7311, nixtieq ninforma lil Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ ppjanar u tħejjijiet għat-tħaffir u l-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex qed javvanza b’ritmu mgħaġġel, iżda b’attenzjoni sħiħa. Fost oħrajn, f’dawn l-aħħar xahrejn tlesta l-mudell ġeoloġiku taż-żona taħt investigazzjoni, li minnha hu meqjus li titħaffer il-mina. F’dawn l-aħħar ġimgħat, ir-riżultati ta’ dan il-mudell ġew diskussi ma’ diversi esperti u entitajiet u awtoritajiet konċernati u issa qed jiġu mirquma u ffinalizzati. Fl-istess waqt, tkomplew l-istudji tekniċi speċifiċi li jiffurmaw parti mill-istudju għall-Impatt Ambjentali (EIA) meħtieġ mill-proċess tal-permessi tal-iżvilupp ta’ proġetti kbar bħal dan. Qed isiru wkoll is-surveys topografiċi fiż-żoni fejn qegħdin jiġu proposti l-fetħiet (portals) tal-mina f’Malta u Għawdex. Qed jitħejja wkoll il-conceptual design tal-mina nnifisha. Fl-istess waqt, minbarra l-kontinwazzjoni tal-ippjanar tekniku tal-proġett, sabiex ma jintilifx ħin, għaddejjin ukoll it-tħejjijiet għad-dokumentazzjoni meħtieġa sabiex joħorġu s-sejħiet pubbliċi għall-offerti għar-riżorsi meħtieġa biex jitwettaq il-proġett, fosthom l-immaniġġjar tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tax-xogħol fil-post, kif ukoll ix-xogħol ta’ tħaffir u bini tal-mina u s-servizzi kollha relatati biex il-proġett jitlesta. Għaddejjin ukoll studji oħra ekonomiċi, li wkoll huma meħtieġa sabiex jiżguraw li din l-infrastruttura ġdida tintuża bl-aktar mod sostenibbli. Fi proġett ta’ dan id-daqs, l-istadju tal-ippjanar huwa parti integrali mill-proċess tat-twettiq tiegħu. Wara li jitlestew l-istadji tal-proġett li għaddejjin bħalissa, fosthom il-proċess tal-ippjantar tekniku, il-proċeduri tal-istudji u l-evalwazzjoni għall-permessi ta’ dan l-iżvilupp mill-awtoritajiet konċernati, kif ukoll l-għażla tal-kuntratturi meħtieġa permezz tas-sejħiet pubbliċi, ikun imiss li jibda x-xogħol infrastrutturali fuq il-post.
Leg 13 PQ #7400 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bord tal-Approvazzjoni tal-Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta – membri u segretarju

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-membri u s-segretarju tal-Bord tal-Approvazzjoni tal-Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta? Jista' jgħid x'rimunerazzjoni jirċievu l-membri tal-Bord tal-Approvazzjoni tal-Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsijiet Parlamentari numri 7273 u 7276.
Leg 13 PQ #7401 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bord ta’ Approvazzjoni tal-Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta — laqgħat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il laqgħa tal-Bord ta’ Approvazzjoni tal-Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta saret mis-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Prim Ministru jagħti d-data ta' meta saret kull laqgħa u jindika l-membri tal-Bord li kienu preżenti u/jew assenti għal kull waħda mil-laqgħat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 7274.
Leg 13 PQ #7402 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta – ċertifikati maħruġa

