Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħlas lill-esperti dwar inkjesta

Question

Fil-21 t’Ottubru ġew ippubblikati żewġt artikli ntitolati “Witness admitted to police he lied about Cardona sighting with Degiorgio” u “Xhud jammetti mal-pulizija li gideb dwar Cardona” fil-media tal-Malta Today u l-One News rispettivament u fit-28 t’Ottubru ġie ppubblikat l-artiklu “It-tliet esperti li qabbad il-Maġistrat Vella swew €136,654” fl-Illum dwar tliet esperti tal-Qorti li ħadmu fuq l-inkjesta tal-Maġistrat Vella dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fl-artikli ġie allegat li t-tliet esperti tħallsu €136,654 bejniethom tax-xogħol li għamlu fuq l-inkjesta. L-artikli komplew jgħidu li l-Pulizija identifikat li wieħed minn dawn it-tliet esperti kien leak li għadda informazzjoni lill-media barranija u lill-uffiċjali għolja tal-PN. Skont dawn l-artikli dan ġie kkonfermat wara li waħda mill-verżjonijiet li ġiet intenzjonalment mgħoddija lill-esperti mill-Pulizija, ġiet irrapportata mill-gazzetta La Repubblica. Jista’ l-Ministru jikkonferma kemm tħallsu kull wieħed minn dawn it-tliet esperti? Jista’ jgħid kemm tħallsu kull wieħed minn dawn it-tliet esperti? Jista’ jgħid ukoll x’passi ttieħdu mill-pulizija fuq dak li ġie allegat?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba l-ingħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 7632. Wieħed mill-esperti sal-lum ma ppreżenta l-ebda fattura. Fir-rigward ta’ x’passi ttieħdu mill-pulizija fuq dak allegat fil-mistoqsija parlamentari, l-Onor. Membru mitlub jirreferi lil Ministru kkonċernat.

Protezzjoni Ċivili — voluntiera

Question

Nirreferi għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Hu fatt li hemm nuqqas ta’ riżors uman u dan in-nuqqas qed jagħmel tajjeb għalih il-volontarjat. F’Jannar ħarġet sejħa biex jiġu ingaġġati aktar impjegati tal-Protezzjoni Ċivili. Għalkemm l-applikazzjonijiet għalqu fid-9 ta’ Frar, s’issa għadhom ma bagħtu għal ħadd. Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tittieħed azzjoni f’dan ir-rigward? Jista’ jgħid kemm hemm impjegati f’dan is-settur? Jista’ jgħid kemm huma l-voluntiera li jieħdu sehem f’din id-dixxiplina? Jista’ jgħid kemm hemm persuni jitħarrġu barra minn Malta biex jispeċjalizzaw f’dan il-qasam ta’ salvataġġ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej proċess ta’ ingaġġ. Irid jingħad li l-voluntiera mhux qed jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ impjegati bħalma qed jallega l-interpellant. Il-voluntiera jintużaw għall-attivitajiet tal-massa, u meta jkun hemm emerġenzi kbar. Rigward l-applikazzjonijiet tal-Assistant and Rescue Officers wieħed għandu jieħu inkonsiderazzjoni li l-proċess kien twil minnu nnifsu għax għall-ewwel darba saru eżamijiet fiżiċi u eżamijiet tal-kitba. Fil-ġimgħat li ġejjin dan il-proċess ser ikun konkluż biex tibda r-raba’ parti tal-proċess cioè li jibda t-taħriġ. Bħalissa hemm 155 firefighter. Voluntiera hemm reġistrati 60, biss huma madwar 45 li huma attivi u jiġu għat-taħriġ fuq bażi regolari. Barra minn Malta nibagħtu persuni fuq taħriġ speċjalizzat u huwa proċess kontinwu.

Pjan ta’ kontinġenza dwar il-barranin li xtraw passaport Malti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan ta’ kontinġenza tal-Ministeru għal dawk il-barranin li xtraw passaport u li issa huma Maltin, jekk iqum il-każ li xi ħadd minnhom jinqabad fi kriżi u jitlob għajnuna diplomatika?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull persuna Maltija għandha dritt titlob għall-assistenza meta din tinqabad fi kriżi barra minn xtutna.

