Enemalta, ARMS u Water Services Corporation – pagi tal-ogħla karigi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni fl-ogħla karigi tal-Enemalta, tal-ARMS u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li ngħataw żieda fil-paga tagħhom minn meta hu sar Ministru għall-Enerġija? Jista’ jgħid kemm hi din iż-żieda, minn meta bdiet tingħatalhom, u kemm hija l-paga gross attwali tagħhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-perjodu msemmi f’din l-Interpellanza sal-lum, ħadd mill-persuni fl-ogħla karigi tal-Enemalta plc, tal-ARMS Ltd u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma ngħataw żieda fil-paga tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan għandu fejn jidħol id-drenaġġ għas-snin li ġejjin u fit-tul? Fejn hemm sistemi antiki, bħal f’ċerti nħawi ta’ San Pawl il-Baħar fejn qed ifur id-drenaġġ fit-triq, x’qed jagħmel il-Ministru jew x’beħsiebu jagħmel dwar dan?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma qed tagħmel ħafna xogħol fis-sistema tad-drenaġġ ta’ Malta kollha.
Bi proġett kbir li jaqbeż il-€130 miljun ko-finanzjat mill-fondi Ewropej, qed isir xogħol ta’ tkabbir fis-sistemi tad-drenaġġ maġġuri ħalli jiżguraw li ż-żieda fid-domanda tkun koperta.
Il-pjan jinkludi mhux biss tkabbir ta’ mejnijiet u pompi, iżda wkoll titjib fl-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ biex jakkommodaw it-tkabbir pprevist sas-sena 2050.
Jista’ l-Ministru jgħid kull meta jingħata l-benefiċċju tal-enerġija u lil min qed jingħata? Min meta beda jingħata? Minn meta beda jingħata sal-lum, kemm kienet it-totalità ta’ flus li ngħataw kull xahar f’benefiċċji tal-enerġija?
Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjoni għal bini ta’ lukanda u appartamenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar hiex qed tħares b’mod favorevoli l-applikazzjoni PA 5909/17 li tikkonsisti f’bini ta’ lukanda b’għoli ta’ tmien sulari flimkien ma’ numru ta’ appartamenti fid-daħla tal-Mellieħa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtoritá tal-Ippjanar b’referenza għall-applikazzjoni PA5909/17, l-Awtoritá tal-Ippjanar qegħdha tistenna sottomissjonijiet rikjesti biex b’hekk tkun tista tingħalaq l-aħħar fażi tal-konsultazzjoni. L-art in kwistjoni tinsab f’żona residenzjali kif ukoll f’ lokalita turistika, għaldaqstant, Policies li jirregolaw it-tali żoni japplikaw.
Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – ksur ta’ drittijiet mil-liġijiet tal-kera — danni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il eluf ta’ ewro f’danni ġie kkundannat il-Gvern Malti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’sentenzi ta’ kundanna ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem mil-liġijiet tal-kera, inkluż l-Att No. 23 tal-1979, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din l-interpellanza?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2013 u Ottubru 2018 l-Gvern Malti ġie kkundannat s-somma totali ta’ €1,100,200.
Jista’ l-Ministru jgħid meta qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-estimi tal-emissjonijiet tal-karbonju kif mitlub mil-liġi (S.L 543.01 artiklu 7) mill-2015 ‘l hawn?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa korret meta jikkwota li jien għandi l-obbligu li nippreżenta l-figuri tal-inventarju fuq l-Emissjonijiet tal-Gassijiet Serra. Tajjeb li ninforma lill-Parlament li l-obbligu li Malta jkollha inventarju jmur lil hinn mill-obbligi nazzjonali għaliex dan huwa rikjest taħt il-Konvenzjoni tat-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) kif ukoll taħt obbligi mill-Unjoni Ewropea. L-informazzjoni li tiġi ġġenerata minn dan l-inventarju toħrog wara li jiġu segwiti linji gwida speċifiċi u liema linji huma applikabbli għall-pajjiżi kollha li huma Membri tal-Konvenzjoni f’Anness 1. Malta żammet ma dawn l-obbligi u din l-informazzjoni tigi ppublikata fuq is-siti relevanti.
