Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Marsa – Tender għal Refurbishment and Upgrading Works (Phase 2) fid-Deep Water Quay – xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijet li iktar minn 14-il xahar wara li nħarġet it-tender għal Refurbishment and Upgrading Works (Phase 2) fid-Deep Water Quay Marsa, għadu ma sar xejn? F’liema xahar tas-sena 2019 hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali fuq dan il-proġett?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mgħottija lili minn Transport Malta, il-proċess tal-evalwazzjoni tat-tender CT2039/2017 twal minħabba diversi appelli li issa intemmu wara l-aħħar deċizjoni tal-Board ta’ l-Appelli (PCRB). Il-perjodu tal-appell ingħalaq f’Ottubru. Issa qiegħed jiġi inizzjat proċess ieħor ta’ tender għal dan ix-xogħol. Hemm ippjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali fit-tieni kwart ta’ 2019, ċjoè wara li jiġu allokati l-fondi fil-2019 għal dan il-proġett u jintemm il-proċess ta’ tender il-ġdid.
Leg 13 PQ #7851 Sitting 173 2018-11-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Sports Complex – pixxina — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema xahar tas-sena 2018 hu ppjanat li jibda x-xogħol ta’ skavar għall-pixxina ġewwa l-area tal-Gozo Sports Complex? Tista' tgħid liema kuntrattur ħa dan ix-xogħol u kemm se jiġi jiswa x-xogħol ta' skavar? Tista' tgħid x'sar minnu l-Public-Private Partnership (PPP) li kien ġie ffirmat mill-Ministru ta' qabilha, dwar dan il-proġett?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess tat-tendering bħalissa qiegħed sospiż peress li ġiet sottomessa oġġezzjoni quddiem il-PCRB. Għaldaqstant ix-xogħol ta’ skavar għall-pixxina ġewwa l-area tal-Gozo Sports Complex jibda ladarba jintemm dan il-proċess.

Raħal il-Ġdid – skola primarja — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti jattendu l-Iskola Primarja ta’ Raħal il-Ġdid maqsuma skont il-livell li jinsabu fih?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf l-Onor. Interpellant li n-numru ta’ studenti li jattendu l-Iskejjel Primarji ta’ Raħal Ġdid (Paola A u Paola B), maqsuma skont il-livell li jinsabu fih, huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt: Livell Bniet Subien Total Paola A Kinder 1 27 31 58 Kinder 2 32 41 73 Year 1 21 33 54 Year 2 23 28 51 Year 3 42 47 89 Paola B Year 4 35 31 66 Year 5 43 38 81 Year 6 36 40 76 Total 259 289 548

Gudja – skola primarja — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti jattendu l-Iskola Primarja tal-Gudja, maqsuma skont il-livell li jinsabu fih?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf l-Onor. Interpellant li n-numru ta’ studenti li jattendu l-Iskola Primarja tal-Gudja, maqsuma skont il-livell li jinsabu fih, huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt: Livell Bniet Subien Total Kinder 1 18 10 28 Kinder 2 5 11 16 Year 1 4 9 13 Year 2 6 11 17 Year 3 8 4 12 Year 4 11 4 15 Year 5 5 5 10 Year 6 2 2 4 Total 59 56 115

Ħal Tarxien – skola primarja — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti jattendu l-Iskola Primarja ta’ Ħal Tarxien, maqsuma skont il-livell li jinsabu fih?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf l-Onor. Interpellant li n-numru ta’ studenti li jattendu l-Iskola Primarja ta’ Ħal Tarxien, maqsuma skont il-livell li jinsabu fih, huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt: Livell Bniet Subien Total Kinder 1 28 30 58 Kinder 2 17 33 50 Year 1 32 19 51 Year 2 16 23 39 Year 3 19 23 42 Year 4 19 20 39 Year 5 21 20 41 Year 6 19 15 34 Total 171 183 354

Adozzjonijiet – persuni li gawdew mill-għotja ta’ €10,000

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm familji/persuni li gawdew mill-għotja ta’ massimu ta’ €10,000 għall-adozzjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant illi s’issa diġa kien hemm 29 koppja, li bbenefikaw minn din l-għotja għall-adozzjoni.

Fgura – Triq Valperga – restawr tas-swar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li jkun restawrat is-swar li jħares lejn Triq Valperga l-Fgura, speċjalment il-parti ta’ fejn hemm il-grawnd tal-futbol?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li d- Direttorat tar-Restawr qed bħalissa iħejji pjanti dettaljati tal-kundizzjoni tas-swar ta’ San Nikola, San Ġwann, u San Pawl li jagħmlu parti mis-swar li jdawru il-Kottonera, magħrufa bħala il-Cottonera Lines. Saret ukoll talba għal permess quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar. Dan il-permess huwa mistenni li jkun approvat fil-bidu ta’ 2019. Huwa ppjanat li jinħargu l- ewwel tenders għal xogħol ta’ restawr tal-faċċati tas-sur ta’ San Gwann li jidher min triq Valperga il-Fgura, u ċjoè s-swar biswit il-grawnd tal-Fgura, lejn nofs is-sena id-dieħla. Xogħlijiet oħra ta’ restawr huma ippjanati ġewwa is-sur ta’ San Ġwann u fuq is swar ta’ San Nikola u ta’ San Pawl.

