Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm żgħażagħ li qed jiġu kklassifikati bħala NEET (Not in Education, Employment or Training)? Jista’ jindika s-sess tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-informazzjoni mitluba toħroġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Għaldaqstant, ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-Għassa tal-Pulizija l-antika ġewwa Wied il-Għajn għadhiex f’idejn il-Korp inkella għaddietx lura f’idejn il-Lands Department?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-Għassa tal-Pulizija l-antika ta’ Wied il-Għajn m’għadhiex f’idejn il-Korp u ċ-ċwievet għaddew f’idejn il-Lands Department (illum L-Awtorità tal-Artijiet).
Belt Valletta — Mużew Nazzjonali tal-Arti – ħlas minn viżitaturi
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm viżitaturi li ħallsu fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti l-Belt fis-sena 2017 u sa issa fl-2018?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bejn l-2017 u 2018 il-Mużew Nazzjonali tal-Arti kien magħluq peress li kienu qed ssiru il-preparamenti biex jinfetah il-Mużew il-ġdid tal-Arti, il-MUZA, li ġie inawgurat nhar is-Sibt 10 ta’ Novembru 2018.
Belt Valletta – Mużew tal-Arkeoloġija – ħlas minn viżitaturi
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm viżitaturi li ħallsu fil-Mużew tal-Arkeoloġija tal-Arti l-Belt fis-sena 2017 u sa issa fl-2018?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bejn l- 2017 u Jannar sa Settembru 2018 fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija l-ammont ta’ viżitaturi bi ħlas kienu 73,325 u 57,688 rispettivament.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għal-liema laqgħat barra minn pajjiżna u fl-Unjoni Ewropea huwa previst li ser jattendi fl-ewwel sitt xhur li tibda l-presidenza l-ġdida s-sena li ġejja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nifhem li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għal laqgħat barra minn pajjiżna fl-ewwel sitt xhur tal-presidenza l-ġdida fl-2019 u li huma laqgħat relatati direttament mal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea.
Skont il-kalendarju tal-Kunsill tal-Ministri provdut mill-Presidenza, il-laqgħat li huma relatati mal-edukazzjoni u x-xogħol huma dawn:
Data
Laqgħa
15 ta' Frar 2019
EYCS (Education) Council
15 ta' Marzu 2019
Employment, Social Policy, Health and Consumer Affairs Council
10 - 11 ta' April 2019
Informal EPSCO
22 ta' Mejju 2019
EYCS (Education) Council
13 ta' Ġunju 2019
EPSCO
Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant li għadu kmieni wisq sabiex nikkonferma liema laqgħat sejjer nattendi partikolarment dwar dawk il-laqgħat li l-kompetenzi tagħhom jaqgħu taħt aktar minn Ministeru wieħed.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għal-liema laqgħat barra minn pajjiżna u fl-Unjoni Ewropea huwa previst li ser jattendi fl-ewwel sitt xhur li tibda l-presidenza l-ġdida s-sena li ġejja?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-laqgħat li ser nattendi huma dawk il-laqgħat li normalment jirrekjedu l-presenza tal-Ministru. Skont il-programm tal-presidenza l-ġdida fis-sena li ġejja, hemm previsti laqgħat informali u formali tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni (JHA) filwaqt li hemm ukoll il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport (EYCS). Dwar l-EYCS l-attendenza tiegħi għal din il-laqgħa tiddependi mill-aġenda li ser tkun diskussa. Mhux eskluz li jista’ jkun hemm laqgħat oħra fejn il-presenza tiegħi tkun mitluba iżda li s’issa għadhom ma jidhrux fil-kalendarju propost mill-presidenza l-ġdida.
Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika – dispożizzjonijiet fil-każ tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6667, filwaqt li ssir referenza għall-artikolu 3 tal-Kap. 545 li jipprovdi li “ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) li jkun magħmul minn President u mhux inqas minn erbgħa u mhux iktar minn sitt membri oħra”, jista’ l-Prim Ministru jgħid, fid-dawl ta’ dak li jingħad fl-imsemmi artikolu jekk ir-referenza għar-Regolatur fit-Tieni Taqsima tal-Ħames Skeda tal-Kap 497, tapplikax biss għall-President tar-Regolatur imsemmi jew inkella wkoll għall-membri l-oħra tar-Regolatur? Jekk tapplika biss għall-President, għalfejn tapplika għalih biss?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill Ministru kkonċernat.
