Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #8263 Sitting 183 2019-01-15 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ismijiet popolari ta' bniet fl-2018

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kienu l-aktar tliet ismijiet popolari ta' bniet matul is-sena 2018?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Infurmat li l-aktar tliet ismijiet popolari tal-bniet matul is-sena 2018 kienu Emma, Mia u Valentina

Qasam Edukattiv — programmi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi programmi jeżistu fil-qasam edukattiv sabiex jintleħqu dawk l-istudenti li jinsabu f’riskju tal-faqar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena skolastika 2016/2017 inħoloq fond immirat sabiex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ studenti f’diffikultà, f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali. L-għan ta’ dan il-fond huwa mhux biss biex jassisti lill-istudenti hawn fuq imsemmija fejn jidħol l-għajxien materjali iżda wkoll f’oqsma bħal kultura u sport. Għaldaqstant, il-benefiċjarji ta’ dan il-fond huma l-istudenti fl-iskejjel Primarji u Sekondarji Statali kollha u li għandhom età bejn it-tliet snin u s-sittax-il sena. Permezz tad-diversi inizjattivi meħuda matul dawn l-aħħar tliet snin ittejbet l-esperjenza edukattiva ta’ diversi studenti li ġejjin minn sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi diffiċli. L-istudenti f’din l-iskema qed jibbenefikaw minn: · Għotja ta’ lunch bnin kuljum b’xejn; · Għotja sabiex jinxtraw l-uniformijiet; · Għoti ta’ stationery neċessarju; · Fotokopji b’xejn; · Ħlas ta’ ħruġ edukattiv organizzat mill-iskejjel; · Ħlas tal-miżati għall-attivitajiet ekstrakurrikulari organizzati mill-FES jew SportMalta; u · Għoti ta’ kotba għall-qari lill-istudenti f’età bikrija sabiex tissaħħaħ il-ħajra għall-qari. Mis-sena skolastika 2016 /2017 sal-lum tqassmu madwar 1,200 ktieb lil 580 tifel u tifla f’familji vulnerabbli. Matul is-sena 2019 din l-iskema se tkompli titħaddem fl-aħjar interess tat-tfal eleġibbli. Is-Servizz ta’ Ħidma Soċjali fi ħdan is-Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport għall-Iskejjel jaħdem ma’ studenti li jfallu l-iskola. Fost dawn ikun hemm studenti li huma f’riskju ta’ faqar. Il-ħaddiema soċjali jassistu lil dawn l-istudenti u l-familji tagħhom b’kollaborazzjoni ma’ servizzi oħra fi ħdan u barra d-direttorati edukattivi.
Leg 13 PQ #8333 Sitting 183 2019-01-15 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi

Ġbir ta’ Arretrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu l-Gvern jieħu flus is-sena l-oħra mill-arretrati? Minn min għandu jiġbor dawn l-arretrati? Kemm ġabar is-settur pubbliku f’arretrati s-sena l-oħra?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara għal liema tip ta' arretrati qed jirreferi.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza – informazzjoni maħruġa bil-Malti

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6592 bid-data tas-26 ta’ Ġunju, 2018, tista’ l-Ministru tgħid jekk ġewx tradotti għall-Malti d-dokumenti: Society’s Concern u Who is Who?’ Jekk iva, tista’ tpoġġi kopja ta’ dawn id-dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li d-dokument ‘Society’s Concern’ ġie tradott għall-Malti u preżentament qed jiġi rivedut qabel jiġi stampat fil-ġimgħat li ġejjin. Id-dokument ‘Who is Who’ qiegħed preżentament fil-proċess li jiġi tradott għall-Malti.

Djar tal-Anzjani u Persuni b’Diżabilità – kumitat konsultattiv

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8081, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qegħdin isiru l-monteraġġi/laqgħat regolari kull ġimgħa mill-ħaddiema soċjali flimkien mal-familjari ta’ kull persuna b’diżabilità li qed tirċievi xi servizz tal-Aġenzija Sapport? Jekk le, għaliex?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-laqgħat u l-moniteraġġi jsiru b’mod regolari mill-ħaddiema soċjali kif ukoll mill-professjonisti skont il-bżonn. Il-provediment u l-frekwenza tal-laqgħat ivarjaw skont il-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità.