Malta bniet l-ewwel inventarju tagħha fl-2006, fejn minn dak iż-żmien l’hawn ftit saru żviluppi sabiex dan jittejjeb minħabba nuqqas ta’ riżorsi li ġew allokati tul iż-żmien. Madanakollu, Malta fl-aħħar snin ħasbet sabiex ittejjeb dan l-inventarju u għalhekk fl-aħħar sentejn, Malta daħlet fi proġett bil-kollaborazzjoni tal-Kumissjoni Ewropea. L-iskop ta dan il-proġett huwa li ngħollu l-livell tal-inventarju u nsaħħu l-bażi li tintuża sabiex tiġi ġġenerata din l-infomazzjoni. Għal daqstant, ħassejt li peress li din ir-reviżjoni għadha għaddejja, ma nippreżentax l-ebda figuri li huma bbażati fuq informazzjoni bażika ħafna u li nafu li tista tinbidel meta jitlesta l-eżerċizzju tar-reviżjoni.
Tajjeb li nenfasizza li l-infomazzjoni li toħrog min dan l-inventarju hija important u kruċjali għall-iżvilupp tal-politika dwar it-tibdil fil-klima.
Jista’ l-Ministru jelenka d-direct orders kollha li ngħataw in konnessjoni max-shooting range l-ġdida f’Ta’ Kandja, inkluż kull direct order għal site officer jew officers minn Ġunju 2017 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Jista’ f’kull każ jagħti l-ammont ta’ ħlas involut, id-data ta’ meta ngħatat id-direct order, u jekk ikun il-każ, għal kemm żmien kien ingħata (bħal fil-każ tas-site officer/s)? Jista’ f’kull każ jgħid x’kien l-involviment tas-Segretarju Parlamentari għall-iSports, u f’kull każ jgħid min ordna kull direct order?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3947. Dawn intalbu minn SportMalta u ngħataw l-approvazzjoni mill-Ministeru għall-Finanzi skont il-proċeduri finanzjarji stabbiliti.
Public Procurement — kumpaniji li ġew blacklisted fuq impjieg prekarju
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3493 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 456, jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet tat-tliet kumpaniji li ġew blacklisted?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni tinstab fuq is-sit tad-Dipartiment tal-Kuntratti:
https://contracts.gov.mt/en/Circulars/Pages/Circulars.aspx
, speċifikatament iċ-Ċirkularitajiet Numri 8/2014, 9/2014, 12/2014, 16/2014 u 19/2017 li kopja tagħhom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3495 u ċjoè: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 453 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sejba ta’ droga kien hemm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fl-2015, fl-2016 u fl-2017, sena b’sena u x’tip ta’ droga nstabet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi fis-snin imsemmija kien hemm il-każijiet segwenti:
Fis-sena 2015 kien hemm total ta’ sitta u ghoxrin (26) każ li ġew irreferuti lill-Pulizija dwar sustanzi suspettużi li nstabu fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin:
1. 22 każ b’sustanza suspettuża ta’ lewn ħadrani,
2. 3 każijiet involva sustanza suspettuża ta’ lewn kannella,
3. Każ wieħed ta’ traċċi ta’ sustanza suspettuża ta’ frak ta’ lewn kannella.
Fis-sena 2016 kien hemm total ta’ tnejn u erbghin (42) każ li ġew referuti lill-Pulizija dwar sustanzi suspettużi li nstabu fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.
1. 32 każ b’sustanza suspettuża ta’ lewn ħadrani,
2. 3 każijiet involvew pilloli u methadone,
3. 6 każijiet involvew traċċi ta’ droga fuq paraphernalia tad-droga bħal foil maħruq,
4. Każ wieħed involva sustanza suspettuża ta’ frak ta’ lewn kannella.
Fis-sena 2017 kien hemm total ta' tlieta u sittin (63) każ fejn ġiet mgħarrfa l-Pulizija fuq sustanzi suspettużi li nstabu fil-Faċilia’ Korrettiva ta’ Kordin.
