Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1085 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba. Intant, ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jaghmel referenza ghall-mistoqsijiet parlamentari 4626 u 4627 illi jittrattaw entitajiet ohrajn illi jaqghu taht is-Segretarji Parlamentari rispettivi.

Court experts — sejħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn f’Jannar li għadda, ħarġet sejħa għall-court experts u sal-lum dawk li applikaw, għadhom ma semgħu xejn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li dawk il-persuni li wieġbu għas-sejħa ġie innutat l-interess tagħhom, intalbu mid-Dipartiment tal-Ġustizzja sabiex jipprovdu l-formola tad-due diligence u l-warrant jew kwalifika relattiva għall-qasam li fih wrew interess li jservu bħala esperti u dokumentazzjoni oħra u ġew inklużi fir-reġistru tal-esperti miżmum mill-istess Dipartiment li hu disponibbli għall-membri tal-Ġudikatura. Dawn il-persuni jiġu notifikati biss jekk u meta Ġudikant jaħtarhom bħala esperti f'xi kawża quddiemu; ovvjament mhux kull persuna li wriet interess li sservi ta' esperti fil-Qrati neċessarjament tinħatar espert għaliex kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, hi fid-diskrezzjoni tal-Ġudikant li jiddeċiedi skont il-każ quddiemu jekk jaħtarx espert jew le, u f'każ li jkun hemm il-ħtieġa li jinħatar espert, min jinħatar.

Talbiet pendenti għall-estradizzjoni minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn talbiet pendenti għall-estradizzjoni minn Malta? Mil-liema pajjiżi ġejjin? F'kull każ kemm ilha li saret it-talba? F'kull każ x'inhi n-natura tal-akkuża jew akkużi kontra l-persuni li għalihom qed tintalab l-estradizzjoni? F'kull każ x'inhi n-nazzjonalità tal-persuna li tagħha qed tintalab l-estradizzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li sat-12 ta Novembru 2018 fil-Qorti ta’Malta u Għawdex ma kienx hemmx talbiet pendenti għall-estradizzjoni minn Malta.

Talbiet pendenti għall-estradizzjoni minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn talbiet pendenti għall-estradizzjoni minn Malta? Mil-liema pajjiżi ġejjin? F'kull każ kemm ilha li saret it-talba? F'kull każ x'inhi n-natura tal-akkuża jew akkużi kontra l-persuni li għalihom qed tintalab l-estradizzjoni? F'kull każ x'inhi n-nazzjonalità tal-persuna li tagħha qed tintalab l-estradizzjoni?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija lil-Ministeru konċernat.

Talbiet pendenti għall-estradizzjoni minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn talbiet pendenti għall-estradizzjoni minn Malta? Mil-liema pajjiżi ġejjin? F'kull każ kemm ilha li saret it-talba? F'kull każ x'inhi n-natura tal-akkuża jew akkużi kontra l-persuni li għalihom qed tintalab l-estradizzjoni? F'kull każ x'inhi n-nazzjonalità tal-persuna li tagħha qed tintalab l-estradizzjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi peress illi d-dettalji mitluba mill-Onor. Membru jistgħu possibilment jippreġudikaw l-operat tal-pulizija u awtoritajiet oħra fix-xogħol tagħhom ta’ Estradizzjoni, l-informazzjoni kif mitluba minnu ma tistax tingħata bid-dettalji mitluba kollha. Infurmat iżda li bħalissa hemm disa’ każi ta’ estradizzjoni pendenti li qed jiġu indirizzati mill-Pulizija bl-assistenza tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Każ minnhom diġà qiegħed quddiem il-Qrati Maltin.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Nefqa fuq Promotions fuq Mezzi tal-Media Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2158 u 248 u jgħid kemm nefaq flus l-Uffiċċju tiegħu, inkluż kull entità taħtu, għall-promotions fuq Twitter, Faceboook u social media oħra, minn Marzu 2013 sal-lum, xahar b'xahar?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba. *L-ammonti ma jinkludux il-kampanji pubblicitarji fuq social media marbuta mal-promozzjoni tal-kanzunetti Maltin rispettivi li jidhlu fil-Eurovision Song Contest.

