Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sidien ta’ Artijiet privati – kumpens għall-art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ kumpens dovut lis-sidien tal-artijiet privati li ġew esproprjati bil-proġett tat-twessigħ tat-triq f’Tal-Balal, u jistax jagħti d-data ta’ meta saret din l-istima mill-periti mqabbda mill-Awtorità tal-Artijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6873 f’Seduta 182.

Entitajiet – esproprjazzjoni tal-artijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu awtorizzax il-prassi jew proċedura ġdida li l-entitajiet li jaqgħu taħtu jibdew jesproprjaw de facto l-art tal-privat mingħajr ma tiġi obduta l-liġi li tirregola tali teħid?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant kif f’pajjiż li jħaddem u jirrispetta s-saltna tad-dritt, jiena dejjem nesiġi li kulħadd, inkluż entitajiet u awtoritajiet Governattivi għandhom isegwu l-liġijiet u r-regolamenti li japplikaw – xejn inqas f’każ ta’ espropji kif jien infurmat li dejjem sar.

Awtorità tal-Artijiet – qbiela tal-artijiet terminati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġew terminati l-qbiela tal-artijiet f’Tal-Balal da parti tal-Awtorità tal-Artijiet, bid-dati preċiżi għal kull terminazzjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6873 f’Seduta 182.

Awtorità tal-Artijiet – esproprjazzjoni tal-artijiet privata

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-avviżi li l-Awtorità tal-Artijiet ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern biex tavża li kienet qed tesproprja l-artijiet privati f’Tal-Balal qabel il-bidu tal-proġett reċenti tat-twessigħ tat-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6873 f’Seduta 182.

Repubblika tal-Panama – Ittri Rogatorji

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il ittra rogatorja ġiet ippreżentata lill-Qrati jew awtoritajiet tar-Repubblika tal-Panama mill-Qrati jew awtoritajiet ta' pajjiżna, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm minn dawn l-ittri rogatorji ġew esegwiti, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nattira l-attenzjoni għall-fatt li l-mistoqsija mhijiex ċara għal jekk l-Onor. Interpellant hux qed jirreferi għar-rikjesti mibgħuta lir-Repubblika tal-Panama mill-Awtoritajiet taˋ Malta jew vice versa. Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara d-domanda.

Renju tal-Belġju – Ittri Rogatorji

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il ittra rogatorja ġiet ippreżentata lill-Qrati jew awtoritajiet tar-Renju tal-Belġju mill-Qrati jew awtoritajiet ta' pajjiżna, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm minn dawn l-ittri rogatorji ġew esegwiti, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nattira l-attenzjoni għall-fatt illi l-mistoqsija mhijiex ċara għal jekk l-Onor. Interpellant hux qed jirreferi għar-rikjesti mibgħuta lir-Renju tal-Belġju mill-Awtoritajiet taˋ Malta jew vice versa. Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara d-domanda.

Repubblika Federali tal-Ġermanja – Ittri Rogatorji

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il ittra rogatorja ġiet ippreżentata lill-Qrati jew awtoritajiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja mill-Qrati jew awtoritajiet ta' pajjiżna, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm minn dawn l-ittri rogatorji ġew esegwiti, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nattira l-attenzjoni għall-fatt li l-mistoqsija ma hijiex ċara għal jekk l-Onor. Interpellant hux qed jirreferi għar-rikjesti mibgħuta lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mill-Awtoritajiet taˋ Malta jew vice versa. Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara d-domanda.

L-Istati Uniti tal-Amerika – Ittri Rogatorji

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il ittra rogatorja ġiet ippreżentata lill-Qrati jew awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika mill-Qrati jew awtoritajiet ta' pajjiżna, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm minn dawn l-ittri rogatorji ġew esegwiti, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nattira l-attenzjoni għall-fatt li l-mistoqsija ma hijiex ċara għal jekk l-Onor. Interpellant hux qed jirreferi għar-rikjesti mibgħuta lill-Istati Uniti tal-Amerika mill-Awtoritajiet taˋ Malta jew vice versa. Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara d-domanda.