Federation of Estate Agents kontra d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni)
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fid-dawl tal-proposti għall-emendi fl-Att dwar il-Kompetizzjoni u diversi liġijiet oħra, skont kif pubblikati f’Awwissu 2018, jekk ġiex ikkonsidrat ukoll l-impatt tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tat-3 ta’ Mejju 2016 fil-każ tal-Federation of Estate Agents kontra d-Direttur Ġeneral (Kompetizzjoni) et fuq il-poteri ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra li dawn jimponu multi jew sanzjonijiet oħra, u jekk iva x’passi qed jiġu kkonsidrati f’dan ir-rigward?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed issir diskussjoni ġenerali f'diversi livelli internament fi ħdan il-Gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jittieħdu xi passi fid-dawl tas-sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fl-ismijiet Falzon Group Holdings Limited et versus Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et mogħtija fit-8 ta’ Novembru 2018, b’mod partikolari biex fl-intervall sakemm isir il-bdil meħtieġ fil-liġi, id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) ikun f’qagħda li jista’ effettivament jaqdi l-funzjonijiet tiegħu?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li s-sentenza li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija sentenza parzjali. Peress li l-każ jinsab quddiem il-Qrati u għadu sub judice, tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata meta tinqata’ s-sentenza definittiva mill-Qrati.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 7666 u tgħid kemm qed jitħallsu għal kull siegħa l-ħaddiema fil-grad ta' Seaman u li huma impjegati direttament mal-Gozo Channel? Tista' tgħid ukoll kemm qed jitħallas il-kuntrattur għal kull siegħa ta' ħaddiem fil-grad ta' Seaman li jipprovdi lil Gozo Channel u kemm fil-fatt minn dan l-ammont jispiċċa għand il-ħaddiem li jaħdem mal-kuntrattur u li iżda joffri servizz lil Gozo Channel?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija f’PQ 7666 li l-informazzjoni mitluba hi ta’ natura kummerċjali u sensittiva u għaldaqstant ma tistax tingħata.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 7665 u tgħid kemm qed jitħallsu għal kull siegħa l-ħaddiema fil-grad ta' Cabin Attendant u li huma impjegati direttament mal-Gozo Channel? Tista' tgħid ukoll kemm qed jitħallas il-kuntrattur għal kull siegħa ta' ħaddiem fil-grad ta' Cabin Attendant li jipprovdi lil Gozo Channel u kemm fil-fatt minn dan l-ammont jispiċċa għand il-ħaddiem li jaħdem mal-kuntrattur u li iżda joffri servizz lil Gozo Channel?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija f’PQ 7666 li l-informazzjoni mitluba hi ta’ natura kummerċjali u sensittiva u għaldaqstant ma tistax tingħata.
L-Għarb, Għawdex – Triq Franġisk Portelli – tieni kisja ta’ tarmak
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li tingħata t-tieni kisja ta' tarmak fi Triq Franġisk Portelli ġewwa l-Għarb, Għawdex sal-aħħar tas-sena 2018 u jekk le meta hu ppjanat li tingħata t-tieni kisja ta' din it-triq peress li x-xogħol fuq din it-triq ġejt infurmat f’risposta għall-mistoqsija parlamentari oħra li qed issir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li t-tieni kisja ta’ tarmak fi Triq Franġisk Portelli ġewwa l-Għarb, Għawdex hija prevista li ssir fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla.
Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet għal rinnovament ta’ djar fl-Isla
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar għal rinnovament ta’ djar fl-Isla f’dawn l-aħħar ħames snin bejn is-sena 2014 u l-2018 sal-jum li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm minn dawn ġew approvati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tal-Ippjanar li b’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7823, L-Awtorità tal-Ippjanar ma rċeviet ebda applikazzjoni ġewwa l-Isla fejn id-deskrizzjoni tal-iżvilupp propost kienet tinkludi l-kliem renovation, rinovar/zjoni, rinnovar/zjoni mill-1 ta’ Jannar 2014 sa llum. Is-sistema tal-informatika tal-Awtorità ma tikkategorizzax l-applikazjonijiet f'mod li wieħed ikun jaf jekk applikazjonijiet għal tibdil jew żidiet ikunux ser iwasslu għal rinnovament tal-propjetà. Wieħed irid iżomm f'moħħu ukoll li diversi xogħolijiet ta' rinnovazjoni ma jirrikjedux permess formali minn għand l-Awtorità.