Residenza San Vincenz de Paule – servizz minn kumpanija

Question

B’referenza għad-direct orders li qed jinħarġu u għall-kuntratti li r-Residenza San Vinċenz de Paule għandhom mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ngħata direct order u meta ngħata l-ewwel direct order? Jista’ jgħid kemm din il-kumpanija ilha tagħti servizz lil din ir-residenza? Jista’ jgħid kemm jiswa d-direct order preżenti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntratt mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jimxi mal-proċeduri legali tal-procurement. Sas-sena 2015, il-Faċilità għal Kura fit-Tul San Vinċenz De Paul kellha kuntratt ma’ kumpanija għas-servizzi tal-indafa li ġiet magħżulha b’tender . Iżda, din il-kumpanija eventwalment ġiet blacklisted skont iċ-ċirkulari tal-kuntratti CT08/2014 u CT12/2014. Dan it-tender kellu jieqaf għax dan hu gvern illi bil-fatti ma jaċċetax il-prekarjat. Din is-sitwazzjoni waslet biex intalbet stima ta’ tliet kumpaniji u ntgħażlet l-orħos waħda bl-approvazzjoni tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti. Dan il-kuntratt iġġedded bi proċedura negozjata, b’approvazzjoni tal-istess Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti, skont regolament 60 (d) tar-Regolamenti tal-2010 dwar il-Kuntratti Pubbliċi (Avviż Legali 296/2010) u regolament 150 (c) tar-Regolamenti tal-2016 dwar l-Akkwist Pubbliku (Avviż Legali 352/2016).

Ħal Qormi – Triq San Ġwakkin – xogħol

Question

Peress li Triq San Ġwakkin f’Ħal Qormi (il-parti li twasslek għall-Imrieħel bypass) qatt ma ġiet asfaltata u tinsab fi stat ħażin ħafna u peress li minnha jgħaddu għadd ta’ persuni bil-mixi u bil-karozza biex ta’ kuljum imorru għax-xogħol fiż-Żona Industrijali tal-Imrieħel, jista’ l-Ministru jagħtiha prijorità u jinkludiha fil-lista ta’ toroq li se jsiru fl-2019 biex b’hekk tikkumplimenta l-proġett tal-bridge tal-bypass tal-Imrieħel?

Response (BORG, IAN)

Il-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Fil-fatt, din l-aġenzija li twaqqfet fis-sajf diġa ħabbret l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid is-sena d-dieħla. Sejħiet oħra għax-xogħol meħtieġ għall-bini ta’ aktar toroq madwar il-pajjiż ser jitħabbru fiż-żmien li ġej. L-aġenzija ser tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu ser jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.

Triq li tagħti għal Għar Lapsi – dawl

Question

Peress li t-triq li tagħti għal Għar Lapsi hija mdallma u hija ffrekwentata minn bosta Maltin u turisti, jista’ l-Ministru jassigura li jkun hemm id-dawl neċessarju matul l-istess triq?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Ġnien l-Għarusa tal-Mosta – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta, jew jekk bediex, liema xogħol li għalih ġew ivvutati €100,000 u li għal dan il-proġett kienet saret press conference fl-istess ġnien qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif jidher tajjeb jekk wieħed iżur is-sit referut, saru diversi xogħlijiet li jinkludu tħaffir ta’ trinek tul il-ġnien u tqegħid ta’ preparamenti għas-servizzi ta’ dawl, irrigazzjoni u CCTV; tiswija u bini ta’ ħitan; tiswija u bini ta’ ħitan tas-sejjiegħ; tħaffir ta’ ġiebja għal water feature u l-bini tagħha; u tħejjija ta’ formazzjoni ta’ rampi biex jipprovdu aċċess għal kulħadd. Inxtrat ukoll l-għamara tal-ġnien li jinkludu bankijiet, bins, light poles u bollards. Bħalissa qiegħda tiġi aġġudikata tender ta’ tqegħid tal-passaġġi tal-ġnien kollu. Dan ix-xogħol mistenni jsir fl-2019 sabiex wara tibda titqiegħed l-għamara tal-ġnien u jsiru l- finishings li hemm bżonn.

