Legislature:
Category:
Reset
Active:

Aġenzija Infrastruttura Malta — Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads – xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-tender li ħarġet l-Aġenzija Infrastruttura Malta ħarġet bit-titlu Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads (Ref. IM 004/18) meta bl-istess tender se jsiru xogħlijiet fuq toroq distributorji u mhux residenzjali? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta separata għal kull lott li tindika liema toroq se jsiru u l-extents ta' kull triq li se ssir kif ukoll il-klassifikazzjoni ta' kull triq, u ċjoè hiex triq residenzjali, triq non-urban, triq maġġura, triq arterjali, triq distributorja, eċċ.?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Gvern huwa determinat li jwettaq il-pjan tiegħu li jagħmel qabża kbira ‘l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq kollha, huma fejn huma, b’mod gradwali, fis-snin li ġejjin, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun, hekk kif jixraq lill-familji u n-negozji f’Malta u Għawdex. Il-pjanti mitluba tal-ewwel 120 triq li ser jinbnew mill-ġdid is-sena d-dieħla jinsabu fl-istess dokument pubbliku msemmi f’din il-mistoqsija, jiġifieri “Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads (Ref. IM 004/18)."

Aġenzija Infrastruttura Malta — Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads - toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ma’ min ikkonsulta biex issir kull triq ta' kull lott li jinsab fit-Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads (Ref. IM 004/18)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li f’kull ħidma li tagħmel fit-toroq, Infrastructure Malta tqis diversi fatturi tekniċi, filwaqt li tikkonsulta ma’ individwi u entitajiet differenti li jużaw, jew b’xi mod jew ieħor ikunu interessati fit-toroq li fihom ikun ser isir l-investiment ta’ titjib.

Aġenzija Infrastruttura Malta — Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra stima ta' kull triq li se jsir ix-xogħol fuqha skont it-Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads (Ref. IM 004/18)? Meta hemm il-ħsieb li jibda u jispiċċa x-xogħol fuq kull triq? Jista’ jagħti d-dettalji tax-xogħlijiet li se jsiru f'kull triq f'kull lott (pereżempju cement stabilization material, ħxuna ta' surface cold milling, ħxuniet u tip ta' tarmak, eċċ.), għal kull triq separatament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub jinsab fl-istess dokument pubbliku msemmi f’din il-mistoqsija tal-istess Onor Interpellant bl-isem ta Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads (Ref. IM 004/18).

Awtorità tal-Ippjanar — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7580 u jgħid kemm kien hemm impjegati mal-Awtorità tal-Ippjanar, f'liema grad u f'liema sezzjoni, xahar b'xahar, mill-2016 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Spezzjonijiet minn JobsPlus – unlicensed foreigners

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm instabu persuni li kienu bħala unlicensed foreigners fl-ispezzjonijiet tal-Jobsplus tul din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif dwar kemm instabu persuni barranin jaħdmu bla formola ta` bidu ta` impjieg, fl-ispezzjonijiet li saru mill-ispetturi tal-Jobsplus bejn Jannar sa Settembru 2018, huwa kif se nsemmi: Ksur ta’ Liġi minn persuni barranin 2018Barranin mill-EU Barranin li mhux ġejjin mill-EU Total ta’ Barranin Minn Jannar sa Settembru 20188421,1211,963

