Legislature:
Category:
Reset
Active:

ARMS – Chief Executive Officer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huwa ċ-Chief Executive Officer tal-ARMS bħalissa? Jista’ jikkonferma li l-ex CEO tal-ARMS li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament irriżenja? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt il-ġdid tas-CEO l-ġdid u l-kuntratt tas-CEO ta’ qablu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-CEO kurrenti tal-ARMS ltd. huwa s-Sur Silvio Scerri. Nikkonferma li l-ex CEO irreżenja mill-kariga. Fir-rigward tal-kuntratti tas-CEO’s, dawn huma kollha simili u l-informazzjoni kontenuta fl-imsemmija kuntratti ma tistax tiġi żvelata u dan skont il-kundizzjonijiet li jinsabu fl-istess kuntratt. Infakkar li l-ARMS hija kumpanija privata.

ARMS — Kawża l-Qorti – azzjoni kontra xhud

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ħa jew beħsiebu jieħu wara li xhud bil-ġurament fil-Qorti, “Cordina Darren kontra l-ARMS” qal: “Dan (b’referenza ċara għal uffiċjal tal-ARMS) kien qalilna mill-ewwel araw kemm tridu flus ħalli din il-kawża naqtgħulha rasha”?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab persważ li l-Onor. Interpellant jaf li hemm kawża li għadha sub-judice.

ARMS – flus miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn qed imorru l-flus li qed tiġbor l-ARMS? Jista’ jgħid x’qed isir bihom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-flus miġbura mill-Kumpanija ARMS Ltd imorru għand l-Enemalta plc u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Water Services Corporation – ħela tal-ilma

Question

Issa li nistgħu nsegwu l-konsum tal-ilma siegħa b’siegħa, jista’ l-Ministru jgħid x’qed tagħmel il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fejn jidħol il-ħela tal-ilma? Jista’ l-Ministru jippreżenta lil din il-Kamra l-aħħar rendikont fejn jidħol il-moniteraġġ tal-ħela tal-ilma għall-unitajiet domestiċi f’Malta u Għawdex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kull ġimgħatejn toħroġ rapport mill-informazzjoni li qed tiġi trażmessa bl-ismart meters, li minnu kull inkwilin li jkollu ħela ta’ ilma sostanzjali jiġi infurmat permezz ta’ ittra li tintbgħat fl-indirzz li fuqu jkun reġistrat dak l-inkwilin biex jirċievi l-kontijiet. Apparti dan il-Korporazzjoni għanda sistema ‘online’ biex il-konsumaturi jaraw u jagħmlu ‘monitoring’ tal-konsum tagħhom mill-kumdita ta’ djarhom. Kuntrarju ta’ dak li nsinwa l-Onor. Interpellant fil-Parlament fit-2 ta’ Novembru 2018, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fis-sena 2018 bagħtet rekord ta’ ittri lill-klijenti tagħha minn meta dawn l-ittri bdew jintbagħtu fis-sena 2013.

Bdil tal-mains tad-dawl u ilma fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fit-toroq li qed tirranġa Transport Malta, qed jinbidlu l-mains tal-ilma u tad-dawl? Jista’ jgħid jekk il-mains tbiddlux fil-bypass tal-Mellieħa meta kienet qed tiġi rranġata? Jista’ jgħid jekk tbiddlux il-mains meta saret it-triq tal-Buskett? Jekk ma ġewx mibdula, għalfejn ma sarx hekk qabel ingħata t-tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li kull meta jsir xogħol tat-toroq, l-entità konċernata tiġi mogħtija BOQ (bill of quantities) ta’ xogħol skont il-bżonn. Dan ix-xogħol isir mill-kuntrattur li jkun ser jagħmel it-triq. Barra minn hekk, il-mains fil-bypass tal-Mellieħa nbiddlu.

Wires tad-dawl mgħoddija minn taħt l-art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-wegħda tal-Partit Laburista li l-wajers tad-dawl fit-toroq jingħaddu kollha minn taħt l-art? Jekk il-gvern se jimxi ma’ din il-wegħda, fejn waslet il-ħidma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Enemalta qed tagħmel numru ta’ Pilot Projects f’dan ir-rigward. Fosthom għaddej ix-xogħol fiċ-Ċentru tal-Birgu, fid-daħla tal-Baħrija u f’numru ta’ toroq ġewwa Ħad-Dingli. Il-pjan jinkludi ukoll diskussjonijiet mal-Awtoritajiet konċernati biex f’xogħol ta’ bini ġdid il-klijenti jippreparaw culverts minn fejn il- cables għas-servizz tal-elettriku jkunu jistgħu jiġu mgħoddija. Barra minn dan, l-Enemalta għaddejja b’ x-xogħol estensiv biex sal-aħħar tas-sena 2019 jitneħħew il- pylons (arbli tat-33kV) li għad baqa’ f’Malta fiż-żoni tal-Mellieħa, Vendome, Tarxien u Ħal-Far. Dan wara li ġew mpoġġija kilometri ta’ cables ta’ voltaġġ għoli minn taħt l-art.

