B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7433, tista' l-Ministru tpoġġi kopja tas-site plan u kopja tal-pjanti ppreżentati mal-applikazzjoni li saret mill-Awtorità tal-Ippjanar
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ser issir preżentazzjoni pubblika tal-proġett skont kif skedat fil-pjan ta’ ħidma tal-Ministeru.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7436 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7209, jista’ l-Ministru jgħid, fil-proġett ta’ twessigħ ta’ toroq fejn tali proġetti bdew mill-Ministeru rispettiv (mil-aħħar elezzjoni ġenerali sal-lum);
a. kemm-il biċċa raba’ ġiet mittiefsa bħala numru f’kull triq li qed tiġi mwessgħa minn dan il-Ministeru;
b. ma’ min ikkonsulta għal kull biċċa art jew raba’ li qed tiġi mittiefsa;
c. x’kontribut finanzjarju Transport Malta jew il-Ministeru spiċċa ħallas bħala kumpens għal kull biċċa art li qed tiġi mittiefsa u meħuda bil-proġett ta’ twessigħ ta’ toroq li qed jagħmel dan il-Ministeru?
Response (BORG, IAN)
Il-ħidma sabiex titjieb il-kwalità, l-effiċċjenza, is-sostenibilità u s-sigurtà tat-toroq tiġi ppjanata bir-reqqa sabiex l-impatti fuq l-ambjent tal-inħawi jkunu mnaqqsa kemm jista’ jkun.
It-teħied ta’ aktar art għall-użu tat-toroq jitqies biss meta d-disinn tat-triq eżistenti jkun jeħtiġilha tinbidel jew titwessa sabiex tiżdied il-kapaċità u tilħaq il-ħtiġijiet tal-lum u tal-futur, sabiex jonqsu r-riskji ta’ aċċidenti jew sabiex jonqsu l-emissjonijiet tal-arja u l-istorbju kkawżati meta xi arterja ma tibqax tlaħħaq mad-domanda u jkun hemm problemi ta’ konġestjoni.
F’sitwazzjonijiet bħal dawn, Infrastructure Malta tikkonsulta l-awtoritajiet tal-ippjanar, tal-artijiet u tal-ambjent konċernati, kif ukoll is-sidien tal-art meħtieġa, jew l-inkwilini f’każ ta’ artijiet tal-Gvern mikrija. Id-deċiżjoni dwar il-ħlas li jitħallas f’każ ta’ espropriazzjoni ta’ art privata tittieħed mill-Awtorità tal-Artijiet.
Fil-perjodu indikat, Transport Malta u Infrastructure Malta kienu jeħtieġu li jiġu esproprijati xi artijiet, jew li jiġu terminati kirjiet ta’ artijiet diġa tal-Gvern, u li seta’ kellhom użu agrikolu f’dawn it-toroq li ġejjin.
Birkirkara
Triq Dun Karm Psaila
Hemsija
Ħruġ ġdid minn Ta’ Qali (inħawi Tal-Ħemsija)
Luqa
Triq L-Avjazzjoni, Luqa
Marsa
Titjib ta’ Triq Aldo Moro, Triq Dicembru Tlettax u l-Marsa-Hamrun Bypass fl-inħawi tal-fabbrika tas-sulfarini
Marsa
Marsa Junction Project
Mellieha
Triq ir-Ramla, Mellieha
Mellieha
Triq Louis Wettinger
Naxxar-San Gwann
Triq Tal-Balal
Naxxar
Telgha t'Alla w'Ommu
Qormi
Triq Manwel Dimech
Tarxien
Triq Hal-Tarxien kantuniera ma’ Triq Tal-Barrani
Tagħrif dwar kemm Transport Malta u Infrastructure Malta ser iħallsu għall-artijiet esproprijati jkunu magħrufa meta jintemmu l-proċeduri applikabbli mill-Awtorità tal-Artijiet.
Il-Mosta — Żona ta' Żokrija - Triq il-Biedja u Triq Mons. Edgar Salamone - bini ta' ħitan
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex f'Triq il-Biejda u Triq Mons. Edgar Salamone fil-Mosta fiż-żona magħrufa ta' Żokrija jara li jinbnew il-ħitan man-naħa tal-għelieqi f'toroq li meta nbnew dawn it-toroq qatt ma kienu nbnew il-ħitan li qed nitlob li jinbnew; l-aktar ħtieġa li qed tinħass mir-residenti tat-toroq rispettivi sabiex bil-ħitan jkunu formatti aħjar u jibqgħu miżmuma aktar nodfa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-entità kompetenti responsabbli mit-tiswijiet u l-manutenzjoni ta’ din it-triq hija l-kunsill lokali tal-lokalitá konċernata. Infrastructure Malta infurmat lill-kunsill lokali konċernat sabiex iqisu dan l-ilment u jikkunsidraw l-interventi meħtieġa.
