Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk Triq Mons. Spiru Penza f’Birżebbuġa hux se tkun qed tingħata wiċċ bl-asfalt u hemmx pjan sabiex din it-triq li sal-lum hija maqsuma f’żewġ partijiet, titniffed billi tkompli tinfetaħ kif inhu mfassal?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta bdiet proġett biex tibni t-triq indikata, li partijiet minnha qatt ma kienu saru qabel, fil-ġimgħat li għaddew. Ix-xogħol li għaddej bħalissa jinkludi t-tqegħid ta’ sistemi tad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni taħt il-livell tat-triq, il-bini ta’ bankini u tħaffir tal-materjal eżistenti sabiex jinbnew pedamenti ġodda u aktar b’saħħithom. Finalment, fuq dawn il-pedamenti, jitqiegħed il-wiċċ ġdid tat-triq b’diversi saffi ta’ asfalt.
Il-proġett jinkludi l-bini tal-partijiet tat-triq fejn diġa nbnew il-propjetajiet mal-ġnub tagħha. Infrastructure Malta tkun tista’ tkompli l-bini ta’ din it-triq biex tinfed minn naħa għall-oħra meta l-art li fuqha huwa ppjanat li ssir tiġi żviluppata mis-sidien tagħha. Meta jsir dan l-iżvilupp, is-sidien ikunu wkoll obbligati jiffurmaw id-disinn tat-triq skont livelli u pjanti deċiżi mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Infrastructure Malta ser tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha sabiex gradwalment ittejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna. Din is-sena, din l-aġenzija diġa qed tibni mill-ġdid għadd ta’ toroq arterjali, residenzjali u rurali. Ftit tal-ġimgħat ilu tħabbru wkoll l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser jinbnew mill-ġdid is-sena d-dieħla, bħala parti mill-impenn tal-Gvern li fis-snin li ġejjin ikollna qabża kbira ‘l fuq fil-kwalità tat-toroq ta’ pajjiżna, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk hemmx ippjanati xogħlijiet fis-sistema tad-drenaġġ f’Birżebbuġa u meta dawn ix-xogħlijiet huma maħsuba li jinbdew?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm xogħlijiet ippjanati biex tittejjeb is-sistema tad-drenaġġ ġewwa Birżebbuġa, liema xogħlijiet diġa bdew fl-inħawi ta’ Dawret il-Qalb Imqaddsa. B’din l-inizjattiva, mhux biss ser tissaħħaħ is-sistema biex tlaħħaq aħjar mat-tkabbir fl-ekonomija u popolazzjoni, imma ukoll ser taċċerta li l-ibħra fil-viċinanzi jkunu ta’ kwalita eċċellenti u jitnaqqas ukoll l-influss tal-ilma baħar fis-sistema tad-drenaġġ.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra meta huwa mistenni li jsir ix-xogħol ippjanat fuq is-sistema tad-drenaġġ fi Triq Valletta Ħal Kirkop?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol hu maħsub li jsir matul is-sena d-dieħla. B’din l-inizjattiva ser naċċertaw li s-sistema tad-drenaġġ ser tkopri mat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra fiex wasal il-proċess għall-għoti ta’ tenders in konnessjoni mal-proġett ta’ rijabilitazzjoni ta’ Wied Fulija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess dwar l-għoti tat-tender għax-xogħlijiet ta’ rijabilitazzjoni ta’ Wied Fulija qiegħed jiġi konkluż. It-tender ħareġ fuq is-suq fix-xhur li għaddew u l-evalwazzjoni ta’ l-offerti ġiet konkluża. Bħalissa id-Dipartiment tal-Kuntratti qiegħed jiffinalizza l-kuntratt tax-xogħol sabiex ikun jista jiġi ffirmat fil-ġranet li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jiswa kull immigrant irregolari li qiegħed f' Detention Centre lill-Gvern? Kemm huwa n-numru ta’ immigranti irregolari f’dawn iċ-Ċentri?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ispiża lill-Gvern, għal kull immigrant irregolari li qiegħed f’Detention Centre, hija kif tidher hawn taħt:
Ikel* (Kolazzjon, Ikla ta’ nofsinhar u Pranzu) Total €6.20
Bżonnjiet sanitarji* (Sapun, karta iġenika eċċ) Total €2.24
Total Finali €8.44/kull persuna kuljum
Spejjeż oħra :
· Servizzi tat-telefon (permezz ta’ tessera)
· Ilma u elettriku
· Televiżjoni
· Għamara (inklużi saqqijiet, imħaded, kutri, eċċ...)