Kumpaniji li ma jħaddmux persuni b’diżabilità – flus miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn qegħdin jintefqu l-flus miġbura minn dawk il-kumpaniji li mhumiex iħaddmu l-kwota ta’ ħaddiema b’diżabilità (2% mill-ħaddiema jkunu persuna b’diżabilità)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant, sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari, lill-Ministru kkonċernat.

Supported Employment Programm

Question

Fil-bidu tas-sena 2017, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) ħadet over il-programm tas-Supported Employment mill-Malta Association of Supported Employment (MASE). Dan fisser li ħadet over il-520 suċċessi ta’ persuni vulnerabbli li kien instabilhom xogħol matul is-sena 2016 u li sa l-aħħar tal-istess sena kienu għadhom jaħdmu, u wkoll l-FSWS kienet ħadet over il-madwar 20 ħaddiem abbinat mal-programm. Jista’ l-Ministru jgħid: a) kemm minn dawn il-520 ħaddiema vulnerabbli għadhom fl-impjieg? b) il-ħaddiema li ġew ittrenjati u ġabu ċertifikazzjoni fis-Supported Employment u li ttieħdu mal-programm mill-FSWS, lil kemm-il persuna vulnerabbli sabu xogħol matul is-sena 2017 u matul is-sena 2018? c) illum, x’inhu l-irwol ta’ dawn il-persuni li ġabu ċertifikazzjoni fis-Supported Employment?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Job Enhancing Skills Scheme

Question

B’referenza għall-Job Enhancing Skills Scheme (JESS) li huwa ffinanzjat minn fondi Ewropej u mmexxi mill-Aġenzija Sapport, jista’ l-Ministru jgħid: a) kemm hija s-somma totali allokata għal din l-iskema? Kemm huwa twil dan il-programm? Fiex jikkonsisti dan il-programm?; b) meta bdiet din l-iskema u kemm il-parteċipant hemm f’din l-iskema s’issa? Bħalissa f’liema stadju tal-proġett waslu dawn il-parteċipanti? u c) skont il-proġett, kemm hu mistenni li jkun in-numru ta’ persuni li ser jibbenefikaw minn din l-iskema fl-għeluq tiegħu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Proġett INK

Question

B’referenza għall-INK Person Focused Inclusion Project li huwa ffinanzjat minn fondi Ewropej u mmexxi mill-Aġenzija Sapport, jista’ l-Ministru jgħid: a) kemm hija s-somma allokata għal dan il-programm u kemm huwa twil dan il-programm? Fiex jikkonsisti dan il-programm? u b) meta beda jitħaddem dan il-programm? Bħalissa x'inhuwa n-numru ta’ parteċipanti fi ħdan dan il-programm u skont l-applikazzjoni, kemm huwa n-numru ta’ benefiċċjarji li ser jibbenefikaw minn dan il-programm?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Ir-Rabat Għawdex – Poliklinika – konsultazzjoni għar-rilokazzjoni

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6710 kollha u ċjoè: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’tip ta’ konsultazzjoni saret, ma’ min saret u meta saret dwar ir-rilokazzjoni għall-post ieħor tal-poliklinika tar-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid jekk saritx applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar biex issir din ir-rilokazzjoni u jekk iva meta saret u meta ħarġu l-permessi meħtieġa? Jista' jagħti n-numru ta' din l-applikazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għaddej xogħol fuq id-disinn u l-medical brief taċ-ċentru tas-saħħa l-ġdid fir-Rabat Għawdex. Kif jitlesta dan il-proċess il-pjanti ikunu jistaw jiġu sottomessi lill-Awtorita’ tal-Ippjanar.
Leg 13 PQ #7691 Sitting 166 2018-11-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xlendi – riġenerazzjoni tal-Boat Houses