Sadanittant, Infrastructure Malta, l-aġenzija nazzjonali inkarigata mill-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq f’Malta, qed taħdem fuq investiment bla preċedent ta’ €700 miljun sabiex fis-snin li ġejjin gradwalment tirranġa u tibni mill-ġdid it-toroq f’kull lokalità. Fil-fatt, diġa tħabbru l-ewwel 120 mill-lista ta’ toroq li ser ikunu qed jinbnew mill-ġdid fl-2019. Aktar toroq li ser jitranġaw fl-istess sena jitħabbru fiż-żmien li ġej.
Il-Mosta — Żona Ta' Żokrija - Triq il-Biedja u Triq Mons. Edgar Salamone - bini ta' ħitan
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex f'Triq il-Biedja u Triq Mons. Edgar Salamone fil-Mosta fiż-żona magħrufa Ta' Żokrija, jinbnew il-ħitan ma' naħa tal-għelieqi f'toroq li meta twessgħu qatt ma kienu nbnew il-ħitan li kellhom?
Response (BORG, IAN)
Nirreferu għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 8016 tal-istess Seduta.
B’referenza għal rapporti ġurnalistiki fl-istampa Libjana u Maltija speċifikament fil-pubblikazzjoni Libyan Observer li jirreferu għal żjara tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fi Tripli fejn introduċa lilu nnifsu bħala Projects Director fil-Ministeru għas-Saħħa, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk dan l-individwu huwiex impjegat mal-Ministeru tas-Saħħa bħala Projects Director? Jista’ jgħid jekk dan l-individwu attendiex laqgħat fi Tripli mal-amministrazzjoni bbażata fil-Punent tal-Libja bħala Projects Co-Ordinator u jekk kenux diskussi temi ta’ interess komuni bejn Malta u l-Libja waqt dawn il-laqgħat fis-settur tas-saħħa, hekk kif sostna dan l-istess individwu f’dawn l-istess rapporti li dehru fil-Libyan Observer?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-individwu msemmi minnu m’huwiex parti mis-segretarjat tal-Ministru għas-Saħħa u ma kienx qed jirrappreżenta l-Ministeru għas-Saħħa fi Tripoli.
Tfal bi problemi psychosocial li jiġu minn barra xtutna
Question
B’referenza għat-tfal li jbatu minn problemi psychosocial li jiġu minn barra xtutna taħt il-kustodja ta’ diversi familji Maltin skont arranġamenti Ewropej, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar din l-iskema? Jsita’ jgħid kemm hu n-numru ta’ minuri li jiġu Malta? Jista’ jgħid fuq liema kriterji jintgħażlu l-familji kustodji? Jista’ jgħid x’moniteraġġ isir u minn min? Xi kwalifikazzjoni għandhom il-professjonisti li jieħdu ħsieb? Ġieli ġew tfal Malta taħt Article 56 Brussels 2 biss, mingħajr il-kunsens tal-Awtorità Maltija? Kemm ser joħroġ flus il-Gvern Malti apparti min-nefqa tal-Ewropa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpelant illi, dawn l-interventi jsiru taħt Artiklu 56 tar-Regolament Ewropew numru 2201/2003.
Tajjeb illi wieħed isemmi, li dawn it-tfal msemmija ma jkunux taħt il-kustodja ta' familji Maltin, iżda jkunu mqiegħda ma' persuni identifikati mill-pajjiż minn fejn ikunu ġejjin it-tfal.
Ta' min wieħed jinnota li, jekk dawn il-kuraturi tat-tfal jkunu qed jaġixxu ta' foster carers, dawn iridu jkunu qed jimxu mal-Att tal-Fostering skont il-Liġijiet ta' Malta. Filwaqt illi, jekk dawn ser ikunu qed joperaw bħala providituri tas-servizz, jiġu regolati u monitorati mill- Awtorita` ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali.
Barra minn dan, sa mit-twaqqif tal-Awtorita` ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali, kien hemm applikazzjoni waħda, li ma gietx aċċetata għax ma kinitx tissodisfa il-liġijiet lokali.