1. 57 każ b’sustanza suspettuża ta’ lewn ħadrani,
2. 3 każijiet involvew sustanza suspettuża ta’ lewn kannella,
3. Każ wieħed ta’ traċċi ta’ sustanza suspettuża ta’ lewn kannella fuq paraphernalia tad-droga bħal foil maħruq,
4. 2 każijiet involvew sustanza suspettuża ta’ lewn bajdani.
Minn dawn hemm ħamsa u sebgħin (75) fejn għadu mistenni riżultat tal-eżamijiet fuq is-sustanza misjuba. Erbgħa u erbgħin (44) każ fejn irriżulta li s-sustanza misjuba ma kienetx droga li dwarha setgħu jittieħdu passi. Kien hemm tlett (3) każi fejn is-sustanza kienet eroina, żewġ (2) każi fejn is-sustanza kienet eroina u kannabis u żewġ (2) każi ta' kannabis wahdu, każ wieħed (1) fejn is-sustanza kienet methadone, każ wieħed (1) ta’ droga kokaina u żewġ (2) każi ta' droga ecstasy. Sallum tressqu sebgħa (7) persuni l-Qorti waqt li tlieta (3) għadhom iridu jitressqu. Fuq każ li rriżulta li kien droga, il-persuna suspettata mietet.
Sallum tressqu ħames (5) persuni l-Qorti waqt li tnejn (2) għad iridu jitressqu. Kien hemm każ (1) ieħor fejn ma hemmx evidenza biex il persuna suspettuża titressaq il-Qorti.
Awtorità tax-Xandir – raportaġġ ħażin fuq PBS minn partiti politiċi
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm irċeviet ilmenti l-Awtorità tax-Xandir minn partiti politiċi dwar raportaġġ ħażin fuq il-PBS kull sena mill-2013 sal-lum, u jista’ jaqsam il-lista partit, partit?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul l-aħħar 10 snin saru 37 ilment mill-partiti politiċi mal-Awtorià tax-Xandir dwar raportaġġ ħazin fuq il-PBS.
Il-Partit Laburista ressaq 9 ilmenti bejn l-2008 u l-2012 u 4 ilmenti bejn l-2013 u l-2018. Bejn l-2008 u l-2012 ingħata raġun fuq 7 ilmenti. Ma ingħatax raġun fuq 2 ilmenti. Bejn l-2013 u l-2018 ma ingħatax raġun fuq 4 ilmenti.
Il-Partit Nazzjonalista ma ressaq ebda ilment bejn l-2008 u l-2012. Bejn l-2013 u l-2018 ressaq 18 - il ilment li fuq 15 minnhom ma ingħatax raġun u fuq 3 ingħata.
L-Alternattiva Demokratika ressqet 4 ilmenti bejn l-2008 u l-2012. Ma ingħatatx raġun fuq l-ebda wieħed minnhom. Bejn l-2013 u l-2018 ma ressqet l-ebda ilment.
Il-Moviment Patrijotti Maltin ressaq 2 ilmenti bejn l-2013 u l-2018. Ingħata raġun fuq wieħed waqt li ma ingħatax raġun fuq l-iehor.
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna ġiet akkużata li ffrekwentat każin li mhux reġistrat skont ir-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Każini (Leġislazzjoni Sussidjarja 10.21)? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna nstabet ħatja u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant, ma kienx hemm każijiet fejn xi persuna ġiet akkużata li ffrekwentat każin li mhux reġistrat skont ir-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Każini, Leġiżlazzjoni Sussidjarja 10.21.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – persuni li qed iservu sentenza ta’ priġunerija għal reati ta’ prostituzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna kienet qed isservi sentenza ta' priġunerija fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin dwar reati ta' prostituzzjoni jew li għalkemm is-sentenza li qed isservi kienet jew hija dwar reati oħra, l-istess persuna kellha x'taqsam mal-prostituzzjoni? Jista' l-Ministru jgħid is-sess u l-età ta' kull waħda mill-imsemmija persuni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li għandhom reati ta’ prostituzzjoni u reati ta’ qligħ mill-prostituzzjoni huwa kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, sena b’sena mill-2013 sas-17 ta’ Novembru 2018, l-età tal-persuni kif ukoll is-sess tagħhom.
