Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li bbenefikaw minn in-work benefits

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni bbenefikaw mill-hekk imsejħa in-work benefit tul is-sena 2017 u tul din is-sena, sal-aħħar ta’ Ottubru 2018 u jista’ jindika kemm kienu nisa u kemm irġiel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Fgura – trasport tal-iskejjel – pick up u drop off point

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7313 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jinforma u jispjega għaliex is-sezzjoni tat-trasport tal-iskejjel u l-istess Segretarjat tal-Ministeru mhux qed tappoġja tnax-il familja mill-Fgura sabiex uliedhom jiġu miġbura u mniżżla fuq tabella eżisteni ta’ Pick up u Drop off point magħmula s-sena li għaddiet mill-Kunsill Lokali tal-Fgura fi Triq San Tumas, Fgura u qed iħallu lill-operatur iwaqqaf lit-tfal fejn hu konvenjenti għalih, bil-perikli li dan iġib għalihom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra fis-7 ta' Novembru 2018, f'seduta numru 165.
Leg 13 PQ #7821 Sitting 172 2018-11-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Security Guards ġewwa Kemmuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fl-20 ta’ Lulju 2018, il-Ministeru tiegħu ħareġ sejħa għall-kwotazzjonijiet fuq il-Gazzetta tal-Gvern biex jiġu ingaġġati Security Guards tal-kuntrattur biex jipprovdu back up għal uffiċjali tal-MTA ġewwa Kemmuna?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li fl-eqqel tas-sajf numru sostanzjali ta’ nies iżuru l-gżira ta’ Kemmuna, inħass il-bżonn li tinħareġ sejħa biex ikun hemm security guards fuq il-post sabiex jieħdu ħsieb li tinżamm il-buon ordni u jassiguraw li l-post jinżamm nadif. Fis-sejħa kien hemm indikat ċar li dawn is- security guards huma rikjesti li jaħdmu bejn is-sitta ta’ filgħaxija u nofs il-lejl, u jistgħu jintalbu wkoll li jagħtu assistenza lill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-MTA.
Leg 13 PQ #7822 Sitting 172 2018-11-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – files jew dokumenti distrutti

Question

Tista' l-Ministru tgħid, f'kull Direttorat u entità li taqa' fid-dekasteru tagħha, kemm kien hemm files jew dokumenti li ġew distrutti a bażi tal-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data mis-sena 2013 sal-lum, maqsmuma sena b'sena? X'tip ta' files jew dokumenti kienu u ta' liema uffiċċju jew taqsimiet kienu jappartjenu?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #7842 Sitting 172 2018-11-26 Oral · Interim From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Roundabouts

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fir-roundabouts ta’ Għawdex, minn Ġunju 2017 sal-lum: a. Kemm sar armar differenti tal-istess tip s’issa?; b. Għal liema okkażjonijiet saru?; c. Fejn qed jitwaħħlu? Liema huma l-postijiet speċifiċi?; d. Kemm huma stmati li ġew jiswew?; e. Min awtorizza dawn il-ħlasijiet?; f. X’armar hu previst għall-kumplament tas-sena?; g. Wara li jiżżarmaw, x’qed isir minn dan l-armar u fejn qed jitpoġġa?; u h. Kemm hemm ħaddiema jaħdmu fuq dan l-armar tar- roundabouts u x’inhu l-grad tagħhom?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #7843 Sitting 172 2018-11-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Culture Unit — ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm iddaħħlu u kemm hemm ħaddiema jaħdmu fil-Gozo Culture Unit, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum? Xi grad huma u x'titlu għandhom dawn il-ħaddiema? Fil-każ ta' ħaddiema li daħlu ġodda, tista’ l-Ministru tgħid meta ġew ippubblikati s-sejħiet għalihom? Tista’ tgħid ukoll mil-liema post qed jaqdu dmirijiethom dawn il-ħaddiema?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra
Leg 13 PQ #7844 Sitting 172 2018-11-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Djar għall-Anzjani — ħidma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha hux qed jaħdem ma’ entitajiet jew kumpaniji privati bil-għan li jinstabu jew jinbnew djar għall-anzjani f'Għawdex? Jekk fl-affermattiv f'liema lokalitajiet f'Għawdex qed isir dan?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-Manifest Elettorali hemm mira ta’ 500 sodda u għal dan il-għan, għaddejjin diversi taħdidiet kemm mad-Djoċesi t’Għawdex kif ukoll mas-settur privat.
Leg 13 PQ #7845 Sitting 172 2018-11-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – tiswijiet fuq vapuri