B’referenza għax-xogħol li qed jitwettaq fiċ-ċentru l-ġdid The Meeting Place tal-Marsa, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-istima tal-proġett? Jista’ jgħid kemm kienu l-fondiERDF tiegħu? Kemm fil-fatt ser jintefaq? Jista’ jgħid liema entità ħadet ħsieb ix-xogħol u min rebaħ din l-offerta? Jista’ jgħid meta ser jitlesta? Min ser jieħu ħsieb l-operat ta’ dan iċ-ċentru?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpelant illi, l-istima tal-proġett skont l-applikazzjoni għall-fondi tal-ERDF, kienet €846,186 (VAT eskluż). Matul l-implimentazzjoni tal-istess proġett, is-somma allokata għal dan il-proġett żdiedet għal € 1,121,358 (VAT eskluż).
Dan il-proġett jaqa’ taħt il-Ministeru li jiena responsabbli minnu. Ix-xogħol fuq dan il-proġett sar minn BAVA Holdings Ltd, wara li ħarġet sejħa għall-offerti, skont ir-regolamenti tal-procurement.
Dan il-proġett qiegħed propju fl-aħħar fażi tiegħu. It-tmexxija ta’ dan iċ-Ċentru, wara li jkun inawgurat, ser ikun f’idejn kumitat appuntat mill-Ministeru responsabbli, skont kif kien imfassal u elenkat fl-applikazzjoni li biha ġew miksuba l-fondi tal-ERDF.
Ħaż-Żebbuġ – Triq Luret Cutajar – Outline Development Permit
Question
B’referenza għal-Outline Development Permit ta’ Triq Luret Cutajar Ħaż-Żebbuġ li ġie sottomess f’Ġunju 2018, liema sit hu madwar 5,294m kwadru li jidher li jikkonsisti f’disa’ warehouses, u li din iż-żona hija mifnija bi problemi soċjali u kummerċjali, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju waslet din l-applikazzjoni u jekk humiex qed isiru xi azzjonijiet min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar meta nafu n-natura tal-art in kwistjoni u l-isfidi li għandha din iż-żona semi-industrijali?
Response (BORG, IAN)
L-Onor Interpellant qiegħed jiġi nfurmat illi l-Outline Development Permit Application li qiegħed jagħmel referenza għaliha qegħdha fi stadju ta’ kosultazzjoni. L-Art in kwistjoni tinsab barra iż-żona tal-iżvilupp u għalhekk il-Policies li jirregolaw it-tali żoni japplikaw.
B’referenza għall-applikazzjoni PA 09506/18 dwar biex biċċa art protetta (għelieqi) magħrufa bħala “Tal-Veccia” biex tiġi żviluppata f’garaxxijiet, fejn din l-art għandha karattru pittoresk li jikkumplimenta mas-sbuħija ambjentali tal-bajja, liema żvilupp ser jirvina l-ambjent tal-kosta u jċaħħad lill-għadd ta’ familji milli jgawdu l-bajja f’ambjent miftuħ, sigur u kwiet, kif ukoll għax din hi parti integrali mill-ambjent tal-bajja magħrufa bħala tal-Għar tal-Veccia li hija protetta bil-pjan lokali NWSP12, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħadet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar dan il-każ? Jista’ jgħid jekk l-ERA oġġezzjonatx?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qed toġġezzjona għall-iżvilupp kif propost, u qed tirrakkomanda li l-iżvilupp ikun limitat għall-parti tas-sit li hija diġa’ mibnija.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7560, jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-talbiet għas-Servizz ta’ Emerġenza 112 ma jiġux reġistrati tajjeb skont is-sejħa/talba tal-klijenti (eż: każijiet ta’ suwiċidju, vjolenza domestika, eċċ) bħalma jsir fis-sejħiet li jsiru fis-Servizz tas- Supportline?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li bħalissa minħabba restrizzjonijiet ta’ klassifikazzjoni, skont it-tieni livell tal-unitajiet ta’ Emerġenza (Protezzjoni Ċivili, Pulizija, Ambulanzi u l-Forzi Armati ta’ Malta), is-Servizz ta’ Emerġenza 112 ma jiġux reġistrati skont is-sejħa/talba tal-klijenti imma għal liema unità hija diretta. Madankollu ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed isiru arranġamenti biex sistemi li huma taħt il-kompetenza ta’ kull entità tat-tieni livell ikunu integrati mas-sistema preżenti.
