Legislature:
Category:
Reset
Active:

Garaxxijiet ġodda li huma proprjetà tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inbew garaxxijiet ġodda li huma proprjetà tal-Gvern u kemm ġew allokati flus?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul dawn l-aħħar snin inbnew 397 garaxx u car spaces li bħalissa qed jiġu allokati għall-kiri permezz ta’ skema maħruġa mill-Awtorità tad-Djar. Tweġiba dwar kemm kienet in-nefqa speċifikament fuq dawn il-garaxxijiet ma tistax tingħata peress li kienu jiffurmaw parti ntegrali minn proġett akbar ta’ bini ta’ appartamenti għal akkomodazzjoni soċjali.

Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u fil-Komunità

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 22634, jista’ l-Ministru jindika l-ismijiet u l-email addresses tal-professjonisti li huma responsabbli mill-uffiċini msemmija fir-risposta taċ-Ċentri/Servizzi fil-Kommunità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Filwaqt li nerġa’ nirreferi lill-Onorevoli interpellant għall-PQ 22634, jista’ jsir kuntatt mal-istess professjonisti permezz tat-tagħrif li diġà tajtu.

Ħlas lill-Gps

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 22632, jista’ id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm tobba tal-familja f’din l-iskema u kemm qegħdin jitħallsu għas-servizz li huma jagħtu lill-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa għaddej il-proċess fejn dawn iż-żewġ skemi li jinkludu follow up minn tobba tal-familja ta’ pazjenti bi problemi psikjatriċi kif ukoll follow up ta’ pazjenti wara 5 snin li kellhom il-kanċer tas-sider qed jergaw jiġu aġġornati. Dan isir minn żmien għal żmien biex il-pazjenti tagħna jkomplu jingħataw l-aqwa servizzi tas-Saħħa. Għal dawn l-iskemi sa issa applikaw 8 tobba.

Aġenzija Sapport — professjonisti fis-servizz mogħti

Question

Tista’ l-Ministru tindika kemm hemm nuqqas ta’ professjonisti fis-servizzi mogħtija mill-Aġenzija Sapport? Tista’ tagħti l-figuri skont il-professjonijiet (eż: social workers, eċċ)?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Aġenzija Sapport timpjega ħaddiema f’kull grad u livell skont il-Ftehim Kollettiv u skont l-approvazzjoni li tkun irċeviet mingħand l-awtoritajiet relevanti. Fil-preżent hemm disa’ postijiet vakanti għal professjonisti li l-proċess ta’ reklutaġġ sabiex dawn jimtlew diġà beda. Dawn jinkludu: Ħames Support Executives; wieħed social worker fuq bażi full-time; wieħed social worker fuq bażi part-time; Wieħed Occupational Therapist; u wieħed Speech and Language Pathologist.

Vaċċin kontra l-COVID-19

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il doża tal-vaċċin kontra l-COVID-19 ingħatat lill-poplu Malti sad-data li titwieġeb din id-domanda parlamentari? Minbarra hekk, kemm ingħataw vaċċini tal-COVID-19 bħala donazzjoni minn Malta lil pajjiżi terzi? Liema kienu dawn il-pajjiżi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-Ħadd 14 ta’ Novembru ngħataw total ta’ 908,687 dożi tal-vaċċin għal kontra l-Covid-19 li minnhom 76,771 kienu booster doses. Sal lum ingħataw 341,390 dożi tal-vaċċin għal kontra l- Covid-19 bħala donazzjoni lill-Libja, l-Eġittu, Rwanda u l-Ghana.