Ċentri ta’ Matul il-Jum – Open Days

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid kemm il-Open Day saru matul dawn l-aħħar tliet snin fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum u fejn ġew organizzati dawn l-Open Days u meta saru sabiex, b’mod speċjali, iħajru aktar persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali jattendu dawn iċ-Ċentri?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data u sabiex tiġi mħarsa l-privatezza tal-klijenti ma jsirux Open Days fiċ-Ċentri għall-kura tas-saħħa mentali. Madanakollu persuna li jkollha bżonn tattendi għal programmi ta` riabilitazzjoni speċjalizzati fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum tista’ tiġi riferuta mill-psikjatra tagħha.

Politika Strateġika Nazzjonali għat-Tnaqqis fil-Faqar

Question

Jista’ l-Ministru jindika l-inizjattivi jew proġetti ġodda kollha li jindirizzaw il-91 azzjoni ta’ policy li huma rrakkmandati fil-Politika Strateġika Nazzjonali għat-Tnaqqis fil-Faqar għas-snin bejn 2014 u l-2024?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha mitluba minnu. It-tabella turi n-numru kbir ta’ miżuri li ġew jew għadhom qed jiġu mwettqa, sabiex jintlaħqu l-miri tas-6 dimensjonijiet illi tindirizza il-Politika Strateġika Nazzjonali għal Tnaqqis fil-Faqar u għal Inklużjoni Soċjali (2014-2024). Qiegħed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra, lista li tispeċifika dawn il-miżuri. B’wiċċi minn quddiem ngħid illi, dan il-Gvern li jien kburi li nifforma parti minnu, bil-fatti qed juri r-ruħ soċjali tiegħu u l-impenn li għandu sabiex ikun eradikat il-faqar minn pajjiżna.

Ċentri tas-Saħħa – persuni mdaħħla minħabba espożizzjoni għall-pestiċidi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka kemm iddaħħlu persuni fiċ-Ċentri tas-Saħħa jew l-Isptar isofru minn intossikazzjoni akuta jew kronika minħabba li kienu esposti għall-pestiċidi inkluż residwi ta’ pestiċidi preżenti fl-ikel matul il-perjodu li jibda minn Jannar 2013 sal-ġurnata tal-lum maqsuma separatament sena b’sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-National Hospitals Information System (NHIS) jirriżulta li n-numru ta’ każijiet li ddaħħlu fl-isptarijiet f’Malta u Għawdex jsofru minn intossikazzjoni akuta jew kronika minħabba li kienu esposti għall-pestiċidi bejn mill-2013 sal-2017, huwa kif indikat fit- tabella t’hawn taħt: SenaNumru ta 'każijiet 20135 20141 20152 20163 20172 Dawn il-każijiet kienu estratti mill-kodiċi ICD-10 li ġejjin: T60 Effett tossiku tal-pestiċidi. X48 Avvelenament aċċidentali, minn u esponiment għall-pestiċidi. X68 Avvelenament intenzjonat, minn u esponiment għall-pestiċidi. Importanti li wieħed jgħid li dawn il-figuri ma jinkludux dawk il-pazjenti li jiġu inviżtati fid-Dipartiment tal-Emerġenza u għal xi raġuni jew oħra ma jidħlux bħala pazjenti fis-swali tal-isptar.

Prodotti msejħa lura mis-suq minħabba kontaminazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka kemm ġew imsejħa lura minn fuq is-suq prodotti alimentari li kienu kkontaminati minn residwi ta’ pestiċidi matul il-perjodu li jibda minn Jannar 2013 sal-ġurnata tal-lum maqsuma separatament sena b’sena, kif ukoll jelenka x’kienu l-prodotti u minn liema tipi ta’ residwi ta’ pestiċidi kienu kkontaminati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali m’huwiex l-Awtorità Kompetenti primarja għall-monitoraġġ ta’ Pestiċidi, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ moniteraġġ li sar mill-istess imsemmi Direttorat. Ma dan nitlob lill-Onor. Interpellant biex għal informazzjoni addizzjonali jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Wasteserve – impjant tal-Magħtab — miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid wara li fl-impjant tal-Wasteserv fil-Magħtab infirex in-nar, x’miżuri qed jittieħdu biex isir moniteraġġ ambjentali inkluż moniteraġġ tal-emissjoniet kif ukoll ta’ kontaminazzjoni tal-madwar fosthom għal dioxins, polychlorinated biphenyl (PCB), Dioxin-like PCBs, polycyclic aromatic hydrocarbon (PAH), sulphur dioxide, nitrogen oxide, carbon monoxide, carbon dioxide, hydrogen chloride, ċomb, arseniku, kadmju, merkurju u persistent organic pollutants (POPs) oħra?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-monitoraġġ tal-kumpless ambjentali jitwettaq fuq frekwenza trimestrali / bi-annwali / annwali skont il-Permess tal-IPPC.