Ministeru għas-Saħħa — Ħaddiema - Xogħol

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2190 u 273 u jgħid kemm-il ħaddiem hemm fl-entitajiet li jaqgħu taħtu li għandhom xogħol li jsir minn ħaddiema b'kuntratt definit ta' xogħol, inkluż cleaners?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Qorti Kriminali — Rikorsi għat-tħassir jew bdil ta' deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill- 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il rikors ġie ppreżentat fil-Qorti Kriminali għat-tħassir jew bdil ta' deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati biex il-Pulizija tiġi ordnata tmexxi l-proċedura meħtieġa skont l-artikolu 541 tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn ir-rikorsi ġew ippreżentati mill-Avukat Ġenerali u kemm mill-persuna li tkun ippreżentat ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Maġistrati? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn ir-rikorsi ġew milqugħa u kemm ġew miċħuda mill-Qorti Kriminali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rikorsi li ġew preżentati mit-2013 sal-llum fil-Qorti Kriminal skont l-artikolu 541 tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta) huwa kif muri fit-tabella ta' hawn taħt: Prezentata Offiza Deċizjoni mill-Qorti Kriminali 2013 Self ta' flus bla liċenzja Appella l-AG u l-Qorti ċaħdet l-appell 2013 Spergur Appella l-parti u l-Qorti ċaħdet l-appell 2014 Frodi Appella l-AG u l-Qorti ċaħdet l-appell 2015 Xhieda falza Appella l-parti u l-Qorti ċaħdet l-appell 2017 Dikjarazzjonijiet foloz Appella l-parti u l-Qorti ċaħdet l-appell 2018 Misapproprjazzjoni Appella l-parti u l-appell ġie dikjarat dezert

Korp tal-Pulizija – facial recognition software

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija għandux fil-pussess tiegħu jew għandux aċċess għal facial recognition software? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid meta ġie akkwistat l-imsemmi software u f'liema ċirkostanzi u postijiet sar u/jew qed isir użu minnu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba kwistjoni ta’ sigurtà, l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.

Forzi Armati ta’ Malta – facial recognition software

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Forzi Armati ta' Malta għandhomx fil-pussess tagħhom jew għandhomx aċċess għal facial recognition software? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid meta ġie akkwistat l-imsemmi software u f'liema ċirkostanzi u postijiet sar u/jew qed isir użu minnu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba kwistjoni ta’ sigurtà, l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.

Servizzi Korrettivi — facial recognition software

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-Servizzi Korrettivi ta' pajjiżna għandhomx fil-pussess tagħhom jew għandhomx aċċess għal facial recognition software? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid meta ġie akkwistat l-imsemmi software u f'liema ċirkostanzi u postijiet sar u/jew qed isir użu minnu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba kwistjoni ta’ sigurtà, l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.

Servizz ta' Sigurtà – facial recognition software

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-Servizz ta' Sigurtà għandux fil-pussess tiegħu jew għandux aċċess għal facial recognition software? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid meta ġie akkwistat l-imsemmi software u f'liema ċirkostanzi u postijiet sar u/jew qed isir użu minnu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba kwistjoni ta’ sigurtà, l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.

Arabja Sawdija — Stqarrijiet u rappreżentazzjonijiet dwar qtil ta’ ġurnalista

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi stqarrijiet u rappreżentazzjonijiet għamel il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ f'isem il-Gvern Malti dwar il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi , liema qtil seħħ fil-bini tal-Konsulat Ġenerali tar-Renju tal-Arabja Sawdija f'Istanbul nhar it-2 ta' Ottubru 2018? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-imsemmija stqarrijiet u rappreżentazzjonijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7490.