Bereġ

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm imexxi bereġ madwar il-pajjiż? Tul l-aħħar ħames snin kemm sar xogħol f’dawn il-bereġ u liema huma l-bereġ li jmiss isir xogħol fihom? Kemm kien jikkwantifika l-investiment s’issa u kemm hu ppjanat fiż-żmien li ġej?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minħabba s-sitwazzjoni li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19, f’Marzu tal-2020 kellhom jingħalqu l-52 Berġa li kien hemm fl-irħula ta’ Malta u Għawdex. Dawn il-Bereġ kienu jinfetħu għal inqas minn siegħa darba jew darbtejn f’ġimgħa u l-għan prinċipali tagħhom kien biex it-tabib jagħmel ir-riċetti għall-pazjenti biex ikunu jistgħu jieħdu l-mediċina li jaqgħu taħt ix-Schedule V mill-ispizerija tal-għażla tagħhom (POYC). Fi żmien il-pandemija sar arranġament bejn l-istakeholders sabiex l-ispizjara privati fil-POYC ikunu jistgħu jiddispensjaw il-mediċina fuq l-aħħar riċetta. Dan kien possibbli permezz ta’ sistema elettronika tal-POYC. Dan ukoll ifisser li l-pazjenti ma jkollhomx bżonn ta’ riċetta ġdida kull darba li jmisshom jieħdu l-mediċina, u għaldaqstant ma jkollhomx bżonn imorru iżjed fil-Bereġ għar-riċetti. Għaldaqstant,illum l-iskop tal-bereġ kif konna nafuh inbidel. Il-Kliniċi fil-Komunita’ li għaddew mill-programm ta’ immodernizzar u restawr bdew jergħu jilqgħu l-pazjenti f’Lulju 2021. Dawn il-Kliniċi fil-Komunita’ għandhom programm modern u estensiv ta’ outreach li l-għan tiegħu hu li l-pazjent ikollu kura fil-livell tas-saħħa primarja billi nersqu aktar qrib lejn ir-residenza taċ-ċittadin jew il-post tax-xogħol. Dawn il-Kliniċi fil-komunita’ illum joffru servizzi multidixxipplinarji li jinkludu: -l-Klinika mmexxija mit-Tabib u l-Klinika mmexxija mill-Infermiera li it-tnejn qed joffru programm ħolistiku li huwa bbażat fuq il-kura preventiva bħas-servizz tal-ewwel għajnuna, it-teħid tal-pressjoni u l-ittestjar taz-zokkor fid-demm, is-servizz tat-telekonsultazzjoni u pariri relatati skont il-ħtieġa. Iż-żewġ Kliniċi qed joffru kura kontinwa mal-istess professjonisti. -Is-servizz tal-Podjatrija -Is-servizz tal-Patoloġija tal-Lingwa Mitkellma -Is-servizz tal-Fiżjoterapija -Is-servizz tat-Teħid ta' Demm -Għall-ewwel darba ukoll qed jingħata servizz ta’ Walk-In Clinic filgħodu mill-Klinka fil-Komunita’ ġdida tal-Belt Valletta biex inkunu nistgħu nagħtu l-ewwel għajnuna f’waqtha minflok li l-pazjent imur iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana f’każ ta’ inċident. Barra minnhekk, il-pazjenti qed jibbenefikaw ukoll minn aċċessibilità sħiħa għas-servizzi professjonali f’waqthom bl-għajnuna tas-sistema kompjuterizzata tal-Electronic Patient Record, li tippermetti l-kontinwità tal-kura u tagħti s-setgħa lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa primarja biex ikunu jistgħu jilħqu livell ogħla ta’ servizz għall-benefiċċju tal-pazjenti tagħna. Fl-2019 il-Primary HealthCare inghatat grant ta’ €10 miljuni mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali (NDSF) biex tkun tista timmodernizza iċ-Ċentri tas-Sahha, u l-Kliniċi fil-Komunita’ bħala parti mill-pjan ta’ ristrutturar b’mod ħolistiku tal-Primary HealthCare. Qabel Ġunju tal-2019, il-programm ta’ manutenzjoni u mmodernizzar fuq il-bereġ kien wieħed limitat ħafna. F’dawn l-aħħar tlett snin, permess ta’ dawn il-fondi tal-NDSF ġew irrestawrati u mmodernizzati 15 il-Klinika fil-Komunita minn fejn beda’ jingħata l-programm ħolistiku msemmi hawn fuq. Il-Kliniċi fil-Komunita’ l-ġodda jew li ġew rinovati kienu f’dawn il-lokalitajiet: Tal-Pieta’, il-Gudja, Ħ’Attard, Marsaxlokk, Tas-Sliema, Ħaż Żabbar, iż-Żejtun, il-Mellieħa, Ħaż Żebbuġ (Malta), l-Fgura, Ħal Għaxaq, Kalkara, Xewkija, il-Belt Valletta, Santa Luċija. L-ispiża sal-lum hija ta’ €480,000. Dan il-programm ta’ immodernizzar ser ikompli b’ritmu mgħaġġel, u fix-xhur li ġejjin ser ikun qed isir ix-xogħol fil-Kliniċi f’dawn il-lokalitajiet: Ta’ Ġiorni, Ħal Tarxien, il-Ħamrun, Marsaskala, il-Għargħur, Birżebbuġia, l-Għasri, Għajnsielem u l-Għarb Għawdex. L-istima tax-xogħol għall-immodernizzar, it-tagħmir mediku u għamara oħra tkun tista’ tingħata aktar il-quddiem meta jinbeda ix-xogħol.