Salini, il-Qawra, u Baħar iċ-Ċagħaq — Triq il-Kosta – għawm

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk iż-żona tal-baħar viċin Triq il-Kosta fis-Salini, il-Qawra, u Baħar iċ-Ċagħaq hijiex tajba għall-għawm wara nar li nfirex fil-Faċilità tat-Trattament tal-Iskart fil-Magħtab? Sar moniteraġġ tal-kwalità tal-ilma għal kontaminazzjoni u għal liema tip ta' kontaminanti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar monitoraġġ tal-ilma baħar fiż-żoni ta’ Baħar iċ-Ċaghaq, bin-numru tas-Sit B01 kif ukoll fiż-żona ta’ quddiem is-Salini Resort, bin-numru tas-sit C32, l-aħħar li sar kien fit-tielet ġimgħa t’Ottubru peress li l-istaġun uffiċjali tal-għawm kien jispiċċa fil-21 t’Ottubru, 2018. Kemm is-sit B01 kif ukoll is-sit C32 kkwalifikaw bħala eċċellenti u dan wara li jkunu ġew ittestjati għall-parametri mikrobioloġiċi hekk kif rikjest fir-Regolamenti dwar il-Maniġġar tal-Kwalita` tal-Ilma tajjeb għall-Għawm.

Korp tal-Pulizija – taħriġ fuq Crowd Control

Question

Jista’ l-Ministru jispjega dettaljatament it-taħriġ li jingħata, u minn min, u kull meta, lill-membri tal-Korp tal-Pulizija dwar crowd control?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li taħriġ fuq Crowd Control qed jingħata f’forma ta’ teorija u kif ukoll prattika fuq diversi modules. It-taħriġ lill-units partikolari jingħata taħt l-awspiċi tal-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati u jitmexxa mill-instructors tal-istess akkademja kif ukoll minn żewġ instructors in-house.

Awtorità tal-Artijiet – ittri uffiċjali fuq qbiela ta’ art

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittri uffiċjali li l-Awtorità tal-Artijiet ippreżentat fil-Qorti biex jintemmu l-qbiela tal-art milquta bil-proġett tat-twessigħ tat-triq f’Tal-Balal?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant kif dan il-Gvern b’rispett sħiħ lejn il-liġijiet tal-pajjiż u d-diversi oqsma rispettivi, għandu programm ċar u pjan fit-tul sabiex jindirizza l-infrastruttura fuq it-toroq ta’ pajjiżna. Aparti l-interventi fuq l-uċuh tat-toroq, fosthom residenzjali, qed issir ħidma kontinwa sabiex jiġu ndirizzati numru ta’ ‘bottlenecks’ fuq toroq arterjali u distributorji. Dan huwa l-każ ukoll fuq it-Triq tal-Ballal. Infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet u Infrastructure Malta, kif ir-regolamenti u liġijiet li japplikaw fil-każ ta’ espropji qed ikunu rispettati fl-intier tagħhom. Dan jinvolvi l-approvazzjoni tal-istimi tal-periti fir-rigward tal-kumpens dovut lis-sidien tal-artijiet privati, terminazzjoni ta’ qbiela fejn applikabbli u l-pubblikazzjoni tal-Gazzetta tal-Gvern. Infurmat li dan huwa proċess li għaddej.