Skola Sekondarja Rabat Għawdex – għalliem tal-Malti
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma huwiex minnu li l-istudenti tal-iSkola Sekondarja tar-Rabat Għawdex għadhom mingħajr għalliem tal-Malti? Kemm ilhom mingħajr għalliem? Meta se tissolva l-problema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dawn il-klassijiet bdew bit-tagħlim normali mill-Ħamis, 8 ta' Novembru 2018.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7109 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid hux minnu li l-Ħadd, 9 ta’ Settembru 2018, bejn is-sitta u t-tmienja u nofs ta’ filgħaxija, is-sistema tat-telefon fir-Residenza San Vinċenz de Paul kienet totalment mhux qed tiffunzjona, bil-konsegwenza li ma setgħux jidħlu telefonati għand it-telephone operators u dan wassal biex, fost oħrajn, ma kienx possibbli li jissejjaħ it-tabib fil-każi fejn pazjenti kellhom bżonnu u għalhekk lis-staff tas-swali kellhom imorru jfittxu huma lit-tabib? Jekk dan huwa l-każ, x’kien li wassal għal dan it-tul kollu ta’ ħin mingħajr servizz daqstant essenzjali f’post bħar-Residenza San Vinċenz de Paul li barra li jservi ta’ sptar iservi wkoll ta’ residenza? Kien hemm xi ħadd responsabbli on duty matul dak il-ħin, biex jieħu ħsieb dan l-inċident ta’ din ix-xorta ġewwa r-Residenza? X’kienet ir-raġuni għal dan in-nuqqas totali ta’ ffunzjonar tas-sistema tat-telefon? Barra minn hekk, kien tul ta’ ħin raġonevoli dak ta’ sagħtejn u nofs biex is-sistema terġa’ tiġi lura għan-normal?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fid-9 ta’ Settembru 2018, ġiet irrapurtata ħsara fis-sistema tat- telefonija ġewwa r-Residenza San Vincenz de Paule. Il-proċeduri interni jesiġu li r-rapporti ta’ ħsarat fuq is-sistema tat-telefonija jiġu mressqa lill-kuntrattur ewlieni li jieħu ħsieb l-imsemmija sistema (GO plc). Wara li t-tekniku ġie fuq l-post, l-problema ġiet risolta minnufih. Kif żviluppat l-ħsara, il-management tar-Residenza ħa ħsieb jara li s-sezzjonijiet kollha jiġu nfurmati sabiex l-inkonvenjent ikun wieħed minimu, kif filfatt kien.
Filwaqt li sar arranġament minn night managers biex is-sejħiet għat-tobba isiru fuq is-sistema ċellulari, kien hemm madwar 2 talbiet fejn il-carers għamlu kuntatt mat-tobba fl-uffiċini tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba t-tanker tal-gass f’Delimara ġie mimli mill-ġdid minn mindu bdiet taħdem il-power station tal-Electrogas sal-jum li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li minn meta wasal l-LNG Tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk sal-lum, kien hemm total ta’ ħmistax-il transfer ta’ LNG.
Peress li hemm għadd ta’ persuni inkwetati u f’sitwazzjoni inċerta, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju tinsab l-iskema tal-ħwienet tal-Gvern li għandhom operational agreements mal-original tenants?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iskema tal-ħwienet għalqet fi Frar 2016 u l-applikazzjonijiet li daħlu qiegħdin jiġu evalwati.
Kumpaniji li ma jħaddmux persuni b’diżabilità – flus miġbura
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7682 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid fejn qegħdin jintefqu l-flus miġbura minn dawk il-kumpaniji li mhumiex iħaddmu l-kwota ta’ ħaddiema b’diżabilità (2% mill-ħaddiema jkunu persuna b’diżabilità)?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-flus miġbura minn dawk il-kumpaniji li mhumiex jonoraw il-kwota ta’ 2% qed jiffinanzjaw l-operat tal-Lino Spiteri Foundation u attivitajiet jew inizjattivi amministrati minn Jobsplus li jassistu b’mod dirett lill-persuni b’diżabilità. Dawn is-servizzi jinkludu wkoll is-sapport li jingħata lill-employer biex jiġi żgurat is-sostenibilità tal-impjieg tal-persuna b’diżabilità.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7683, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’kien il-budget tal-Lino Spiteri Foundation għas-sena 2018? Kemm-il persuna b’diżabilità nstabilha impjieg matul din is-sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni Lino Spiteri bejn Jannar u Settembru 2018 għenet 120 persuna b’diżabilità tidħol fid-dinja tax-xogħol. Iżjed minn hekk, il-Fondazzjoni provdiet servizz ta’ job coaching lil madwar 273 persuna b’diżabilità matul it-taħriġ u fil-bidu tal-impjieg tagħhom.
L-ispiża għat-tmexxija tal-Fondazzjoni tlaħħaq il-miljun ewro fis-sena.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7784 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hux qed isir jew jekk dan l-aħħar sarx bunkering fil-port ta' Marsaxlokk?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi Bunkering fil-Port ta’ Marsaxlokk, bħal kif jiġri fil-Port il-Kbir, isir b’mod regolari lil dawk il-bastimenti kollha, inkluż dawk lokali, li jsejħu d-diversi terminals u faċilitajiet portwali li jinsabu f’dan il-Port. Bunkering dejjem isir bil-permess tal-Awtorità u b’konformità stretta mal-liġijiet u mar-regolamenti kollha applikabbli kif ukoll mad-direzzjonijiet maħruġa mill-Awtorità u awtoritajiet oħra kompetenti minn żmien għal żmien.