Persuni ta’ nazzjonalità barranija – permess biex jaħdmu

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm talbiet pendenti għall-persuni ta’ nazzjonalità li ma hijiex dik ta’ dawn il-gżejjer sabiex jingħataw il-permess biex jaħdmu ma' Jobsplus tul dan ix-xahar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar ta’ Ottubru, Jobsplus kellha pendenti 2327 liċenzja tal-impjieg għal Single Permit li tinħareġ minn Identity Malta u 218 liċenzja tal-impjieg li toħroġ minn Jobsplus għal kategoriji varji ta‘ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Persuni mressqa l-Qorti akkużati b’reati kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm tressqu persuni l-Qorti mill-Pulizija akkużati b’reati kriminali (kumpilazzjonijiet) tul din s-sena 2018 sa issa u jista’ jinforma b’liema reati ġew akkużati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi sal-aħħar ta’ Ottubru 2018 tressqu tmien mija u sebgħa u erbgħin (847) persuna l-Qorti mill-Pulizija akkużati b’reati kriminali (kumpilazzjonijiet). Infurmat illi bħala reati għas-sena 2017, kien hemm firxa wiesgħa ta’ tip ta’ reati li bihom ġew akkużati dawn il-persuni li fost oħrajn kienu jinkludu: - omiċidji – attentat ta’ omiċidji – reati relatati ma’ serq – riċettazzjoni - offiżi volontarji u nvolontarji fuq il-persuna - vjolenza jew reżistenza fuq uffiċjali pubbliċi - traffikar ta` persuni – stupru – korruzzjoni ta’ minuri - usura – ħsarat volontarji – reati relatati ma’ ħsarat fil-propjeta’ - abbandun ta’ minuri – reati relatati ma’ frodi – reati relatati ma’ drogi – theddid - pussess ta’ armi - trattament mhux xieraq fuq annimali – użu ħazin ta’ mezzi ta’ telekomunikazzjoni – misapprorijazzjoni – ħasil ta’ flus - falsifikar ta’ flus – offizi relatati ma’ immigrazzjoni llegali ta’ persuni - falsifikazzjoni ta’ dokumenti – reati relatati ma’ sigurtà fuq ix-xogħol – sekwestru – prostituzzjoni – żamma ta’ burdelli – rapporti foloz - ġuramenti foloz - fabbrikazzjoni ta’ evidenza falza – reati relatati ma’ pornografija tat-tfal – reati ta’ atti sesswali ma’ minorenni u reati oħra provduti mill-Kodici Kriminali jew liġijiet speċifici oħra. F’ħafna mill-kumpilazzjonijiet il-persuni akkużati jittressqu fuq aktar min reat wieħed.

Raħal il-Ġdid — djar ta’ abitazzjoni proprjetà tal-Gvern mikrija b’titolu – ħsarat strutturali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm djar ta’ abitazzjoni proprjetà tal-Gvern mikrija b’titolu ta’ kera fid-djar tal-Gvern f’Raħal il-Ġdid li fihom ħsarat strutturali u kemm minnhom sarulhom tul din is-sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu għas-sena 2018, dwar ħsarat strutturali fid-djar mikrija mill-Gvern jew l-Awtorita` tad-Djar, f’Raħal Ġdid, hija kif ġej ; - 7 każijiet fejn tlestew it-tiswijiet illi kien hemm bżonn illi jsiru - 5 każijiet fejn għaddejjin bit-tiswijiet bħalissa - 15-il każ, fejn it-tiswijiet se jkunu qed jibdew dalwaqt, bħala parti minn proġett sħiħ ta’ tiswijiet u tisbieħ fil-blokok sħaħ; - 25 każ illi għadhom pendenti quddiem l-Awtorita` tad-Djar.

Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni — każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm każijiet pendenti quddiem il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni u kemm daħlu każijiet fis-snin 2016, 2017 u sa issa fl-2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 10 każijiet pendenti quddiem il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni. Intant hawn taħt hawn tabella li turi kemm daħlu każijiet għand il-Kummissjoni mill-2016 sal-2018. SenaNumru ta’ każijiet 20166 20176 20181