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu l-preparamenti biex jibda x-xogħol ta’ Riġenerazzjoni tal-Boat Houses ġewwa x-Xlendi? Ħarġu t-tenders? F’liema xahar u sena hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali u kemm hi stmata li tkun l-ispiża?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li t-tender tax-xogħlijiet għall-boathouses inħarġet fl-24 ta 'Awwissu 2018. L-offerenti kollha kienu ’l fuq mill-baġit allokat u b'hekk l-offerta ma setgħetx tingħata. Jekk ma jkunx hemm appelli, s-sejħa għall-offerti tkun tista’ terġa' tiġi ppublikata, bix-xoghol ippjanat li jitwetaq matul is-sena 2019. F'dan l-istadju l-istima ma tistax tiġi kkomunikata lill-pubbliku ġenerali billi l-offerta għadha għaddejja. Offerti għall-fabbrikazzjoni u l-installazzjoni tal-bibien tal-injam se jiġu ppubblikati dalwaqt flimkien mal-offerta għas-sistema tad-dawl.
Leg 13 PQ #7692 Sitting 166 2018-11-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex –Xagħra — Triq Ta’ Ġorf - xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti aktar dettalji dwar it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6614 u tgħid fiex kien jikkonsisti dan il-mandat u fuq xiex sar, rigward Triq ta’ Ġorf ġewwa x-Xagħra? X'sar mill-Ministeru għal Għawdex? Jekk kien hemm deċiżjoni mill-Qorti, tista’ l-Ministru tpoġġi kopja tad-deċiżjoni fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, tista' tgħid xi ftehim sar?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-inkartament kollu tal-proċess. Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif beda x-xogħol il-ġimgħa l-oħra, reġa ġie preżentat Mandat ta’ Inibizzjoni ieħor.

Miżura biex persuni li jgħixu barra minn Malta jivvutaw f’Ambaxxati Maltin

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'passi qed jittieħdu biex titwettaq il-wegħda elettorali li persuni Maltin li jgħixu barra minn Malta u li għandhom id-dritt tal-vot, jivvutaw f’Ambaxxati Maltin? Jista' jikkonferma jekk il-miżura hix se tiddaħħal fil-ħin biex tkun tapplika għall-elezzjoni li jmiss tal-Membri tal-Parlament Ewropew?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta — roadmap