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid mis-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u maqsuma xahar b'xahar, kemm-il ċertifikat ġie maħruġ mill-Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta u li permezz tiegħu benefiċjarju taċ-ċertifikat u d-dipendenti tiegħu, jistgħu jirrisjedu, jistabbilixxu ruħhom jew jibqgħu għal żmien indeterminat f'Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif jinsab fil-lista hawn taħt: 2017 Xahar Ċertifikati Maħruġa Jannar 2 Frar 7 Marzu 4 April 8 Mejju 5 Ġunju 6 Lulju 0 Awwissu 12 Settembru 5 Ottubru 3 Novembru 7 Diċembru 5 2018 Xahar Ċertifikati Maħruġa Jannar 7 Frar 10 Marzu 4 April 8 Mejju 8 Ġunju 9 Lulju 4 Awwissu 10 Settembru 11 Ottubru 5
Leg 13 PQ #7403 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta – applikazzjonijiet pendenti għall-ħruġ ta’ ċertifikati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għandha pendenti quddiemha l-Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta għall-ħruġ ta' ċertifikat li permezz tiegħu benefiċjarju taċ-ċertifikat u d-dipendenti tiegħu, jistgħu jirrisjedu, jistabbilixxu ruħhom jew jibqgħu għal żmien indeterminat f'Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lil-Onor. Interpellant, li l-Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta qed tiproċessa total ta’ 923 applikazzjoni.
Leg 13 PQ #7404 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta – kontijiet bankarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandha kontijiet bankarji l-Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta? Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema bank jew banek huma l-imsemmija kontijiet bankarji u x'tip ta' kontijiet bankarji huma (pereżempju: savings account, current account, term deposit account eċċ)? Jista' jgħid għal kull wieħed mill-kontijiet bankarji kemm huwa l-ammont li jinsab depożitat fih?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lil Onor. Interpellant li, l-Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta għandha tlett kontijiet bankjari li jinsabu mal-Bank of Valletta. Il-kontijiet jikonsistu f’żewġ kontijiet kurrenti u wiehed savings. Il-bilanċ f’dawn il-kontijiet bankarji sa l-aħħar ta’ Settembru 2018, ilahhaq €1,824,786.28.
Leg 13 PQ #7405 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta – twaqqif ta’ benefiċji minn individwi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il individwu avża lill-Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta bl-intenzjoni tiegħu li jieqaf jibbenefika minn ċertifikat maħruġ skont ir-Regolamenti dwar il-Programm ta’ Malta dwar Residenza u Visa (Leġislazzjoni Sussidjarja 217.18) mis-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u maqsuma xahar b'xahar?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lil Onor. Interpellant li, kien hemm żewġ individwi li avżaw lill-Aġenzija dwar Visa u Residenza f'Malta bl-intenzjoni tagħhom li jieqfu jibbenefikaw minn ċertifikati li ġew maħruġa lilhom. Dawn iż-żewġ individwi avżaw lil Aġenzija f’Novembru ta’ 2017 u f’Marzu 2018.
Leg 13 PQ #7598 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Għawdex — Skola Sekondarja tar-Rabat - għalliema tal-Malti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-Iskola Sekondarja tar-Rabat, Għawdex (Gozo College) hemm klassijiet li ma għandhomx għalliem tal-Malti u issa ilhom ġimgħat bla lezzjonijiet tal-Malti? Jista' jgħid x'qed isir biex dan in-nuqqas jiġi indirizzat u dawn l-istudenti jibda jkollhom lezzjonijiet tal-Malti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li fil-bidu tas-sena skolastika kull klassi tal-Malti fl-iskola Sekondarja tar-Rabat, Għawdex (Gozo College) kellha għalliem tal-Malti. Minkejja li skont il-Ftehim Settorali li ġie ffirmat fil-21 ta’ Diċembru 2017, l-għalliema jistgħu jkollhom 24 lezzjoni u oħra magħhom, b’direttiva individwali mill-Union for Professional Educators fi ħdan il-UĦM, erba’ għalliema qegħdin jirrifjutaw li jżommu l-24 lezzjoni bir-riżultat li għandna 4 (erba’) klassijiet mingħajr lezzjonijiet tal-Malti. Infurmat li għandha ssir laqgħa ta’ konċiljazzjoni dwar dan il-każ din il-ġimgħa.
Leg 13 PQ #7599 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pre-drilling log stratigrafiku tal-bjar

Question

Jista’ l-Prim Ministru jippubblika l-pre-drilling log stratigrafiku tal-bjar kollha li tħaffru fl-ibħra Maltin mit-13 ta' Marzu 2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux dawn id-dokumenti mingħand il-kumpanija/i taż-żejt li kienu se jħaffru għaż-żejt?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Id-dokument mitlub huwa ta’ natura kunfidenzjali u għalhekk ma jistax jiġi publikat. Il-Gvern jingħata kopja tad-dokumenti kollha mill-kumpaniji taż-żejt li jkollhom liċenzja fl-ibħra Maltin.
Leg 13 PQ #7600 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex – Bir Madonna taż-Żejt – log stratigrafiku

Question

Peress li l-bir Madonna taż-Żejt f'Għawdex kien bir stratigrafiku, u peress li fis-sena 2000 matul amministrazzjoni Nazzjonalista kien ġie ppubblikat il-log stratigrafiku tat-tħaffir, jiġifieri għal fond ta' minn 4,500 metru sa 8,000 metru, iżda l-istratigrafija tat-tħaffir li sar fiż-żmien amministrazzjoni Laburista preċedenti, jiġifieri minn wiċċ l-art sa fond ta' madwar 4,500 metru baqa’ mistur, allavolja dan huwa bir stratigrafiku, jista' jippubblika l-log stratigrafiku sħiħ għat-8km kollha ta' fond?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill- Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7595.
Leg 13 PQ #7601 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Oil Rigs — kordinament