Aġenzija Infrastruttura Malta — impjegati

Question

Minn meta ġiet imwaqqfa l-Aġenzija Infrastruttura Malta, jista’ l-Ministru jgħid, kemm kien hemm persuni li ġew impjegati ma’ Infrastruttura Malta li ma kenux impjegati tal-Gvern jew ma’ Transport Malta? F'liema gradi ġew impjegati dawn il-persuni? Ħarġet 'call for application' għal dawn l-impjiegi? Jekk saru l-interviews, minn min kien iffurmat il-bord tal-interviews? Xi kwalifiki kellu kull membru fil-bord tal-interviews relatati max-xogħol tal-Aġenzija Infrastruttura Malta? Minn min ħarġet l-ordni biex jiġu maħluqa dawn il-vacancies?

Response (BORG, IAN)

Fil-perjodu msemmi ġiet impjegata persuna waħda li ma kinitx diġa impjegata tal-Gvern, tal-entitajiet tiegħu, jew ta’ Trasport Malta. Din il-persuna ġiet impjegata wara sejħa għall-applikazzjonijiet skont it-termini applikabbli.

Aġenzija Infrastruttura Malta – Kap Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Infrastruttura Malta? Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-pakkett finanzjarju, inkluż paga, allowances u perkaċċi oħra, li qiegħed jieħu l-Kap Eżekuttiv ta' Infrastruttura Malta? Jista’ jgħid xi kwalifiki akkademiċi u kemm-il sena ta' esperjenza prattika għandu l-Kap Eżekuttiv ta' Infrastruttura Malta direttament relatati ma' bini ta' toroq? Jista’ jgħid jekk ħarġitx 'call for application' għal kariga ta' Kap Eżekuttiv ta' Infrastruttura Malta? Jekk fl-affermattiv, kemm kienu dawk il-persuni li applikaw għal din il-kariga? Jista’ jpoġġi l-kuntratt ta' din il-persuna fuq il-Mejda tal-Kamra peress li din il-persuna qiegħda titħallas mit-taxxi tal-poplu?

Response (BORG, IAN)

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta huwa l-Inġ. Fredrick Azzopardi, li kien diġa impjegat ma’ entità governattiva fl-istess kariga qabel ma ntalab jiġi trasferit ma’ din l-aġenzija ġdida, sabiex ikollha l-aħjar riżorsi ta’ tmexxija biex twettaq l-impenn tagħha li fis-snin li ġejjin pajjiżna jagħmel qabża kbira ‘l quddiem fil-kwalità u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-trasport. L-Inġ. Azzopardi kien Uffiċċjal Kap Eżekuttiv, jiġifieri l-istess kariga li għandu bħalissa, mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u Enemalta plc. Ma’ din tal-aħħar, f’din il-kariga u fil-kariga ta’ Chairman, huwa mexxa t-trasformazzjoni biex din il-Kumpanija mhux biss biddlet snin twal ta’ telf fi tliet snin konsekuttivi ta’ profitti ta’ miljuni ta’ Ewro, iżda wettqet ukoll fost l-akbar proġetti infrastrutturali fil-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku li qatt saru f’pajjiżna. Fost dawn l-investimenti infrastrutturali kbar, hemm investiment ta’ madwar €100 miljun fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, bil-bini ta’ ċentri tad-distribuzzjoni ġodda u mijjiet ta’ kilometri ta’ cables tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli taħt l-art fit-toroq, it-twettiq tal-Malta-Italy Interconnector u ż-żarmar tal-power stations tal-heavy fuel oil tal-Marsa u Marsaxlokk. L-Inġ. Azzopardi kien ukoll chairman ta’ żewġ entitajiet oħra tal-Gvern. Fis-snin ta’ qabel, l-istess uffiċċjal kap eżekuttiv ħadem ukoll bħala chief engineer fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura tal-Gvern, b’responsabilità ta’ diversi proġetti infrastrutturali nazzjonali, u fejn ħadem ukoll mal-Onorevoli Interpellant għal diversi snin.

Aġenzija Infrastruttura Malta — promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha mwaqqfa l-Aġenzija Infrastruttura Malta? Jista’ jgħid ukoll kemm ħarġu promotions f'din l-Aġenzija u min ħa dawn il-promotions? F'liema gradi ħarġu dawn il-promotions? Min ħa promotion, jista’ jgħid f'liema grad kien qabel ma ħa din il-promotion u f'liema grad qiegħed issa wara li ħa din il-promotion? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm min ħa aktar minn promozzjoni waħda kemm ilha mwaqqfa din l-Aġenzija?