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża f’tiswijiet fuq il-vapuri tal-Gozo Channel, minn Marzu 2013 sal-lum, maqsuma sena b'sena? F'kull każ tista’ tgħid liema kien il-vapur li fuqu saret it-tiswija? Fiex kienet tikkonsisti t-tiswija, lil min kienet ikkummissjonata t-tiswija u kemm kienet l-ispiża għal kull tiswija li saret?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi ta' natura kummerċjali sensittiva u għalhekk ma tistgħax tingħata.
Leg 13 PQ #7886 Sitting 172 2018-11-26 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

DQSE – Accreditation Unit — staff

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm staff fl-Accreditation Unit fi ħdan id-DQSE? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ min huma dawn il-membri u x’esperjenza għandhom fil-qasam edukattiv? Kemm għallmu snin fi skejjel full-time jew part-time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-Accreditation Unit hemm 11-il membru kif ġej: Head Accreditation Unit - 1 Assistenti Diretturi - 2 Uffiċjali Edukattivi - 3 Uffiċjali fil-grad rispettiv - 4 Skrivana - 1 B’eċċezzjoni tal-iskrivana li qabel kienet taqdi dmirha fi skola, u ta’ wieħed mill-uffiċjali fil-grad rispettiv, l-esperjenza tvarja minn tmexxija fil-qasam edukattiv, liċenzjar ta’ istituzzjonijiet edukattivi, akkreditar ta’ programmi edukattivi u tagħlim formali u non-formali. L-uffiċjali konċernati għandhom snin varji t’esperjenza fit-tagħlim.
Leg 13 PQ #7887 Sitting 172 2018-11-26 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

DQSE – Accreditation unit – applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Accreditation Unit fi ħdan id-DQSE? Minn dawn kemm minnhom huma ta’ edukaturi li ġejjin mis-settur tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-applikazzjonijiet pendenti jammontaw għal 256. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, l-applikazzjoni tal-individwu ma tkunx marbuta ma’ settur partikolari.
Leg 13 PQ #7888 Sitting 172 2018-11-26 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Għalliema — complaint

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura meta fil-Ministeru jidħol ilment fuq għalliem?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li meta jidħol ilment fuq għalliem, il-Customer Care tal-MEDE jgħaddih lid-Direttur Ġenerali tas-Servizzi Edukattivi u jiġi kkupjat il-Prinċipal tal-Kulleġġ kif ukoll il-Kap tal-iskola konċernat fejn jgħallem dan l-għalliem. Imbagħad, il-Prinċipal tal-Kulleġġ jitkellem mal-Kap tal-iskola u jiddiskutu l-każ partikulari fejn tinġabar l-evidenza u l-interventi li setgħu saru sadanittant. Wara dan, il-Kap tal-iskola jitkellem mal-għalliem fil-preżenza ta’ Assistent Kap jew Kap tad-Dipartiment tas-Suġġett fejn flimkien jifhmu s-sitwazzjoni u jippjanaw kif se tingħata l-assistenza u wkoll kif l-għalliem se jirrimedja t-tagħlim tiegħu. Il-Kap tad-Dipartiment u/jew l-Uffiċjal Edukattiv tas-Suġġett jew l-Area jkomplu jsegwu lill-għalliem flimkien mal-Kap u s-Senior Management Team tal-iskola.
Leg 13 PQ #7889 Sitting 172 2018-11-26 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ingaġġ ta’ Supply Teachers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati supply teachers f'kull settur u f'liema suġġetti mill-bidu ta' din is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta’ Supply Teachers impjegati mill-bidu ta’ din is-sena skolastika huwa ta’ 216 kif muri fit-tabella t’hawn taħt maqsuma skont is-suġġett: SUBJECT SUPPLY TEACHER Agribusiness and Gardening 1 Arabic 6 Art 18 Art & Design 1 Automative Repair (Body Paint) 1 Basic Engineering 2 Biology 1 Care Work 1 Complementary 2 Computer Studies 2 ICT 3 Customer Care & Sales 1 Dance 4 Design & Technology 1 Drama 2 Electrical Installation 2 English 9 European Studies 2 German 1 Hairdressing 1 Health & Social Care (VET) 1 Integrated Science - Resource Centre 1 Maltese 6 Marketing 1 Migrant Inducation Program 25 Multi Sensory Room 3 Multi-Media & ICT Applications 1 Music 15 Personal and Beauty Care 4 Physical Education 31 Pottery & Ceramics 1 Primary 57 Religion 5 Resource Centre 2 Social Studies 1 Welding and Fabrication 1 TOTAL 216