Persuni ta’ nazzjonalità barranija – permess biex jaħdmu

Question

Jista’ l-Minsitru jinforma lill-Kamra kemm saru talbiet għall-persuni ta’ nazzjonalità li ma hijiex dik ta’ dawn il-gżejjer sabiex jingħataw il-permess biex jaħdmu ma’ Jobsplus tul din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar ta’ Ottubru, Jobsplus kienet irċeviet 21,435 applikazzjoni għal Single Permit li tintbagħat minn Identity Malta u 6,201 applikazzjoni għal-liċenzja tal-impjieg li toħroġ minn Jobsplus mingħand kategoriji varji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
Leg 13 PQ #7807 Sitting 170 2018-11-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Gozo Sports Complex – art biex tifforma parti mill-Iskola Primarja l-ġdida fir-Rabat Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk parti mil-art li llum tifforma parti mill-Gozo Sports Complex, inkluż garaxx tal-istess Gozo Sports Complex, fil-fatt se jittieħdu biex minflok jiffurmaw parti mill-Iskola Primarja l-ġdida li qed tiġi ppjanata li tinbena ġewwa r-Rabat Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mill-proġett ta' bini ta' estensjoni tal-Middle School eżistenti, kif ukoll tal-bini tal-Iskola Primarja l-ġdida fir-Rabat, Għawdex, se tinbena faċilità sportiva fil-miftuħ li se tmiss fuq l-arja tal-Kumpless Sportiv biswit dawn l-iskejjel. L-ammont ta' bini li se jirfes fuq l-arja tal-Kumpless Sportiv hi ta' madwar 450 metru kwadru. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta u impressjonijiet artistiċi tal-proġett li juri aħjar dan li qiegħed ngħid. Il-parti tal-faċilità sportiva li se tinbena fuq l-arja tal-Kumpless Sportiv hi mmarkata bil-kulur blu. Din il-proposta għadha suġġett għall-approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Wasteserv – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mill-Wasteserv Malta sena b’sena u xahar b’xahar mill-2013 sal-lum? Jista’ jgħid kemm kien il-valur ta’ kull direct order u fiex kien jikkonsisti kull direct order li ngħata mill-Wasteserv Malta mill-2013 sal-lum?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Leg 13 PQ #7811 Sitting 170 2018-11-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi

Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi – postcode fl-indirizz

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn f’ħafna mill-korrispondenza li tintbagħat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi fosthom avviżi ta’ likwidazzjoni, m’hemmx il-postcode inkluż fl-indirizz u dan meta fl-aħħar snin saret ħafna enfasi biex tintuża l-postcode?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fl-indirizz tal-korrispondenza li tinbagħat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi, il-postcode ma jitnizzilx f’dawk il-kazijiet biss fejn il-persuna ma tkunx infurmat lid-Dipartiment bil-postcode tagħha.

Fondi tal-Unjoni Ewropea – toroq f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-mija u erbgħin miljun ewro ta' investiment fit-toroq minn fondi tal-Unjoni Ewropea mħabbra minnu f'konferenza tal-aħbarijiet li saret is-Sibt 11 ta' Novembru, kemm minnhom ser jintużaw fuq toroq jew proġetti f'Għawdex? Jista’ jagħti lista ta’ toroq f'Għawdex li ser isiru b’dawn il-fondi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali ser ikun qiegħed jappoġġja l-ħidma ta’ titjib tat-toroq f’Għawdex permezz tar-riżorsi ta’ Infrastructure Malta, b’mod gradwali, fiż-żmien li ġej, attwalment ir-responsabilitajiet tat-toroq f’din il-gżira tinsab f’idejn entitajiet u ministeri oħra. Għalhekk, nitlob li din il-mistoqsija tiġi diretta lill-Ministeru konċernat.
Leg 13 PQ #7813 Sitting 170 2018-11-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija – Multi-Modal Hub

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex jikkonsisti l-proġett ta’ Multi-Modal Hub ġewwa x-Xewkija ħdejn il-Korsa taż-Żwiemel? Tista’ tpoġġi kopji tal-pjanti, site plan, il-PA number kif ukoll kopja tal-permessi, għal dan il-proġett peress li issa ġie ppubblikat it-tender u allura jidher li hemm il-permessi meħtieġa? Kemm hu stmat li jiġi jiswa dan il-proġett? Min hu l-perit inkarigat minn dan il-proġett? Meta hu ppjanat li jibda dan il-proġett u jitlesta u kemm hi l-istima ta’ dan il-proġett?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan huwa l-proġett tal-Park and Ride li jifforma parti mid-decarbonisation strategy tal-Ministeru għal Għawdex.

Enemalta – collective agreement għall-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex iffirmat collective agreement ġdid għall-ħaddiema tal-Enemalta? Jekk iva, jista' jgħid meta ġie ffirmat u min kienu l-firmatarji tiegħu? Jista' jgħid liema perjodu jkopri dan il-collective agreement?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li ma ġie ffirmat l-ebda collective agreement għall-ħaddiema tal-Enemalta plc.