Fgura – Housing Estate — djar ta’ abitazzjoni proprjetà tal-Gvern mikrija b’titolu – ħsarat strutturali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm djar ta’ abitazzjoni proprjetà tal-Gvern mikrija b’titolu ta’ kera fil-Housing Estate tal-Fgura li fihom ħsarat strutturali u kemm minnhom sarulhom tul din is-sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu għas-sena 2018, dwar ħsarat strutturali fid-djar mikrija mill-Gvern jew l-Awtorità tad-Djar, fil-Fgura, hija kif ġej ; - 10 każijiet fejn tlestew it-tiswijiet li kien hemm bżonn illi jsiru - 7 każijiet fejn qed isiru x-xogħlijiet bħalissa - 11-il każ illi għadhom pendenti quddiem l-Awtorità tad-Djar

Rabat – Domus Romana – ħlas minn viżitaturi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienu l-persuni li ħallsu biex daħlu jaraw id-Domus Romana ġewwa r-Rabat Malta tul is-snin 2016, 2017 u sa issa fis-sena 2018 u jista’ jindika jekk kemm-il darba kienx hemm viżti ta’ tfal tal-iskola u jekk iva kemm marru u jekk ġewx minn skejjel primarji jew sekondarji? Jista’ jindika wkoll jekk ittieħdux inizjattivi ġodda?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bejn l-2016, l-2017, u Jannar sa Settembru tal-2018 in-numru ta’ persuni li ħallsu biex żaru d-Domus Romana kien ta' 29,039, 31,187, 26,147. rispettivament. Intant infurmat li bejn l-2016 u l-2017 ma kinitx tinżamm statistika preċiża ta’ kemm żaru studenti dan is-sit. Madanakollu din is-sistema ġiet modifikata matul din is-sena u b’ hekk jidher li minn Jannar sa Settembru 2018 żaru dan is-sit 435 student minn skejjel primarji/sekondarji u 11-il student post- sekondarji. Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li 130 student attendew għat-thematic events ġewwa d-Domus Romana Infurmat ukoll li mill-2016 il-quddiem ġie maħdum programm tematiku li huwa adattat għas-seba’ sena u huwa marbut mal-curriculum tal-istorja ta’ dik is-sena. Dan jinkludi treasure hunt u hands on activity li għandha x’ taqsam mal-mosaic u re-enactment tal-każ Caius Verres.

Persuni mressqa l-Qorti akkużati b’reati kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm tressqu persuni l-Qorti mill-Pulizija akkużati b’reati kriminali (kumpilazzjonijiet) tul is-sena 2017 u jista’ jinforma b’liema reati ġew akkużati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2017 tressqu elf, mitejn u erbgħa (1204) persuni l-Qorti mill-Pulizija akkużati b’reati kriminali (kumpilazzjonijiet). Infurmat illi kien hemm firxa wiesgħa ta’ tip ta’ reati li bihom ġew akkużati dawn il-persuni li fost oħrajn kienu jinkludu : - Omiċidji - attentat ta’ omiċidji - reati relatati ma’ serq - riċettazzjoni - offiżi volontarji u nvolontarji fuq il-persuna - vjolenza jew reżistenza fuq uffiċjali pubbliċi - stupru - korruzzjoni ta’ minuri - usura - ħsarat volontarji - reati relatati ma’ ħsarat fil-propjeta’ - abbandun ta’ minuri - reati relatati ma’ frodi - reati relatati ma’ drogi - theddid - pussess ta’ armi - trattament mhux xieraq fuq annimali - użu ħażin ta’ mezzi ta’ telekomunikazzjoni - misapproprijazzjoni - ħasil ta’ flus - reati oħra ekonomiċi - falsifikar ta’ flus - ofiżi relatati ma’ immigrazzjoni illegali ta’ persuni - falsifikazzjoni ta’ dokumenti - reati relatati ma’ sigurta’ fuq ix-xogħol - sekwestru - prostituzzjoni - żamma ta’ burdell - rapporti foloz - ġuramenti foloz - fabbrikazzjoni ta’ evidenza falza - reati relatati ma’ pornografija tat-tfal - reati ta’ atti sesswali ma’ minorenni u reati oħra provduti mill-Kodiċi Kriminali jew liġijiet speċifici oħra. F’ħafna mill-kumpilazzjonijiet il-persuni akkużati jittressqu fuq aktar minn reat wieħed.