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-roadmap li saret referenza għaliha fl-aħħar rapport annwali tal-Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Roadmap hekk kif maqbula mill-membri tal-Kunsill tal-Maltin li jgħixu barra fil-laqgħa tal-istess Kunsill li saret nhar it-13 u l-14 ta’ Ottubru 2017, hija hekk kif tidher hawn taħt: Akkademiċi / Studenti / Riċerkaturi Proposti Għaliex Bilbljografija tad-Dijaspora Maltija komprensiva tkun disponibbli għall-pubbliku in ġenerali Sabiex tassisti u tinkoraġġixxi iktar akkademiċi/studenti/riċerkaturi jistudjaw dan il-qasam Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol (MEDE) jidħol fi ftehimiet ma’ stampaturi sabiex ipoġġi kemm jista’ jkun kotba bil-Malti, kotba tal-kurrikulu, publikazzjonijiet relatati mal-migrazzjoni u kwistjonijiet ta’ Dijaspora bħala kotba elettroniċi u l-pubblikazzjoni ta’ din il-lista Aċċessibbli b’xejn jew bi ħlas minimu. Jiġu ffrankati spejjeż eżorbitanti relatati mal-posta tal-forma mitbuħa lejn pajjiżi tad-Dijaspora. Skejjel tal-lingwa Maltija jkunu jistgħu jniżżlu l-kotba fi ftit ħin minflok li jixtru onlajn u jistennew sabiex jitwasslu għandhom. Tiġi kompilata lista ta’ teżijiet / dissertazzjonijiet / kotba / CDs / DVDs Sabiex jiġi aġġornat u mtejjeb b’mod kontinwu l-ikbar Ċentru ta’ Riżorsi tad-Dijaspora Maltija fid-dinja – il-Mużew tal-Migrazzjoni Maltija Opportunitajiet għal studenti tad-Dijaspora (mid-dinja kollha) sabiex jaħdmu mad-DMLA Sabiex jiksbu esperjenza diretta fil-qasam tad-Dijaspora Programm ta’ Visa għal Btala ta’ Xogħol (WHV) mal-Istati Uniti u l-Kanada Bħall-eżempju Awstraljan, għandha tinħoloq WHV simili u miftehma mal-pajjiżi rispettivi Istruzzjoni professjonali għal studenti u riċerkaturi fil-Qasam tad-Dijaspora L-għajnuna għandha tiżdied u tiddiversifika f’forma ta’ istruzzjoni professjonali sabiex jintlaħqu l-għanijiet fi proġetti ta’ riċerka u assignments rispettivi Lectures pubbliċi dwar il-Qasam tad-Dijaspora DMLA għandha l-mira li tkompli toħloq kuxjenza pubblika permezz ta’ lectures mogħtija mhux biss fl-Universitàta’ Malta imma wkoll fil-livell sekondarju, MCAST, ITS eċċ. Il-Familja Ċentri ta’ Programmi ta’ Ri-integrazzjoni ‘Welcome Back Home’ – wieħed ġewwa Malta u l-ieħor ġewwa Għawdex Migranti Maltin u Għawdxin li jirritornaw fostna għandhom ikunu megħjuna b’informazzjoni u direzzjoni f’diversi oqsma sabiex jerġgħu jintegraw malajr kemm jista’ jkun fis-soċjetà Maltija. Xi eżempji jinkludu: għajnuna fl-importazzjoni ta’ affarijiet personali; postijiet għal tfal fl-iskejjel; il-kisba ta’ dokumenti tal-identità; it-tiftix ta’ impjieg; akkomodazzjoni; ftuħ ta’ kont bankarju eċċ. Għandu jiġi mwaqqaf tribunal sabiex iwassal għal ftehim f’każ ta’ diżgwid familjari dwar postijiet battala f’Malta Madwar 65,000 post abitabbli f’Malta huma battala li 75% minnhom huma relatati ma’ diżgwid familjari bejn familji b’membri Malta u oħrajn fid-Dijaspora. Tribunal simili jista’ jiffaċilita u jħaffef is-sejbien ta’ soluzzjoni għal tali nuqqas ta’ ftehim u proprjetà mitluqa u delapidata tkun tista’ terġa’ tibda tintuża. Pensjonanti u Anzjani Gvern jintervjeni għal dawk li jirċievu pensjoni mill-Istati Uniti Migranti Maltin u Għawdxin li jerġgħu jiġu lura u jirċievu pensjoni mill-Istati Uniti ma jistgħux isarrfu ċ-ċekkijiet tagħhom lokalment jekk mhux fl-HSBC u meta jħallsu rati għolja. Il-Gvern għandu jikkunsidra li jixtri biljetti tal-ajru Awstralja-Malta-Awstralja bl-ingrossa għal dawk il-Maltin anzjani (‘il fuq minn 65 sena?) li qatt ma reġgħu ġew lura Malta sabiex ikunu jistgħu jixtru biljetti tal-ajru b’irħas u jżuru l-qraba tagħhom f’Malta. Mijiet ta’ anzjani Maltin, partikularment fl-Awstralja u