Qrati ta’ Ġustizzja Kriminali – projbizzjoni ta’ pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar kawżi
Question
Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2000 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il darba l-Qrati ta' Ġustizzja Kriminali ħarġu ordni li permezz tiegħu pprojbixxu l-pubblikazzjoni sa ma kawża tispiċċa, ta' kitba, stampata jew le, dwar reat li fuqu tkun miexja kawża jew dwar imputat jew akkużat skont dak li jipprovdi l-artikolu 517 (1) tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid minn liema Qorti nħareġ kull wieħed mill-imsemmija ordnijiet, jagħti d-data ta' meta nħareġ kull wieħed mill-ordnijiet u jindika wkoll kemm dam fis-seħħ kull wieħed mill-imsemmija ordnijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex ma tinżamm l-ebda statistika f’dan ir-rigward, dan għaliex meta toħroġ ordni ai termini tal-artikolu 517(1), din l-ordni tingħata dejjem wara li jkunu bdew il-proċeduri jew waqt l-andament tal-proċeduri u għaldaqstant ma jiġux mdaħħla fis-sistema.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull ordni li nħareġ mill-Qrati ta' Ġustizzja Kriminali, mis-sena 2000 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, skont dak li jipprovdi l-artikolu 517 (1) tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta) u li skont l-istess artikolu għandu jkun iffirmat mir-reġistratur u mwaħħal fil-bieb tal-edifizzju li fih il-qorti toqgħod?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari 7547.
Persuni akkużati li kisru ordnijiet maħruġa mill-Qrati ta’ ġurisdizzjoni kriminali
Question
Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2000 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna ġiet akkużata li kisret ordni maħruġ mill-Qrati ta' ġurisdizzjoni kriminali skont dak li jipprovdi l-artikolu 517 (1) tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna nstabet ħatja u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 7547.
Qrati ta' ġurisdizzjoni kriminali – ksur ta’ ordni
Question
Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2000 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il darba l-Pulizija għarrfet lill-qorti bi ksur ta' ordni maħruġ mill-Qrati ta' ġurisdizzjoni kriminali skont dak li jipprovdi l-artikolu 517 (3) tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jagħti d-data ta' meta l-Pulizija għarrfet lill-Qrati b'dan u jindika liema Qorti ġiet mgħarrfa b'hekk mill-Pulizija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi mill-Onor. Interpellant ma kienx hemm istanzi fejn li-Pulizija għarrfet lill-qorti bi ksur ta' ordni maħruġ mill-Qrati ta' ġurisdizzjoni kriminali skont dak li provdut fl-artikolu 517(3) tal-Kodiċi Kriminali, Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta.
Tista’ l-Ministru tgħid fir-roundabouts ta’ Għawdex, minn Ġunju 2017 sal-lum:
a. Kemm sar armar differenti tal-istess tip s’issa?;
b. Għal liema okkażjonijiet saru?;
c. Fejn qed jitwaħħlu? Liema huma l-postijiet speċifiċi?;
d. Kemm huma stmati li ġew jiswew?;
e. Min awtorizza dawn il-ħlasijiet?;
f. X’armar hu previst għall-kumplament tas-sena?;
g. Wara li jiżżarmaw, x’qed isir minn dan l-armar u fejn qed jitpoġġa?; u
h. Kemm hemm ħaddiema jaħdmu fuq dan l-armar tar-
roundabouts
u x’inhu l-grad tagħhom?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Pjattaforma Prospects – lista ta’ IPOs u Bond Issues
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ IPOs u Bond Issues fuq il-Pjattaforma Prospects li saru kemm ilha mwaqqfa u f’kull każ jgħid:
- id-data tal-ħruġ;
- kemm kien l-ammont ta’ ishma/valur ta’ bonds maħruġa; u
- min kien/u l-istockbroker/s imqabbda?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu flus is-sena li għaddiet il-Kunsilli Lokali fuq tenders tal-iskart kif ukoll kemm ħallas kull kunsill lil Wasteserve biex jintrema l-iskart?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni min-naħa tal-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli għadha qed tinġabar.