Studenti li għadhom mingħajr servizz tat-trasport b’xejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm huwa n-numru ta' studenti li minkejja li l-ġenituri tagħhom applikaw għat-trasport tal-iskola b'xejn għadhom mingħajr servizz ta' trasport minn u/jew lejn l-iskola tagħhom fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll minn liema lokalità huma l-istudenti, l-età tagħhom u f'liema skejjel jattendu? Jista' jagħti data definittiva meta dawn l-istudenti se jingħataw trasport tal-iskola b'xejn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif spjegat fi tweġibiet preċedenti, in-numru ta' studenti li għadhom mingħajr is-servizz ta' trasport b'xejn jiġi aġġornat kontinwament. Infurmat li sal-bieraħ kien hemm 258 student li għad għandhom it-talba għal servizz ta' trasport b'xejn pendenti. L-istudenti li jattendu skejjel tal-Knisja u Indipendenti u li għadhom fuq il-pending list huma minn lokalitajiet varji. Il-Ministeru jibqa’ impenjat sabiex dawn l-istudenti jsibu trasport.
Leg 13 PQ #7988 Sitting 183 2019-01-15 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi

Konvenji dwar bejgħ jew trasferiment ta’ proprjetà immobbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati konvenji dwar bejgħ jew trasferiment ta' proprjetà immobbli jew ta' xi dritt reali fuq proprjetà immobbli u għal kull sena jindika l-ammont li tħallas bħala taxxa provviżorja u l-valur totali tal-proprjetà, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 6346. It-taxxa provviżorja tammonta għal 1% tal-valur dikjarat.
Leg 13 PQ #8171 Sitting 183 2019-01-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Projects Malta ltd – Proġetti f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti saru minn Projects Malta Ltd ġewwa Għawdex sena b'sena minn kemm ilha kostitwita Projects Malta sal-lum? Jista' jgħid xi proġetti hemm ippjanati li jsiru minn Projects Malta matul is-sena 2019 f'Għawdex?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5051. Projects Malta Ltd qed tevalwa wkoll il-possibilità li twettaq proġett għall-komunità Għawdxija. Intant il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiki qegħdha tikkolabora mal-Ministeru għal Għawdex fuq ir-riġenerazzjoni tax-Xlendi u titjieb fuq il-bajjiet.

Pjazza tax-Xagħra – Master Plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar il-Master Plan għall-Pjazza tax-Xagħra li kellu jsir mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra? Meta hu ppjanat li jitlesta u jibda jitħaddem dan il-Master Plan għal Pjazza tax-Xagħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tax-Xagħra qiegħed fil-fażi preparatorja biex jagħmel din il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Master Plan tal-pjazza tax-Xagħra Għawdex.

Proġett tal-White Rocks

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-aħħar żviluppi dwar il-proġett tal-White Rocks li diversi xhur ilu ġie deskritt minnu bħala proġett ambizzjuż? Jista’ jgħid fiex wasal il-proċess biex isir dan il-proġett?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proġett tal-White Rocks Malta wasal fi stadju avvanzat ta’ negozjati. Wieħed għandu jifhem li dan il-proġett huwa ta’ natura kumplessa u jeħtieġ li n-negozjati jsiru bir-reqqa u b’mod komprensiv qabel ma jkun jista’ jkun hemm ftehim.
Leg 13 PQ #8204 Sitting 183 2019-01-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija – Triq Sannat – xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess biex issir it-tieni parti ta’ Triq Sannat, Xewkija? Inħarġu t-tenders u ġew awarded? Min hu l-perit inkarigat minn din it-triq, kif intgħażel u kemm tħallas sa issa? Tista’ tgħid min ipprepara l-Bill of Quantities għal din it-triq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ġiet evalwata, u eventwalment ġiet sottomessa oġġezzjoni għar-riżultat u bħalissa għaddej il-proċess relattiv.
Leg 13 PQ #8205 Sitting 183 2019-01-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – rapport ta’ ristrutturar – għażla ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kif intgħażel l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex jagħmel rapport ta’ ristrutturar fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex? Kemm-il siegħa xogħol ħadem sa issa fuq dan ir-ristrutturar u kemm qed jitħallas għal kull siegħa xogħol li jagħmel u kemm tħallas sa issa? Tista’ tgħid x’ġie implimentat sa issa minn dak li ppropona dan l-individwu fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-individwu ħadem bħala Policy Consultant fl-Istrategic and Priorities Unit tal-Ministeru għal Għawdex mit-3 ta’ Lulju 2017 sal-31 ta’ Mejju 2018. Skont il-kuntratt hu kien jaħdem fuq bażi part-time, ġimgħa ta’ 20 siegħa. F’dan il-perjodu tħallas total ta’ €22,853.20. Dan il-Konsulent għamel rakkomandazzjonijiet dwar l-istrutturar tal-Ministeru li qed jiġu evalwati biex jitwetqu flimkien ma’ xogħol ieħor marbut mal-irwol ta’ Poilcy Consultant.