Dwejra Għawdex – Inland Sea — Rifjut ta’ permessi għal ftuħ ta’ ħwienet tal-artiġjanat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li, għalkemm il-Kunsill Lokali tal-Munxar ma’ jsib l-ebda oġġezzjoni, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) rrifjutat li tagħti permess lill-applikanti mal-Awtorità tal-Ippjanar għall-ftuħ ta’ ħwienet li jbiegħu oġġetti ta’ artiġjanat Malti fl-imħażen li hemm l-Inland Sea fil-bajja tad-Dwejra, limiti ta’ San Lawrenz, Għawdex u dan meta ngħataw permessi għal diversi attivitajiet kummerċjali fl-istess akkwati?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ma toħroġx permessi għal ħwienet li jbiegħu souvernirs, iżda hija konsultata mill-Awtorità tal-Ipjannar fuq applikazzjonijiet ta’ żvilupp bħal ħafna stakeholders oħra.
Kunsill Lokali tas-Sliema – pjanijiet għal Triq ix-Xatt
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Kunsill Lokali ta’ tas-Sliema għal Triq ix-Xatt fil-parti ta’ bejn Triq Santa Rita u Triq Ċensu Xerri? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe pjanta relevanti li għandu fil-pussess tiegħu l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema li fl-inħawi li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant il-Kunsill Lokali għandu pjanijiet li tinbena latrina pubblika moderna, li magħha, jista’ ukoll jiġi inkluz Tourist Information Office.
Il-Kunsill Lokali diġa applika għal din il-latrina mal-Awtorita’ tal-Ippjanar skond PA 5017/18. Wara li jinħareg dan il-permess, jinbeda il-proċess ta’ akkwist ta’ fondi u procurement.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti relevant.
Attachments:8032 04 - Proposed Elevations of Public Toilets (Option 2).pdf8032 04 - Proposed Elevations of public toilets.pdf8032 02 - Proposed Block Plan.pdf8032 03 - Proposed Part Block Plan and Sections.pdf8032 04 - Proposed Elevations of Public Toilets (Option 1).pdf
Laqgħa Kunsill Ewropew – Multi Annual Framework 2021-2027 — impatt fuq Malta u l-Unjoni Ewropea
Question
Wara l-Istqarrija Ministerjali li ndirizza l-Prim Ministru, dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, li sar nhar il-Ħadd 25 ta’ Novembru 2018, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhu l-impatt li qiegħed jistenna li jitħalla fuq Malta u l-Unjoni Ewropea, hekk kif ir-Renju Unit mhix mistennija li tikkontribwixxi fil-Multi Annual Financial Framework 2021-2027?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Wara t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, l-UE se titlef wieħed mill-ikbar kontributuri għall-baġit Ewropew. Dan se jkun qed iħalli effett fuq il-Multi-Annual Financial Framework tal-2021-2027, li jrid jiffinanzja aktar prijoritajiet politiċi b’inqas flus. Madanakollu n-negozjati għadhom f’fażi bikrija u għalissa wieħed ma jistax jikkwantifika l-impatt eżatt li se jkun hemm fuq Malta. Il-Gvern se jibqa’ jinsisti li l-fondi li tul dawn l-aħħar snin kienu kruċjali, bħal dawk ta’ Koeżjoni, għandhom jibqgħu jingħataw prijorita’.
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex ix-xogħol fi Triq l-Imġarr fin-Nadur għadu ma bediex u dan minkejja Press Conference li saret kważi tliet xhur ilu fejn tħabbar li kellu jibda x-xogħol? Tista’ tgħid jekk sadanittant wara dik il-Press Conference ċedietx parti mit-triq imsemmija, peress li din hija magħluqa? Meta mistennija tinfetaħ għat-traffiku din it-triq?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa għaddej ix-xogħol fuq ir-rerouting tas-servizzi flimkien ma’ iktar analiżi fuq it-terren tat-triq u tal-madwar minħabba sfidi ġeoloġiċi li rriżultaw wara li sar l-ewwel ‘coring’ fit-triq. Ix-xogħol ta’ taħmil ser jibda’ f’Diċembru. Dan huwa xogħol maġġuri u mhux sempliċement tqaxxir tal-wiċċ u asfaltar. Iridu jiġu ndirizzati wkoll problemi li rriżultaw minħabba snin twal ta’ nuqqas ta’ azzjoni mill-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista u xogħol maġġuri f’din it-triq.