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti l-kordinati tal-oil rigs kollha li jinsabu fl-ibħra Maltin u jgħid x'qed jagħmlu dawn l-oil rigs?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li din mhux materja pertinenti għall-Continental Shelf Department.
Leg 13 PQ #7602 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Continental Shelf Department — ħidma

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'kienet il-ħidma tal-Continental Shelf Department mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab informat li parti mill-ħidma li twettqet fl-aħħar snin kienet tinkludi: Monitoraġġ ta’ l-obbliġi kuntrattwali ta’ kumpanija li jkollhom liċenzja għat-tiftix taż-żejt fl-ibħra Maltin; Promozzjoni ta’ opportunitajiet għat-tiftix għaż-żejt fl-ibħra Maltin waqt diversi fieri Internazzjonali; Kuntratt mat-TGS għall-proċessar mill-ġdid ta’ informazzjoni sismika li kienet inġabret fl-ibħra Maltin; Kuntratt għat-tifix taż-żejt (Exploration Study Agreement) ma’ Ratio Malta Limited; Ġbir ta’ informazzjoni sismika ġdida kemm 2D minn Capricorn Malta Ltd u 3D minn Ratio Malta Ltd; Tħaffir tal-bir Ħaġar Qim mill-kumpanija Phoenicia Energy Company Ltd u Melita Exploration Company Ltd; Informazzjoni dwar it-tiftix għaż-żejt mill passat ġiet maqluba f’format diġitali u l-informazzjoni kollha ġiet mdaħħla f’data base; Koordinazzjoni ta’ żjarat minn-kumpaniji taż-żejt fid-Data Room; Emendi fil-leġiżlazzjoni: Att dwar il-Produzzjoni tal-Petroleum, Att dwar il-Blata Kontinentali; Att dwar l-Ibħra Territorjali u ż-¯ona Kontigwa; Leġiżlazzjoni ġdida: Regolamenti dwar il-Blata Kontinentali u Regolamenti dwar Offshore Safety (Oil and Gas); Diskussjonijijet bilaterali rigward il-Blata Kontinentali; Servizz ta’konsultazzjoni lill diversi Dipartimenti u entitajiet tal-Gvern rigward il-Blata Kontinentali; Dmirijiet konessi mas-Survey Ġeoloġika ta’ Malta, inkluż parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Euro Geo Surveys u parteċipazzjoni fi proġetti tal-Ewropa relatati bħal EMODnet 2 u EMODnet 3 u GeoERA; Xogħol sabiex il-mappa ġeoloġika ta’ Malta tinqaleb f’format diġitali; Ħruġ ta’ liċenzji għar-riċerka xjentifika marittima.
Leg 13 PQ #7603 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Continental Shelf Department — impjegati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni impjegati mal-Continental Shelf Department, x'inhu l-grad tagħhom u x'qed jagħmlu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab informat li b’kollox hemm hames persuni impjegati : Direttur Generali – jamministra d-Dipartiment, Principal Scientific Officer – jieħu ħsieb il-parti teknika, Executive Officer – Xogħol klerikali, Clerk – Xogħol klerikali u Messaġġiera.

Aġenzija għal Infrastruttura Malta – regolatur tal-bini ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu r-Regolatur tal-bini mill-ġdid ta' toroq hekk kif ġiet imwaqqfa l-Aġenzija għal Infrastruttura Malta?

Response (BORG, IAN)

Ir-regolatur tas-sistemi tat-trasport f’pajjiŻna huwa Transport Malta. It-toroq huma mezz importanti tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiŻna u l-irregolar ta’ kull attività fihom tifforma parti mir-rwol regolatorju ta’ din l-awtorità. L-irwolijiet regolatorji ta’ Transport Malta u l-irwol implimentattiv ta’ Infrastructure Malta huma spjegati fid-dettal fil-Liġi dwar l-Aġenzija għal Infrastruttura Malta, li għaddiet mill-istadju tat-tielet qari fil-Parlament f’Lulju li għadda u daħlet fis-seħħ ftit ġimgħat wara.
Leg 13 PQ #7665 Sitting 165 2018-11-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – Cabin Attendants

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qed jitħallsu għal kull siegħa l-ħaddiema fil-grad ta' Cabin Attendant u li huma impjegati direttament mal-Gozo Channel? Tista' tgħid ukoll kemm qed jitħallas il-kuntrattur għal kull siegħa ta' ħaddiem fil-grad ta' Cabin Attendant li jipprovdi lil Gozo Channel u kemm fil-fatt minn dan l-ammont jispiċċa għand il-ħaddiem li jaħdem mal-kuntrattur u li iżda joffri servizz lil Gozo Channel?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.