Bord li jirregola l-kera – każijiet ta’ żgumbrament

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' żgumbrament, quddiem il-Bord li jirregola l-kera? Jista’ jgħid kemm intlaqgħu talbiet minn dawn il-każijiet u ġie ordnat l-iżgumbrament tal-inkwilin sena b'sena mill-2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Servizz Supportline

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex hemm biss żewġ linji tat-telefon fis-Servizz Supportline u ta’ spiss dawn il-linji jkunu okkupati meta s-Servizz ta’ Emerġenza 112 tal-Pulizija għandhom 32 linja tat-telefon u rċevew 162,042 telefonati s-sena l-oħra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ż-żewġ servizzi mhumiex l-istess ħaġa. Is-servizz permezz tal-linja 179, huwa Support Line, jiġifieri mezz ta' kommunikazzjoni telefonika fil-qasam tal-għajnuna u solidarjetà soċjali. Minbarra dan, il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) investiet u introduċiet sistema magħrufa bħala Call Center Solution fl-2015. Din is-sistema hija kapaċi tieħu sitt telefonati f'daqqa jew aktar, skont il-ħtieġa. Jekk għal xi raġuni jew oħra l-linji jkunu okkupati, it-telefonati li jidħlu mill-linja tas-Support Line jiġu ri-diretti fuq l-ewwel linja li s-sistema ssib disponibbli. Is-servizz tas-Support Line għandu wkoll linja diretta u mobile number għall-Pulizija, sabiex jintuża f`kazijiet urġenti. Dan bil-għan illi, f`sitwazzjonijiet meta il-linji tal-179 ikunu okkupati, l-Pulizija jkunu jistgħu jużaw din il-linja diretta jew mobile. Din is-sistema ilha titħaddem matul din is-sena u bl-introduzzjoni wkoll tas-servizz ta’ ħaddiema soċjali, wara l-ħinijiet tax-xogħol u fi tmien il-ġimgħa u festi pubbliċi, każijiet urġenti jkunu jistgħu jiġu megħjuna fi żmien raġjonevoli. Fl-aħħar nett, tajjeb illi nippreċiża li, s-Support Line 179 ilu minn mindu twaqqaf 22 sena ilu jaħdem permezz tal-volontarjat. Fil-fatt, huwa monument għall-ispirtu ta’ altruwiżmu u volontarjat f’pajjiżna. Il-pjanijiet tal-management tal-FSWS huma li jingaġġa numru minimu ta’ impjegati full-time biex jassigura li jkun hemm servizz kontinwu 24 siegħa kuljum, imma fl-istess ħin jibqa’ jagħmel użu mill-voluntiera biex jibqa’ jżomm u jseddaq l-ispirtu uniku ta’ dan is-servizz.

Djar Residenzjali tal-Istat – lista’ ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm anzjani biex jidħlu f’xi Dar Residenzjali tal-Istat? Kemm kien hemm minn dawn l-anzjani li ilhom jistennew għal iktar minn sentejn, tliet snin u erba’ snin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 2,026–il anzjan jistennew biex jidħlu f’xi Dar Residenzjali tal-Istat. Dawn applikaw kif ġej ; Fl-2014 u qabel - 314 Fl-2015 - 176 Fl-2016 - 267 Fl-2017 - 444 Fl-2018 – 825

Kunsilli Lokali Żgħażagħ – proġetti fil-komunitajiet

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1191, jista’ l-Ministru jgħid xi twettaq mill-proġetti msemmija f’dawn il-komunitajiet sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Hemm xi proġetti maħsuba għas-sena d-dieħla biex jiġu implimentati mill-Kunsilli Lokali Żgħażagħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat minn Aġenzija Żgħażagħ li b’eċċezzjoni tal-proġett tal-Kunsill Lokali Żgħażagħ Marsascala, il-proġetti kollha msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1191 mogħtija f’Ottubru 2017, ġew implimentati b’suċċess. Apparti li ntemm b’suċċess il-proġett tal-Kunsill Lokali Żgħażagħ Naxxar, l-istess kunsill taż-żgħażagħ qed jimplimenta proġett ieħor bl-isem ‘Aspetti tal-Ħajja Soċjali, Kulturali u Storika fin-Naxxar’, video li ser ikun preżentat lill-komunità tan-Naxxar f’Jum in-Naxxar ta’ din is-sena, jiġifieri fil-11 ta’ Diċembru 2018. Ngħarraf ukoll lill-Onorevoli interpellant li Aġenzija Żgħażagħ qed tevalwa l-implimentazzjoni tal-proġett Kunsilli Lokali Żgħażagħ għas-sena d-dieħla.