Ministeru għal Għawdex – xiri ta’ karozzi, vetturi u makkinarju ġdid
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm inxtraw karozzi ġodda, vetturi ġodda u makkinarju ieħor mid-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha minn Marzu 2013 sal-lum? Fil-każ ta’ karozzi ġodda, x’kien il-mudell ta’ kull karozza li nxtrat u kemm kienet tiswa kull karozza? Minn min intużat jew qed tintuża kull karozza minn dawk li nxtraw wara Marzu 2013?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 5898 u ċjoè: Tista' l-Ministru tagħti rendikont tad-dħul u l-ħruġ tal-attività Gozo Alive li saret f’Għawdex bejn it-18 u l-20 ta' Mejju 2018? Tista’ tgħid kemm ingħataw Direct Orders għal din l-attività u lil min ingħataw, kif ukoll kemm kien il-valur u għal xiex kienu dawn id-Direct Orders? Tista' tgħid kemm xogħol jew servizzi f’din l-attività saru wara talba għall-quotations u tgħid lil min ingħata dan ix-xogħol u x'tip ta' xogħol jew servizz ingħata wara talba għall-quotations?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 5898.
Construction and Maintenance Unit u Direttorat għall-Proġetti u Żvilupp – użu ta concrete mesh u rods
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm intużaw concrete mesh u rods mill-Construction and Maintenance Unit u mid-Direttorat għall-Proġetti u Żvilupp minn Jannar 2018 sal-lum? Fuq liema proġetti ntużaw u kemm intużaw fuq kull proġett? Tista’ tgħid min kienet il-persuna li ordnat il-concrete mesh u rods fuq kull proġett u min kienet il-persuna li ċċertifikat li ntuża dan l-ammont?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija stazzjonati f’Għawdex, x’inhu l-grad tagħhom u f’liema taqsimiet huma stazzjonati? Jista’ jgħid kemm hemm Għasses tal-Pulizija f’Għawdex u f’kemm-il għassa hemm sistema ta’ computer konnessa mas-Sistema Ċentrali tal-Korp?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li ġewwa Għawdex l-ammont ta’ pulizija stazzjonati f’dan id-Distrett hu ta’ mija u disgħa u għoxrin (129) membru li huma mqassmin kif jidher fit-tabella t’hawn taħt, li barra li turi x’inhu l-grad tagħhom turi wkoll it-taqsimiet fejn huma stazzjonati.
Fizzjali : 3
Maġġur : 1
Surġenti : 18
Kuntistabbli : 99
Kuntistabbli ta’ Riserva : 8
Għawdex hemm sbatax (17)-il għassa li huma fir-Rabat – l-Imġarr – ix-Xagħra – in-Nadur – Marsalforn – ix-Xewkija – l-Għarb – is-Sannat – ix-Xlendi – Kerċem – Għajnsielem – il-Qala - San Lawrenz – iż-Żebbuġ – Għasri – il-Munxar u waħda Kemmuna li tifforma parti minn dan id-distrett.
Infurmat illi fl-ghases tar-Rabat, in-Nadur u l-Imġarr kif ukoll fil-Marina hemm is-sistema ta’
computer
konnessa mas-Sistema Ċentrali tal-Korp (NPS). Fir-Rabat is-sistema tinkludi l-uffiċini, il-
garage
tal-Pulizija u t-Taqsima Forensika. Qabel it-tmiem ta’ din is-sena ser ikun hemm is-sistema fl-għases ta’ Marsalforn, ix-Xagħra, ix-Xlendi u x-Xewkija. Fil-bidu tas-sena 2019 ser ikun hemm is-sistema fl-għassa ta’ Kemmuna wkoll.
Jista' l-Ministru jgħid, mill-aħħar elezzjoni sal-lum, xi proġetti saru ta' twessigħ ta' toroq mill-Ministeru tiegħu? Jista' jgħaddi l-informazzjoni dwar ix-xogħol li sar f'twessigħ ta' toroq f'Malta u f'Għawdex?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk huwiex maħsub li jinħarġu skemi biex is-sidien ta’ djar residenzjali soġġetti għal ċens temporanju a favur il-Gvern jew lill-uffiċċju konġunt, ikunu jistgħu jifdu dan iċ-ċens?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħsieb tal-Gvern jibqa’ dak li ngħinu kemm nistgħu persuni jsiru sidien ta’ darhom. Filwaqt li diġa’ ninsabu avvanzati ferm biex dawk li jgħixu fi djar b’ċens li skada jew ser jiskadi jkollhom is-serħan il-moħħ meħtieġ permezz ta’ ħruġ ta’ skema li tindirizza dan, l-Awtorita’ tal-Artijiet tinsab impenjata tevalwa l-possibiltajiet kollha, inkluż l-impatt anke fuq is-suq tal-propjeta’ u l-istock tal-propjeta’ tal-Gvern ġaladarba jinħarġu skemi li jagħtu l-opportunita’ tal-fidi ta’ ċnus temporanji residenzjali.