Response (BORG, IAN)

Fil-perjodu msemmi ma ngħatawx promozzjonjiet. Għalhekk, lanqas ma kien hemm min ħa aktar minn promozzjoni waħda.
Leg 13 PQ #7922 Sitting 173 2018-11-27 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ground Handling – ħaddiema full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm żdiedu l-impjegati full-time u part-time, fil-ground handling, separatament sena b'sena, fis-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017 u 2018 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #7923 Sitting 173 2018-11-27 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta — ħaddiema full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm żdiedu l-impjegati fl-Air Malta fuq bażi full-time fis-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017 u 2018 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u f'liema dipartiment tal-Air Malta? Kemm żdiedet l-ispiża għall-Air Malta, sena b'sena, biex ġew ingaġġati dawn l-impjegati fuq bażi full-time?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #7924 Sitting 173 2018-11-27 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kummissjoni Ewropea — korrispondenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk irċeviex korrispondenza mill-Kummisjoni Ewropea dwar l-Air Malta fis-snin 2016, 2017 u 2018 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jpoġġi l-istess korrispondenza u tweġibiet għaliha fuq il-Mejda tal-Kamra? (Din għandha tinkludi anke korrispondenza li rċevew Ministeri oħra u li ġew mgħoddija lill-Ministeru responsabbli politikament mil-linja tal-ajru l-Air Malta)?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern wieġeb dejjem kull mistoqsija mibgħuta mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-Air Malta. Nikkonferma li m’hemm l-ebda mistoqsijiet pendenti.

Klinika ta’ Għawdex — xogħlijiet

Question

Peress li x-xogħol fuq il-Klinika ta’ Għawdex ilu wieqaf aktar minn sena u ċ-ċentru preżenti joffri lok li mhux idoneu, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhu l-ħsieb u meta ser jitlesta x-xogħol?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jiġi ffinalizzat ix-xogħol preparatorju sabiex ikunu jistgħu jinħarġu l-permessi neċessarji mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Malta-China

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’hemm ġdid fil-Malta-China? Jista’ jqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Memorandum of Understanding bejn Malta u ċ-Ċina taħt il-qafas tal-One Belt One Road Initiative, li ġie ffirmat f’Shanghai nhar il-5 ta’ Novembru 2018, jipprovdi qafas bejn iż-żewġ pajjiżi biex isiru proġetti, investimenti u koperazzjoni f’oqsma bħall-kummerċ, is-servizzi finanzjarji u t-turiżmu. L-iskop tal-inizjattiva hu li jiġbor ftehimiet differenti u jipprovdi qafas li jagħti sinjal lill-kumpaniji Ċiniżi li, għall-Gvern Ċiniż, Malta hi pajjiż tajjeb fejn isir investiment, f’rispett għar-regoli tal-Unjoni Ewropea. Malta hi fost l-ewwel pajjiżi Ewropej li ċ-Ċina qed tiffirma miegħu dan it-tip ta’ ftehim. Il- One Belt One Road Initiative hi inizjattiva ewlenija tal-President Ċiniż Xi Jinping u dan l-iffirmar jindika tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi fil-preżent kif ukoll fil-ġejjieni. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra il-ftehim (Memorandum of Understanding).

Triq Wied Rini bejn il-Baħrija u l-iMtaħleb

Question

Peress li l-bini tal-ex Telemalta Maltacom u Maritime Radio Station u Department of Civil Aviation wireless telegraphy station f’Triq Wied Rini bejn il-Baħrija u l-iMtaħleb (Kunċizzjoni) limiti tar-Rabat, li possibilment huwa mogħti minn art tal-gvern, inbnew xi għerejjex fil-perimetru u l-garaxxijiet ta’ taħt it-triq huma okkupati wkoll, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid jekk din l-art ġietx mgħoddija lil terzi jew jekk ġietx okkupata?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet diġà għamlet l-ispezzjonijiet neċessarji fejn is-sezzjoni tal-Infurzar waħħlet notifiki mal-propjetajiet li potenzjalment qed jiġu okkupati mingħajr titlu. L-Awtorità se tkompli tieħu l-passi neċessarji fiż-żmien li ġej.

Lista’ ta’ stennija għal kull speċjalità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu ż-żmien li pazjent irid jistenna għal kull speċjalità? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ pazjenti fil-lista ta’ stennija għal kull speċjalità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika għal liema stennija qed jirreferi.

Malta Enterprise – letter of intent għall-kumpaniji għall-produzzjoni tal-kannabis għal skopijiet mediċinali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk il-kumpaniji kollha li ngħataw Letter of Intent mill-Malta Enterprise skont kif provdut f’Artikolu 4. (2b) tal-Att dwar il-Produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u ta’ Riċerka, Kap. 578? F’kull każ, jista’ jgħid ukoll fejn hi l-faċilità li minnha kull kumpanija se tkun qed topera?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise koperta bil-kunfidenzjalità imposta skont l-Artiklu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Malta Enterprise Act) u l-Artiklu 33 tal- Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Business Promotion Act) u għalhekk ma tistax telenka l-ismijiet tal-kumpaniji li huma approvati għajr dawk li huma diġà pubbliċi li jinkludu MGC Pharma; Affinity Energy & Health; Wayland; Aurora; Alvit LCS Pharma; Aphria u Columbia Care.