Tfal u żgħażagħ taħt l-età li jagħmlu rapport lill-Pulizija

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 30961 tat-12-il leġislatura, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma tinżammx statistika tant importanti tan-numru ta’ dawk it-tfal u żgħażagħ taħt l-età li għamlu rapport lill-Pulizija dwar vjolenza domestika li huma jew xi ħadd mill-familja tagħhom qed jgħaddu minnha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li informazzjoni dwar l-ammont ta’ tfal u żgħażagħ ta' taħt l-età li għamlu rapport mal-Pulizija dwar vjolenza domestika fuqhom jew membri tal-familja tagħhom ma tinżammx taħt forma ta’ statistika peress li fis-sistema persuna li tagħmel rapport mal-pulizija tkun imniżżla bħala Person Filing Report. Din tista’ tkun persuna li tagħmel rapport f’isem tali persuni taħt l-età, u għalhekk l-ammont estratt mis-sistema ma jkunx veritier.

Ġbir ta’ skart domestiku – linji gwida b’lingwi differenti

Question

Nirreferi għal gwida ta’ direzzjoni ta’ kif jinġabar l-iskart domestiku. Nifhem li l-NGO għamel traduzzjoni fi 11-il lingwa. Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir mill-Ministeru biex ikollna traduzzjoni f’lingwi differenti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser inkunu qegħdin nevalwaw il-possibilità li jiġi riprodott materjal relat mal-ġbir ta’ skart organiku f’numru ta’ lingwi differenti.

Avviżi b’mod elettroniku fit-toroq – użu tal-lingwa Maltija

Question

Nirreferi għal avviżi li qed jirreklamaw informazzjoni edukattiva u li jidhru b’mod elettroniku fit-toroq għall-attenzjoni tas-sewwieqa, imma qed ninnota li mhux dejjem qed jitħares l-Ilsien Malti, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid liema awtorità juża d-Dipartiment tat-Toroq biex jintuża Malti tajjeb?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-awtorità użata hija Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, saħansitra fil-paġna uffiċjali li qed inpoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra hemm ukoll standardizzazzjoni għas-senjaletika direzzjonali u informattiva.

Forzi Armati ta’ Malta – suldati stazzjonati f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm suldati fil-Forzi Armati ta’ Malta stazzjonati f’Għawdex? Jista’ jgħid x’inhu l-grad tagħhom u f’liema taqsima huma stazzjonati? Jista’ jgħid kemm hemm suldati Għawdxin stazzjonati f’Malta u f’liema taqsima huma stazzjonati dawn is-suldati Għawdxin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ suldati stazzjonati f’Għawdex huwa ta’ 74. Dawn huma kollha stazzjonati fl-Iskwadra Marittima (G Command) u l-gradi tagħhom huwa kif jidher hawn taħt: GradTotal Logutenent1 Staff Sergeant6 Sergeant8 Bombardier41 Lance Bombardier10 Gunner8 74 Hemm 153 suldat Għawdxi stazzjonati f’Malta li huma mqassmin kif gej: UnitàTotal Headquarters AFM10 1 Regiment52 3 Regiment40 4 Regiment18 Maritime Squadron24 Air Wing9 153

Sptar Mater Dei — ftehim bejn id-Dipartiment tad-Dentistrija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara meta se jitlaħaq ftehim mad-dentistrija fl-Isptar Mater Dei rigward l-istrike?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-taħdidiet fuq ftehim settorali ġdid tad-dentristrija għadhom għaddejjin.

Kunsill Lokali tal-Fgura – Ċentru Ċiviku — fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema fondi gawda l-Kunsill Lokali tal-Fgura minbarra dawk allokati lilu kull sena finanzjarja, sabiex jinbena u jitlesta ċ-Ċentru Ċiviku fi Triq Hompesch, Fgura?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Fgura bbenefika total ta’ €300,000 mill-Iskema tal-Proġetti Kapitali mnedija mill-Ministeru de quo.Dawn ingħataw f’#ewġ għotjiet, waħda ta’ €75,000 f’Novembru 2016 u l-kumplament f’Awwissu 2018.

Kunsill Lokali tal-Fgura – laqgħat u għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm korrispondenza bejn il-Kunsill Lokali tal-Fgura, il-Gvern u l-awtoritajiet oħra fejn intalbu laqgħat u għajnuna finanzjarja sabiex jiġi ffinanzjat iċ-Ċentru Ċiviku qabel Marzu tas-sena 2013? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' din il-korrispondenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza relatata.