· Xogħol ta’ manutenzjoni
· Ħwejjeġ (inklużi deterġenti, eċċ...)
· Trasport (inkluż manutenzjoni u fjuwil)
· Impjegati (Uffiċjali biex jassistu u jeskortaw id-detenuti)
· Servizzi Mediċi
· Servizzi ta’ infermieri
·
Skips
·
Pest Control
· Servizzi ta’ tindif
· Tagħmir (CCTVs, Radju biex tikkomunika,
boilers
tal-ilma eċċ..)
Kalkulazzjoni*:
Ikel (Kolazzjon €1.48, Ikla ta’ nofsinhar €1.83 u Pranzu €2.89) inkluż VAT
· It-
tender
rigward l-ikel inħareġ fl-2008 u l-kuntratt ġie ffirmat fl-2010.
· Bżonnijiet sanitarji (Sapun €0.60, Xampù €1.50, Karta Iġenika €0.14) inkluż VAT
Bħalissa ġewwa ċ-ċentru ta' Detenzjoni f’Ħal Safi għandna tnax (12)-il detenut.
Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali – one stop shop
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u min jieħu ħsiebhom għandhomx is-servizz ta’ one-stop-shop għas-servizzi kollha li jingħataw f’dan il-qasam?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għalkemm m’għandniex servizz ta’ one stop shop preżentament, dan is servizz qed jingħata minn ġewwa l-kliniċi tas-saħħa mentali li Mental Health Malta għandha fil-komunita’ fejn is-service user jiġi moqdi ħolistikament, eżempju: jimtlew l- applikazzjonijiet kollha għal servizzi li hemm bħonn bħal POYC, Rehab Day Centres, Befriending scheme, servizzi tal-fiżjoterapija u Occupational Therapy u saħansitra tingħata informazzjoni fejn wieħed jista’ jieħu servizz ta’ NGOs li jkun relatat ma Saħħa Mentali.
Kunsilli Lokali – applikazzjoni għall-Fondi Ewropej
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-fuljett li ntbagħat lill-Kunsilli Lokali sabiex ikun aktar faċli għalihom li japplikaw għall-Fondi Ewropej? Liema huma dawk il-kunsilli lokali li f’dawn l-aħħar tliet snin ibbenefikaw minn Fondi Ewropej?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li sabu impjieg bl-għajnuna tal-Proġett LEAP f’dawn l-aħħar tliet snin? X’tip ta’ xogħol instabilhom dawn il-persuni?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-linji gwida li qed josservaw il-pulizija f’każijiet ta’ vjolenza domestika? X’taħriġ qed jingħataw il-pulizija dwar il-vjolenza domestika?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-linji gwida li qed josservaw il-pulizija f’każijiet ta’ vjolenza domestika huma dawk li jingħataw lilhom minn żmien għal żmien permezz ta’ ċirkularitajiet interni. Dan ilu jsir għal aktar minn għaxar snin, bl-aħħar waħda maħruga fid-9 ta’ Ottubru 2018. Minħabba s-sensitività ta’ dawn il-każi u fl-interess tal-vittmi, mhux opportun li dawn ikunu ppubblikati. Infurmat illi l-pulizija qed jingħataw taħriġ dwar il-vjolenza domestika waqt il-kors ta’ reklutaġġ tagħhom, kif ukoll permezz ta’ taħriġ speċifiku għall-Pulizija li diġà stazzjonati fid-Distretti u xi Sezzjonijiet oħra tal-Korp. It-taħriġ jinkludi struzzjonijiet minn uffiċjali tal-korp konxji ta’ kif jittrattaw dawn ir-reati, kif ukoll minn esperti fil-qasam relattiv mid-Dipartment tas-Saħħa. Dan it-taħriġ iwassal biex l-uffiċjali konċernati jkunu konxji tan-neċessitajiet tal-vittmi ta’ reati ta’ vjolenza domestika biex jittrattaw dawn il-każijiet bl-aħjar mod, u aktar jingħataw tagħrif dwar fejn u xħin l-assistenza ta’ aġenziji professjonali għandha tintalab, fost proċessi oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7248 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kien l-ammont ta' flus li daħlu mill-eco-tax tat-turiżmu? Jista' jagħti break down tal-lokalitajiet minn fejn inġabret din it-taxxa u l-ammont li nġabar minn kull lokalità?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn meta bdiet l-Eco Tax tat-Turiżmu s’issa, inġabru Euro 5,660,415.02.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni ma tinġabarx kif mitluba, jiġifieri, skont il-lokalitajiet.