New Zealand, qatt ma rnexxielhom jerġgħu lura u j¿uru lil Malta fi kważi nofs seklu. Il-Manifest elettorali jiddikjara li l-Gvern għandu jaħdem u jissielet kontra l-iżolazzjoni tal-anzjani Maltin. Politika Nazzjonali tal-Anzjani Il-Gvern ta’ Malta għandu jikkunsidra bis-serjetà il-ħolqien ta’ Politika Nazzjonali għall-Anzjani b’konsultazzjoni mill-qrib mas-CMLA sabiex jassikura l-inklużjoni tad-dimensjoni tad-Dijaspora. Żgħażagħ Il-Politika Nazzjonali ta’ Malta għaż-Żgħażagħ (2015-2020) Aġġornament perjodiku tal-Politika Nazzjonali ta’ Malta għaż-Żgħażagħ. Għandhom jitwaqqfu Skambji ta’ Żgħażagħ bejn il-pajjiżi prinċipali tad-Dijaspora u Malta preferibbilment bl-użu ta’ fondi mill-UE Skambji transkulturali huma element ewlieni li jinkoraġġixxi iktar rabtiet futuri bejn il-popli, speċjalment iż-żgħażagħ. Oqsma li għandhom jiġu kkunsidrati jistgħu jinkludu: l-istħarriġ tal-għeruq f’Malta, il-kitba tal-istorja tal-familja, il-ġineoloġija u l-wirt ta’ titli nobbli Gvern ta’ Malta Punt ċentrali ta’ referenza f’kull Ministeru tal-Gvern għad-Dijaspora Maltija Kwistjonijiet bħal sistema ta’ twissija bikrija (‘early warning system’); dwar konsultazzjonijiet, politika nazzjonali, emendi lokali, reġjonali, ċentrali u bye-laws , eċċ Kors fl-Istitut għas-Servizz Pubbliku (IPS) dwar id-Dijaspora Maltija Għandu jiġi fformulat Kors ta’ tliet sessjonijiet li jqajjem kuxjenza u jipprovdi informazzjoni u li jiġi mogħti perjodikament fl-IPS u skont fejn hemm bżonn Ismijiet tad-Dijaspora Maltija fil-lista ta’ Unuri Bijannwali ta’ Malta L-Uffiċċju tal-Kabinett tal-Prim Ministru ta’ Malta għandu jirrakkomanda li fuq kull lista ta’ Unuri għandu jkun hemm mill-inqas isem wieħed ta’ persuna Maltija minn kull pajjiż tad-Dijaspora Maltija (Awstralja, Kanada, Stati Uniti, Renju Unit u oħrajn) li ddistingwew ruħhom f’qasam partikulari Kotba kurrikulari/CDs għat-tagħlim tal-lingwa Maltija Sakemm il-kotba kurrikulari kollha għat-tagħlim tal-Malti ma jiġux trasferiti fil-format elettroniku, il-MEDE għandu jipprovdi klassijiet u skejjel tat-tagħlim tal-Malti (fl-Awstralja, il-Belġju, il-Kanada, iċ-Ċina, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti) b’kotba kurrikulari aġġornati fuq bażi regulari. CMLA/DMLA għandhom ikunu rappreżentati f’ċerti Bordijiet tal-Gvern ta’ ċerta importanza Il-Kunsilliera tas-CMLA u d-Direttur tad-DMLA għandhom jipparteċipaw f’Bordijiet tal-Gvern bħal: Il-Kunsill għall-Ilsien Malti; il-Bord tal-Akkomodazzjoni għall-Anzjani; il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ; il-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex; il- Malta Enterprise ; u Finance Malta . CMLA/DMLA għandhom jipproponu lill-Gvern, personalitajiet tad-Dijaspora li għandhom għarfien espert ta’ ċerti oqsma sabiex jiġu flimkien u jikkunsidraw possibiltajiet kummerċjali, kulturali eċċ. DMLA iġġib flimkien personalitajiet u organizzazzjonijiet tad-Dijaspora Maltija f’oqsma bħal: l-industrija tal-films, informazzjoni teknoloġika, kummerċ, niche markets ġodda, turiżmu reliġjuż eċċ.

Pensjonanti li għandhom pensjoni ta’ inqas minn €600 fix-xahar

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm huwa n-numru ta’ pensjonanti preżentement f’pajjiżna u li d-dħul tal-pensjoni tagħhom huwa inqas minn €600 fix-xahar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Ħal Tarxien – pensjonanti reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ pensjonanti reġistrati preżentement f’Ħal Tarxien, li d-dħul tal-pensjoni tagħhom, huwa inqas minn €600 fix-xahar? Jista’ jindika wkoll kemm huma dawk il-persuni li qabżu s-sebgħin sena? Jista’ jindika kemm minnhom huma ta’ sess femminil?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.