Djar Residenzjali tal-Persuni b’Diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta’ flus li jridu jħallsu dawk il-persuni li qed jagħmlu użu mis-servizzi tad-Djar Residenzjali tal-Persuni b’Diżabilità? Hemm xi persuna li hija awtorizzata mill-Istat sabiex tonfoq il-flus li jibqa’ mill-pensjoni tar-resident/a biex ikun jista’ jista’ jgħix ħajja aktar komda?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, persuni b’diżabilità li jgħixu fir-residenzi mmexxija mill-Aġenzija Sapport, jagħtu 60% tal-assistenza tagħhom lill-Aġenzija, waqt illi jkunu residenti fl-istess faċilitajiet tal-Aġenzija. Kull residenza hija amministrata minn Leader u staff professjonali li jgħinu lir-residenti, jamministraw l-40% l-oħra bħala dħul mill-assistenza, skont il-ħtieġa tal-pazjenti. L-Aġenzija tesiġi dejjem illi, l-klijenti jkunu indipendenti kemm jistgħu u l-bżonnijiet personali tagħhom ikunu inidirizzati.

Rapporti ta’ Vjolenza Domestika

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30949 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ rapporti dwar vjolenza domestika li saru fl-2016 u s-sena l-oħra? Kemm minn dawn ir-rapporti ġew investigati u kemm tressqu persuni l-Qorti fuq vjolenza domestika f’dan il-perjodu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kien hemm elf, mitejn u tnejn u sebgħin (1,272) każ ta’ Vjolenza Domestika, li ġew irrapurtati lill-pulizija matul is-sena 2016. Fis-sena 2017 kien hemm elf, mitejn u sebgħa u ħamsin (1,257) rapport ta’ l-istess natura. Infurmat illi kif diġa ingħad fi tweġibiet għall-mistoqsijiet simili, fil-każijiet fejn irriżulta ksur tal-liġijiet relatati ma’ dawn ir-reati wara l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, il-persuni responsabbli dejjem jitressqu l-Qorti. Madankollu m’hemmx sistema elettronika fejn il-figuri mitluba mill-Onor. Interpellant jistgħu jinġabru.

Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma d-drittijiet ta’ dawk il-persuni li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali? Jista’ klijent jitlob aċċess għat-tagħrif li jkollha l-aġenzija dwar il-każ tiegħu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2011, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali nediet dokument illi, jelenka kemm id-drittijiet u kif ukoll id-dmirijiet ta’ persuni li jagħmlu użu mis-servzzi tal-istess Fondazzjoni. Dan id-dokument, huwa aċċessibli f’kull post minn fejn il-Fondazzjoni topera u toffri s-servizzi tagħha. Dwar id-dritt tal-klijenti, li jitolbu aċċess għat-tagħrif illi għandhom dwarhom l-aġenziji fi ħdan il-Fondazzjoni, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, dan l-aċċess huwa regolat permezz tal- General Data Protection Regulations (GDPR) li daħlet fis-seħħ f’Mejju tal-2018 u mill-leġislazzjoni Maltija, relatata ma’ din id-direttiva tal-Unjoni Ewropea.

Aġenzija Żgħażagħ — programmi ta' empowerment

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 32321 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-Aġenzija Żgħażagħ ma jorganizzawx programmi ta’ empowerment indirizzati lejn żgħażagħ li jbatu minn xi diżabilità kemm intelletwali, fiżika jew mentali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. interpellant li Aġenzija Żgħażagħ tikkonferma li l-programmi ta’ empowerment huma kollha miftuħin għal żgħażagħ b’abbiltajiet differenti. Fil-programm tal-Youth.Inc hemm ukoll żgħażagħ b’abbiltajiet differenti kif ukoll parti mill-programm tal-Community and Outreach jipprovdi servizz ta’ Youth Café darbtejn fil-ġimgħa għal żgħażagħ bid-Downs syndrome.