Kunsilli Lokali – skema ta’ restawr maħruġa fl-2017
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7552, fejn il-Ministru kien mitlub biex jagħti tagħrif dwar liema kienu il-kunsilli lokali li applikaw għall-iskema ta' restawr li ħarġet matul l-2017 u kif ukoll kien mitlub jgħid:
a. liema mit-talbiet li saru fil-fatt ġew approvati;
b. liema mill-proposti approvati fil-fatt saru; u
c. liema kienu dawk li ma sarux u r-raġuni għaliex ma sarux?
u fejn fit-tweġiba tiegħu l-Ministru ta informazzjoni dwar liema proġetti kien għaddej xogħol fuqhom flimkien ma' lista tal-applikazzjonijiet sottomessi u lista oħra dwar l-applikazzjonijiet li ġew approvati, jista' l-Ministru jgħid:
1. jekk ix-xogħol fuq il-proposti, li fit-tweġiba ngħad li kien għaddej xogħol fuqhom, jekk dan ix-xogħol tlestiex; u
2. x'kienet ir-raġuni li wasslet biex it-18-il applikazzjoni l-oħra ma jiġux approvati?
Response (BONNICI, OWEN)
It-tabella bl-informazzjoni mitluba li taġġorna anke l-informazzjoni li tajt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7552 tinsab hawn taħt.
F’konformita mal-programm ta’ xogħlijiet oriġinali, ix-xogħol fuq il-proġetti ta’ Ħal Safi, tas-Siġġiewi u ta’ Ħal Għagħur għadu għaddej. Mindu ngħatat it-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7552, inbeda wkoll ix-xogħol ta’ restawr fuq in-niċċa tal-Madonna tal-Karmnu f’Raħal Ġdid, kif ukoll inħareġ il-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar għar-restawr tal-Ħajt tal-Matla fl-Imqabba. Dawn il-proġetti kollha huma mistennija li jitlestew fl-ewwel xhur tal-2019.
Intant, kif anke spejgat fil-linji gwida li nħarġu lill-Kunsilli Lokali mas-sejħa tal-appilkazzjoni, in-numru ta’ proġetti li jintgħażlu ta’ kull sena huwa impost minn numru ta’ proġetti li d-Direttorat tar-Restawr ikun jista’ jwettaq bir-riżorsi umani tiegħu.
Kunsill Lokali ApplikazzjoniApprovedProgress tax-xogħol
Il-Belt Valletta (Città Umilissima)44 Nicca
Il-Birgu (Città Vittoriosa)Auberge de France
L-Isla (Città Senglea)Mina tal-Porto Salvu
Is-Siġġiewi (Città Ferdinand)Chapel dedicated to the beheading of St. JohnApprovedXogħol għaddej
Iż-¯ejtun (Città Beland)Ċentru Għall-Arti u Artiġjanat, Triq San Girgor
Ħ'AttardKappella ta' Sant' Anna, Triq il-Pjazetta
FguraKnisja l-Qadima
Ħal GħargħurSt. John the Baptist Chapel and adjoning sacristryApprovedXogħol għaddej
Ħal GħaxaqStatue of St. Mary in Għaxaq Square
Il-KalkaraSan Salvatore Chapel
Ħal LuqaWayside Chapel, Parish Square
MarsaxlokkTorri Vendome
Il-MellieħaOld Manikata Church
L-ImqabbaĦajt tal-MatlaApprovedInħareg il-permess
Paola4 Nicec ApprovedInbeda x-xogħol
PembrokePembroke Battery
Ħal SafiParish Centre ApprovedXogħol għaddej
San ĠiljanPalazzo Spinola (exterior)
San ĠwannKappella tal-Għargħar
San Pawl il-BaħarKnisja tal-ĦgejjegApprovedApplikazzjoni irtirata mill-KL
Santa VeneraFormer Santa Venera Parish Church
Is-SwieqiTa' Stronka Area, Madliena Fort
Ta' XbiexMonument tar-Repubblika
Ix-XgħajraIl-Batterija delle Grazie
L-ImtarfaCoat of arms, Triq San David
Ministeru għat-Turiżmu – għajnuna lil stabbiliment
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm fondi, sponsorships jew għajnuna mod ieħor, li l-Ministeru tiegħu, inkluż il-Malta Tourism Authority, tat l-istabbilimenti li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-2013 ‘l hawn, maqsuma sena b’sena?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tagħti support lil diversi attivitajiet skont il-kriterji stabbiliti minnha. L-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali u għaldaqstant ma tistax tingħata.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – event organisation for promotional and communications realted events — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2383 u jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal event organisation for promotional and communications related events, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tagħrif speċifiku mitlub, diffiċli li jinġabar mingħajr ma jinvolvi spejjeż oħrajn li mhumiex relatati.