Kap. 520 — Direttiva dwar Representative Action for collective Redress

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni ta’ Malta fir-rigward tal-proposti tal-Unjoni Ewropea għal Direttiva dwar representative actions for collective redress ukoll fid-dawl tal-liġi Maltija dwar l-istess suġġett kif provdut fl-Att Dwar Proċedimenti Kollettivi, Kap. 520?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proposta li għadha qiegħda tiġi diskussa għandha l-għan li tipproponi mekkaniżmu għal proċedimenti kollettivi effettivi li jistgħu jittieħdu f’setturi ekonomiċi diversi u li tkopri kemm il-ksur domestiku kif ukoll il-ksur transfruntier. Mill-bidu nett tan-negozjati, Malta laqgħet l-għanijiet tan-New Deal for Consumers – pakkett ta’ proposti legiżlattivi li jinkludi il-proposta għal Direttiva dwar l-azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, waqt li dejjem saħqet li għandu jiġi żżgurat il-bilanċ propju u ġust bejn il-protezzjoni tal-konsumatur u l-interessi tan-negozji. Dan fid-dawl tal-Att dwar Proċedimenti Kollettivi (Kapitolu 520 tal-Liġijiet ta’ Malta), li permezz tiegħu l-individwi li jkunu batew jew qegħdin ibatu ħsara u li t-talbiet tagħhom joriġinaw minn kwistjoni komuni jistgħu ifittxu rimedju kollettivament, permezz ta’ azzjoni wahda li tiġi stitwita b’rikors ġuramentat u mressqa mir-rappreżentant tal-klassi.

MCCAA – rapporti ta’ misleading advertisement

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ misleading advertisements irċevuti mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) matul is-sena 2018? Kemm minn dawn ittieħdet azzjoni dwarhom? Jista’ jagħti elenku ta’ tipi ta’ misleading advertisement li ttieħdet deċiżjoni dwarhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul 2018 kien hemm sitt rapporti li kienu direttament relatati ma’ misleading advertisements fejn ittieħdet jew qed tittieħed azzjoni fuqhom kollha. Dawn kienu relatati ma' reklamar ta’ offerti fejn hemm żmien limitat minn meta jew sakemm konsumatur seta’ jutilizzahom liema żmien ma kienx ċar fir-reklam, reklamar fuq prodotti li ma jkollhomx l-ispeċifikazzjonijiet kollha rreklamati u offerti jew servizzi reklamati mhux onorati.

Il-Fgura — Triq Valperga - daħla għal Wied Blandun

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7795, jista' l-Ministru jgħid meta se jsir dan ix-xogħol?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellenat li x-xogħlijiet ġewwa Triq il-Valpegra, fid-daħla ta’ Wied Blandun huma lesti u l-pubbliku jista’ juża l-passaġġ mill-ġdid.
Leg 13 PQ #8262 Sitting 183 2019-01-15 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ismijiet popolari tas-subien fl-2018

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kienu l-aktar tliet ismijiet popolari ta' subien matul is-sena 2018?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Infurmat li l-aktar tliet ismijiet popolari ta' subien matul is-sena 2018 kienu Noah, Luca u Liam