Mellieħa – sit f’Ta’ Masrija — dokumenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6482 u ċjoè: B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5123, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relatati mas-sit f'Ta' Masrija fil-Mellieħa (biswit il-bypass tal-Mellieħa) li jitrattaw l-applikazzjonijiet PC 62/16 u PC 25/17?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6645 f’Seduta 137.

Il-Mellieħa – applikazzjoni għal tliet sulari għal lukanda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar hiex qed tħares b’mod favorevoli l-applikazzjoni 10178/18 li tirrigwardja fost l-oħrajn żieda ta’ tliet sulari oħra fuq li hemm għal-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fil-Mellieħa? (Applikazzjoni li jekk tiġi approvata se tkun tfisser aktar qerda tal-karatteristiċi uniċi tal-Mellieħa).

Response (BORG, IAN)

L-Applikazzjoni PA 10178/18 ġiet ipubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern fil-21 ta’ Novembru 2018. Dan iffisser illi l-ewwel perjodu ta’ 30 ġurnata, li jwassal għall-konklużjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni u fl-istess ħin jagħti ċans għall-kummenti tal-pubbliku, jagħlaq fil-21 ta’ Dicembru 2018. Id-Direttorat ta’ l-Ippjanar, f’isem ic-Chairperson Eżekuttiv, irid jifli l-każ sew wara li jkun ingħata ċans lill-entitajiet kollha illi jagħtu sehemhom fid-deliberazzjoni ta’ din l-applikazzjoni. Irid jieħu wkoll konjizzjoni tal-kummenti kollha li jistgħu jintbgħatu mill-pubbliku. Il-proċess jista’ jinkuldi wkoll fażi fejn l-applikanti u l-periti ikollhom jissottomettu informazzjoni ulterjuri. Dan jista’ jiskatta it-tieni fażi ta’ konsultazzjoni. Meta l-proċess ikun sħiħ u komplut, id-Direttorat jikteb ir-rapprot finali li jkun jinkludi rakkomandazzjoni sħiħa dwar il-każ. Ikun f’dan l-istadju illi l-Awtorita’ ikollha l-fatti kollha neċessarji sabiex tkun tista’ tiddelibera u tagħmel rakkomandazzjoni favur jew kontra dan il-proġett. Dan ir-rapport imsemmi għandu jitlesta’ u jintbgħat għand il-Kummisjoni għall-Ippjanar sa mhux aktar tard mill-11 ta’ April 2019, sakemm ma jkunx hemm talba mill-perit sabiex jissospendi l-applikazzjoni. Għaldaqstant, id-Direttorat ta’ l-Ippjanar iħoss illi f’dan l-istadju hekk bikri, mingħajr ma għandu l-evidenza, l-informazzjoni, u l-kummenti esterni kollha neċessarji sabiex ikun jista jagħti rakkomandazzjoni fuq il-progett, mhux fil-pożizzjoni illi jikteb ir-rapport finali; min-naħa tagħha, l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar, mingħajr dan ir-rapport, li bil-liġi trid tistenna qabel tieħu deċizjoni ben infurmata, tħoss illi jkun prematur illi tippronunċja ruħa favorevoli jew kontra dan il-proġett. Madankollu, mingħajr preġudizzju għal dak li jista’ jirriżulta fir-rapport finali, u għad-decizjoni li għad trid tittieħed mill Awtorita’, id-Direttorat diġa ħa konjizzjoni tal-fatt illi prima facie, il-proposta ta’ ieda ulterjuri fl-għoli tal-bini ta’ din il-lukanda partikolari ma tikkonformax ma l-Policy bit-titolu “Height Limitation Adjustment Policy for Hotels”, approvata f’Ġunju ta’ l-2014, u dan billi: a) Is-sit tal-lukanda jinstab fil-limiti taż-Żona ta’ l-Iżvilupp, adjaċenti ma Żona Rurali filwaqt li mhux f’żona Turistika; u b) Is-sit jinstab ukoll fix-xifer ta’ l-irdum tal-Mellieħa. Għaldaqstant, anke f’dan l-istadju hekk bikri, jidher car illi din il-lukanda fuq dan is-sit partikolari ma tikkwalifikax bħala waħda minn dawk illi tista tisfrutta il-Policy imsemmija hawn fuq sabiex tkabbar in-numru ta’ kmamar billi tibni b’għoli li jeċċedi dak stipulat fil-Pjan Lokali.

Żona ta’ Masrija/Bypass Mellieħa — dokumenti

Question

Ġaladarba l-Ministru ma sab l-ebda oġġezzjoni li jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokumenti relatati mal-PC 46/13 (Żona Ta’ Masrija/Bypass Mellieħa), jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument simili għall-istess żona li però jġib in-numru PC 42/15?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li dokumenti mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.