L-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili tinvolvi wkoll xogħol u materjali li spiss jintużaw aktar minn darba f’attivitajiet simili, bħal pereżempju kif inhu l-każ f’kampanji li jtulu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ konvenji li ġew reġistrati kull sena għas-snin 2012 sa 2018, sena b’sena, sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? X’kien it-total tal-valur dikjarat tal-konvenji għal kull sena?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ konvenji li ġew reġistrati kull sena u t-total tal-valur dikjarat għas-snin 2012 sal-14 ta’ Novembru 2018, sena b’sena hu kif se jingħad fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra mmarkata Dok “A”.
Fid-dawl tar-risposta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea proprju llum għall-mistoqsija tal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa, 13 ta’ Ġunju 2018, jista’ l-Ministru jgħid jekk għadux isostni li l-emendi proposti minn din in-naħa biex jipproteġu lill-ġurnalisti Maltin minn kawżi SLAPP ma setgħux jiġu introdotti u jekk le, meta biħsiebu l-Ministru jintroduċi l-emendi ħalli mill-aktar fis, tingħata protezzjoni xierqa lill-media kif del resto ilu jgħid il-Gvern li għandu jkun hemm?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-Gvern kien ħa l-pariri tiegħu sabiex janalizza l-emendi proposti u dan sabiex jara l-kompatibilità tal-istess kemm mal-obbligi Kostituzzjonali kif ukoll mal-liġi Ewropea. Min analiżi tal-emendi jinżel biċ-ċar li dawn l-emendi jagħmlu interferenza mat-tħaddim tal-Brussels I recast Regulation. Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huwa prekluż milli jintroduċi liġijiet li jkunu f’kunflitt mal-Liġi Ewropea. Jingħad ukoll li l-provvedimenti li jaħseb għalihom il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap. 12 tal-Liġijiet ta’ Malta) diġà jipproteġi persuni li jkunu Malta u li jiġu mtiffxa fi Qrati ta’ Stati barra l-Unjoni Ewropea fejn dawn il-persuni la jkunu residenti u lanqas domiċiljati fihom mill-infurzar ta’ deċiżjonijiet mogħtija mill-Qrati ta’ Stati terzi u dan meta tali persuni ma jkunux issottomettew ruħhom għall-ġurisdizzjoni ta’ tali Qrati ta’ Stati terzi.
Illi jekk wieħed janalizza t-tweġiba tas-Sinjura Jourova f’isem il-Kummissjoni Ewropeja wieħed jasal għall-konkluzjoni li dak li ntqal mill-istess Sinjura Jourova kien li spjegat il-liġijiet viġenti tal-Unjoni Ewropea liema tweġiba tirrifletti l-analiżi li kienet saret mill-esperti li taw il-parir lill-Gvern fuq l-emendi proposti.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3076 u ċjoe: Jista’ l-Ministru jelenka liema direct orders ingħataw u l-ħlas rispettiv għalihom, minn kull entità li għaliha huwa responsabbli matul l-2017, xahar b’xahar separatament?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qiegħda ppublikata fil-Gazzetta tal-Gvern kif mitlub mill-Public Procurement Regulations.
Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — facebook – nefqa fuq reklamar
Question
Jista' l-Ministru jgħid, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook xahar b'xahar, mit-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima -nefqa fuq reklamar fuq Facebook
Question
Jista' l-Ministru jgħid, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook xahar b'xahar, mit-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.