Adozzjonijiet — familji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ma’ liema pajjiżi, Malta għandha ftehim sabiex isiru adozzjonijiet minn persuni Maltin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa, Malta għandha ftehim mas-Slovakkja, l-Albanija, l-Vjetnam u l-Kambodja. Barra minn hekk, ġenituri prospettivi jistgħu jaddottaw ukoll mill-Indja,l-Portugal, il-Bulgarija, l-Latvja, l-Polonja, ċ-Ċili, l-Kolombja u l-Moldova, minkejja li ma għandniex ftehim ma’ dawn il-pajjiżi.

Ħal Tarxien – bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li jsir bdil jew installazzjonijiet ġodda ta’ bus shelters ġewwa l-lokalità ta’ Ħal Tarxien?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent Transport Malta qiegħda tinstalla numru ta Bus Shelters ġodda f’diversi lokalitajiet madwar Malta. Infurmat li sal-aħħar tas-sena jkunu twaħħlu madwar 30 Bus Shelters ġodda. Infurmat ukoll li Transport Malta qiegħda fil-proċess li tagħti importanza fl-ippjanar tal-installazjonijiet tal-bus shelters il-ġodda għas-sena id-dieħla kemm f’Malta u kif ukoll f’Għawdex.

Fgura – skola primarja — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti jattendu l-Iskola Primarja tal-Fgura, maqsuma skont il-livell li jinsabu fih?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf l-Onor. Interpellant li n-numru ta’ studenti li jattendu l-Iskejjel Primarji tal-Fgura (Fgura A u Fgura B), maqsuma skont il-livell li jinsabu fih, huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt: Livell Bniet Subien Total Fgura A Kinder 1 66 60 126 Kinder 2 48 62 110 Year 1 43 49 92 Year 2 50 60 110 Year 3 45 52 97 Fgura B Year 4 55 34 89 Year 5 50 53 103 Year 6 45 55 100 Total 402 425 827

Il-Mosta – Triq il-Kungress Ewkaristiku — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jsir ix-xogħol ta’ għoti mill-ġdid ta’ wiċċ ta’ tarmak f’Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta? Peress li f’din it-triq hemm problema kbira li kull meta tagħmel ix-xita, l-ilma jlaħħaq mal-bankina, jista’ jieħu ħsieb u jara li jsir xogħol ta’ bini ta’ culverts ġodda f’partijiet mill-istess triq li fil-preżent ma hemmx water culverts biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-ilma tax-xita?

Response (BORG, IAN)

Il-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Fil-fatt, fil-ġimgħat li għaddew din l-aġenzija li twaqqfet fis-sajf diġà ħabbret l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li se tkun qed tibni mill-ġdid is-sena d-dieħla. Sejħiet oħra għax-xogħol meħtieġ għall-bini ta’ aktar toroq madwar il-pajjiż ser jitħabbru fiż-żmien li ġej. L-aġenzija se tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, Tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu se jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.
Leg 13 PQ #7909 Sitting 172 2018-11-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Inċident ta’ “Paqpaqli għall-Istrina” – ħlas lill-vittmi

Question

B’referenza għall-kumpens li tħallas lill-vittmi tal-inċident “Paqpaqli għall-Istrina”, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet is-somma globali li tħallset mingħajr ma jgħid lil min tħallset? Billi dawn huma flus il-poplu, jaħsibx li l-poplu għandu dritt ikun jaf kemm kienet is-somma mħallsa? Jista’ jgħid jekk jaqbilx li l-poplu għandu kull dritt ikun infurmat kemm hi s-somma globali li tħallset mit-taxxi tal-poplu stess?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li l-Gvern għadda lill-Community Chest Fund l-ammont ta’ €3.6 miljun, sabiex jingħata l-kumpens miftiehem mal-vittmi tal-inċident, għaddejjin negozjati sabiex jiġi rkuprat lura parti mis-somma mħallsa mill-kumpannija tal-assikurazzjoni u għalhekk is-somma finali għadha mhix magħrufa.