Servizz tas-Saħħa Pubblika — infermieri ġodda

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienu impjegati infermieri ġodda mas-servizz tas-Saħħa Pubblika fl-aħħar ħames snin, maqsumin sena b’sena? Kemm kienu impjegati tobba mas-servizz tas-Saħħa Pubblika fl-aħħar ħames snin, sena b’sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tabella t’hawn taħt. Ninfurmah li preżentament hemm total ta’ 1608 tobba (li jinkludu gradi, minn House Officers sa Konsulenti) u 3092 infermiera mas-servizz tas-Saħħa Pubblika. Numru totali ta' rekluti ġodda għas-sena: Tobba(li jinkludu minn House Officers sa Konsulenti) Infermiera 2017 118 166 2018 115 124 2019 141 319 2020 172 101 2021 (sal-11 ta’ Novembru) 85 108

Housing — proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il proprjetà ġiet allokata għall-proġetti ta' housing speċjalizzat u kemm hu l-investiment allokat għal dawn il-proġetti?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa ġew allokati 6 proprjetajiet għal proġetti ta’ Housing Speċjalizzat b’investiment ta’ € 1,040,000.

Benefiċċju tal-Kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li gawdew mill-benefiċċju tal-kera fis-sena 2020 u kemm kien l-investiment allokat għal dan il-benefiċċju?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li 3,437 familja gawdew mill-benefiċċju tal-kera fis-sena 2020 b’nefqa ta’ €5,925,136.

Skema ta' depożitu fuq xiri ta' proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw nies għall-iskema tal-10% depożitu fuq xiri ta’ proprjetà u kemm kien l-ammont ta’ garanzija li ngħata mill-Awtorità tad-Djar?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-iskema kienet suċċess minnufiħ tant li minn meta ġiet varata l-iskema f’Ġunju 2020 sa issa, l-Awtorità tad-Djar irċeviet 336 applikazzjoni. L-applikazzjonijiet sottomessi qed jiġu pproċessati f’qasir żmien fejn sal-aħħar tas-sena 2020 diġà kien hemm 121 benefiċjarju li ffirmaw konvenju b’investiment ta’ €1,944,110.

Skema Equity Sharing

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ibbenefikaw mill-iskema Equity Sharing u x’kienet l-età medja tal-benefiċċjarji?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa bbenefikaw 214 familja mill-iskema tal-Equity Sharing. Hemm 91 familja li diġà ffirmaw il-kuntratt, 44 familja li ffirmaw konvenju filwaqt li 79 applikazzjoni oħra ġew approvati u l-applikanti qed ifittxu proprjeta.

Skema ta' Social Loans

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’kien l-ammont ta’ persuni li saru sidien ta’ darhom permezz tal-iskema tas-Social Loans?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa bbenefikaw 213 familja mill-iskema tas-Social Loans. Minn dawn 131 familja ffirmaw il-kuntratt, 28 familja ffirmaw il-konvenju filwaqt li 54 familja ffirmaw ftehim mal-Awtorità tad-Djar sabiex jibbenefikaw minn din l-iskema.

Skema għall-Irranġar u tkomplija tal-ewwel residenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tammonta l-għotja medja li ngħatat lill-benefiċċjarji tal-iskema għall-irranġar u tkomplija tal-ewwel residenza fl-2020? Kemm ibbenefikaw nies mill-iskema ġenerali ta’ titjib u rranġar fid-djar fl-2020?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għotja medja li ngħatat lill-benefiċċjarji tal-iskema għall-irranġar u tkomplija tal-ewwel residenza fl-2020 kienet tammonta għall-€2,900. Fl-2020 kien hemm 188 persuna li lestew ix-xogħol fir-residenza tagħhom wara li bbenefikaw mill-iskema ta’ sussidju fuq xogħlijiet ta’ rranġar u titjib u b’hekk ibbenefikaw minn għotjiet li fit-total jammontaw għal €464,096.46.