Nisa fid-dinja tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni ta’ sess femminil li bdew jaħdmu fis-sena 2017? Kemm minnhom bdew jaħdmu għall-ewwel darba u kemm minnhom irritornaw lura għad-dinja tax-xogħol? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew impjegati full-time u kemm ġew impjegati part-time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ nisa li bdew jaħdmu għall-ewwel darba u li reġgħu irritornaw fid-dinja tax-xogħol wara ħames snin jew aktar bejn Jannar u Diċembru 2017, fuq bażi ta’ Full-Time u Part-Time bħala xogħol ewlieni tagħhom, huwa kif muri fit-tabella hawn taħt: Nisa li bdew jaħdmu għall-ewwel darba bejn Jannar u Diċembru tal-2017 Nisa li reġgħu irritornaw fid-dinja tax-xogħol bejn Jannar u Diċembru tal-2017 Full-Time Part-Time bħala xogħol ewlieni Total Full-Time Part-Time bħala xogħol ewlieni Total 6,169 3,290 9,459 813 886 1,699

Triq li minn Ħaż-Żabbar tagħti għaż-Żejtun – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju waslet it-triq li qed issir minn Ħaż-Żabbar saż-Żejtun? Jista’ jgħid kemm intefaq fiha sa issa u kemm huwa previst li ser jintefaq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7233 f’Seduta 145.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – impjegati li jaħdmu fuq kuntratt definittiv

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni fil-Ministeru u fid-dekasteri kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li jaħdmu fuq kuntratt tax-xogħol definittiv sal-aħħar tas-sena 2017? Jista’ jindika kemm kuntratti hemm li huma minn sitt xhur għal sitt xhur, kemm minn sena għal sena, u kemm iktar? Jista’ jindika kemm persuni kienu ta’ sess maskil u kemm femminil?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar tas-sena 2017, kien hemm 83 persuna li kellhom kuntratt ta’ xogħol definittiv fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ. Fost dawn kien hemm 46 li kellhom kuntratt minn sena sa sena filwaqt li 37 kellhom kuntratt ta’ tliet snin. Fost il-persuni kollha li kellhom kuntratt definittiv, kien hemm 21-il persuna ta’ sess femminili u 62 ta’ sess maskili. Fi ħdan l-Ambaxxati ta’ Malta kien hemm 65 persuna li jaħdmu fuq kuntratt tax-xogħol definittiv. Kien hemm kuntratt wieħed ta' sitt xhur għal sitt xhur (kuntratt ta' 6 xhur u wara jsir indefinit), kif ukoll 61 kuntratt validu għal sena li jiġġedded kull sena. Kien hemm ukoll żewġ kuntratti validi għal sentejn li jiġġeddu kull sentejn, u kuntratt wieħed li kien għal sena u ma jiġġeddidx. Minn dawn kien hemm 51 persuna ta’ sess femminili u 14 ta’ sess maskili. Ġewwa Trade Malta kien hemm żewġ impjegati fuq kuntratt tax-xogħol definittiv għal perjodu ta’ 3 snin. Dawn kienu persuna ta’ sess maskili u persuna ta’ sess feminili.
Leg 13 PQ #7815 Sitting 171 2018-11-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ramel u żrar li intuża mid-Direttorati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm u x’tip ta’ ramel u żrar intuża mid-Direttorati li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex, sena b’sena u xahar b’xahar mis-sena 2013 sal-lum? Tista’ tgħid fejn intuża dan ir-ramel u żrar u min kienu l-kuntratturi li ssupplixxew dan il-materjal u kemm kienet l-ispiża xahar b’xahar u sena b’sena fuq dan il-materjal?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.