Ministeru għall-Familja, Drittjiet tat-Tfal u Solidarjetà – trasferimenti/pagamenti f’bank

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux trasferimenti u/jew pagamenti, inkluż iżda mhux biss, ta' pagi, f'kontijiet li jinsabu fil-bank li l-isem u d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament, mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista' jgħid dwar xiex kienu dawn it-trasferimenti u/jew pagi u kemm kien it-total tal-ammont li ġie trasferit?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, kif ukoll id-Dipartimenti, Entitajiet u Awtoritajiet li jaqgħu taħtu, qatt ma għamlu xi trasferimenti u/jew pagamenti lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw b’mod separat.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – Ħatra ta’ Bordijiet ta’ Inkjesta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7506 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il Bord ta' Inkjesta ġie maħtur minnu bħala Ministru skont dak li jipprovdi l-Att dwar l-Inkjesti (Kap. 273 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-imsemmija Bordijiet ta' Inkjesta li ġew maħtura minnu u għal kull wieħed minnhom jindika s-suġġett u l-għan tal-inkjesta, it-termini tal-ħatra tal-inkjesta, l-isem, il-kunjom u l-kariga u/jew professjoni tal-persuni li ġew maħtura bħala Chairman u/jew Membri tal-Bord, id-data ta' meta ġie/ġew maħtur/a ċ-Chairman u l-Membri tal-Bord u d-data ta' meta ġie ppreżentat ir-rapport finali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li d-dokumenti mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali – Ħatra ta’ Bordijiet ta’ Inkjesta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7508 u ċjoe: Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il Bord ta' Inkjesta ġie maħtur minnu bħala Ministru skont dak li jipprovdi l-Att dwar l-Inkjesti (Kap. 273 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-imsemmija Bordijiet ta' Inkjesta li ġew maħtura minnu u għal kull wieħed minnhom jindika s-suġġett u l-għan tal-inkjesta, it-termini tal-ħatra tal-inkjesta, l-isem, il-kunjom u l-kariga u/jew professjoni tal-persuni li ġew maħtura bħala Chairman u/jew Membri tal-Bord, id-data ta' meta ġie/ġew maħtur/a ċ-Chairman u l-Membri tal-Bord u d-data ta' meta ġie ppreżentat ir-rapport finali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — Każ ta’ dixxiplina ta’ ħaddiem

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-każ ta' dixxiplina fil-konfront ta' ħaddiem tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li nhar il-21 ta' April 2017 aggredixxa ġurnalist tat-Times of Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Peress li l-uffiċjal inkarigat m’għadux mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’għandix informazzjoni dwar it-tip ta’ dixxiplina li ttieħdet.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – kuntratt ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid, x'impjieg, servizzi ta' konsulenza jew xorta oħra kellu jew għad għandu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament mal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u mal-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari,? Jista' jgħid, kemm tħallas għas-servizzi tiegħu l-individwu msemmi, sena b'sena,? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe kuntratt iffirmat bejn il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu u l-individwu msemmi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, l-individwu msemmi ġie mħallas is-somma ta’ €1,770 sa ma tiġi mwieġba din il-mistoqsija. Dan l-ammont jinkludi l-VAT.

L-Emirati Għarab Magħquda – Ittri Rogatorji

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il ittra rogatorja ġiet ippreżentata lill-Qrati jew awtoritajiet tal-Emirati Għarab Magħquda mill-Qrati jew awtoritajiet ta' pajjiżna, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm minn dawn l-ittri rogatorji ġew esegwiti, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nattira l-attenzjoni għall-fatt illi l-mistoqsija mhijiex ċara għal jekk l-Onor. Interpellant hux qed jirreferi għar-rikjesti mibgħuta lill-Emirati Gharab Magħquda mill-Awtoritajiet ta' Malta jew vice versa. Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara d-domanda.
Leg 13 PQ #8155 Sitting 182 2019-01-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Il-Bajja tax-Xwejni – xogħol ta’ emerġenza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li għadu ma sar ebda tip ta’ xogħol ta’ emerġenza f’parti mill-ħajt tat-triq tal-Bajja tax-Xwejni peress li jinsab fi stat ħażin ħafna u ta' periklu kbir għan-nies u turisti li jiffrekwentaw din il-bajja matul is-sena?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tender biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa ġiet ippubblikata. Il-ħruġ tat-tender kien meħtieġ minħabba li l-ħsara hija pjuttost estensiva.