Enemed – xiri ta’ trakkijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22787, tista' l-Ministru tgħid minn min inxtraw it-trakkijiet tal-fuel b'direct order, meta, kemm-il trakk u x'kienet l-ispiża?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lil Onor. Interpellant li s-suq għar-road tankers huwa limitat ħafna. Ħafna drabi dawn jinxtraw mir-Renju Unit minħabba s-sistema ta’ sewqan fuq il-lemin. Għalhekk ġie kummissjonat spettur fl-Ingilterra biex jara dan it-tagħmir u jagħti parir lil-Enemed fuq il-kundizzjoni tagħhom. Fil-perjodu indikat fil-Mistoqsija Parlamentari 22787 inxtraw tliet road tankers minn Northern Tankers, UK b’valur ta’ £139,000. Wara 20 sena ta’ nuqqas ta’ investiment f’trakkijiet li jġorru l-fjuwil inxtraw ukoll seba’ aircraft refuellers mingħand Stokota, Belgium b’valur ta’ €2,775,600.

Awtorità tal-Ippjanar – policy dwar installar ta’ pools fuq bjut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar bidlitx il-policy fuq installar ta' pools fuq il-bjut ta' receded floors? Jekk iva, kif inhi llum? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' din il-policy?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Ippjanar ma għamlet l-ebda tibdil fil-policy li tirrigwardja l-installar ta’ pools fuq il-bjut ta’ receded floors.

Skemi ta’ vouchers ta’ €100 – valur użat

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kemm kien il-valur użat mill-iskemi tal-vouchers ta’ €100 għal kull ċittadin ta’ ’l fuq minn 16-il sena, li ħareġ il-Ministeru tiegħu biex jassisti n-negozji jirkupraw mill-pandemija?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-taghrif ghadu qed jingabar u t-twegiba tinghata f’seduta ohra.

Mediċini — Roħs fil-prezzijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ liema mediċini raw roħs fil-prezz fl-aħħar erba’ snin, sena b’sena? Kif jinħadem dan il-proċess mill-awtoritajiet kompetenti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità dwar il-Mediċini taħdem mill-qrib mal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u l-imsieħba farmaċewtiċi sabiex fis-suq Malti jkun hawn kompetizzjoni xierqa li tassigura mediċini bi prezz ġust. L-MCCAA ssegwi x-xenarju tal-prezzijiet f’pajjiżi Ewropej filwaqt li l-Awtorità dwar il-Mediċini żżomm djalogu kontinwu u sħiħ mal-imsieħba farmaċewtiċi sabiex tkun aċċertata provvista xierqa ta’ mediċini lil kull pazjent. Il-proċess sabiex prodott mediċinali jiġi mraħħas fis-suq huwa prinċipalment ibbażat fuq riċerka fis-suq rigward tali prodott u diskussjonijiet mal-partijiet interessati. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ roħs fil-mediċini mħabbra mill-2017 ’l hawn..

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – inizjattivi waqt il-pandemija – negozji li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif u kemm ibbenefikaw negozji fis-settur turistiku bl-inizjattivi mħaddma mill-Ministeru għat-Turiżmu waqt il-pandemija?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tingabar.

Proġett Soċjetà Ġusta – djar fil-komunità għall-persuni b’diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm djar fil-komunità għall-persuni b’diżabbilità bħala parti mill-proġett Soċjetà Ġusta? Tista’ tgħid ukoll kemm jgħixu residenti fl-istess djar? X’inhu l-investiment fi spiża rikorrenti fis-sena għad-djar fil-komunità bħala parti mill-proġett?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Aġenzija Sapport tmexxi 5 idjar fil-komunità għal persuni b’diżabilità li huma parti minn Proġett Soċjetà Ġusta. L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. (Korrezzjoni: Ara dokument PL 7317 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tlieta, 16 ta' Novembru 2021 f'Sedua 520)