Legislature:
Category:
Reset
Active:

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – ħinijiet ta’ visti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li nbidlu l-ħinijiet tal-viżitaturi tal-qraba ma’ residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jista’ jgħid illum x’inhi l-iskeda tal-ħinijiet tal- viżitaturi tal-qraba ma’ residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm ebda bidliet fil-ħinijiet tal-viżitaturi tal-qraba mar-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. L-iskeda tal-ħinijiet tal-visti hija kif ġej: L-ewwel vista ta’ filgħodu tibda mid-9:00am sal-9:45am, it-tieni vista tkun mill-10:00am sal-10:45am u t-tielet vista tkun mill-11:00am sa 11:45am. Waranofsinhar, il-visti jkunu mis-2:00pm sat-2:45pm, it-tieni vista tkun mit-3:00pm sal-3:45pm u l-aħħar vista tkun mill-4:00pm sal-4:45pm. Dawn il-visti jkunu hekk kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd.

Bdiewa u Raħħala — Fondi Ewropej

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta’ fondi (valur f’euros) li kienu dovuti għall-bdiewa u r-raħħala u spiċċaw intużaw għat-toroq għas-snin 2016 u 2017? Tista’ tgħid kemm kien l-ammont ta’ fondi (valur f’euros) li ttieħdu mill-bdiewa u r-raħħala u kemm kienu l-ammonti ta’ bdiewa u raħħala li bbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-qasam tal-biedja?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Sajjieda – Fondi Ewropej

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta’ fondi (valur f’euros) li kienu dovuti għas-sajjieda u spiċċaw intużaw f’xi qasam ieħor għas-snin 2016 u 2017? Tista’ tgħid il-fondi li kienu dovuti għas-sajjieda u tali fondi ma ngħatawx, f’liema oqsma ntefqu? Tista’ tgħid kemm kien l-ammont ta’ fondi (valur f’euros) li ttieħdu mis-sajjieda u kemm kien l-ammont ta’ sajjieda li bbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam rispettiv?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Il-Mellieħa – Triq Lewis Wettinger — tappiera

Question

Jista’ l-Ministru jara li tappiera fi Triq Lewis Wettinger (Mellieħa bypass) issirilha l-manutenzjoni meħtieġa, sabiex jieqaf l-inkonvenjent li qed toħloq lir-residenti tal-madwar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastruttura Malta qed titkellem mal-entitajiet tas-servizzi li jinqdew bl-infrastruttura indikata biex jaċċessaw in-networks tagħhom taħt it-triq indikata, ħalli jirranġaw din id-diffikultà mill-aktar fis. Persuni li jkollhom diffikultajiet b’xi infrastruttura relatata mat-toroq li tagħhom hija responsabbli Infrastruttura Malta jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jagħmlu kuntatt permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.

Il-Pont tal-Mistra – parti ta’ triq li qed iżżomm l-ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jara li l-parti tat-triq (viċin il-bus stop) fuq il-Pont tal-Mistra li qed iżżomm l-ilma tax-xita, bil-konsegwenza li qed jinħoloq inkonvenjent għax-xufiera li jgħaddu minnha kif ukoll lil dawk il-persuni li jkunu qed jistennew is-servizz tat-trasport pubbliku, isirilha l-manutenzjoni meħtieġa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-pont indikat kien ilu fi stat ta’ telqa mingħajr ebda tiswijiet jew manutenzjoni għal għexieren ta’ snin. Madankollu, s-sena li għaddiet id-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta, u eventwalment Infrastructure Malta wettqu studji tekniċi dwar il-qagħda ta’ din l-infrastruttura u eventwalment lestew ukoll xogħlijiet estensivi ta’ tiswija u tisħiħ biex il-pont ma jibqax f’periklu li jiġġarraf. Bħala parti minn ħidma separata biex jitjiebu t-toroq li jagħtu għax-xtajtiet u għaż-żoni turistiċi, qabel is-sajf li għadda sar ukoll xogħol ta’ tiswijiet u manutenzjoni biex titjieb il-kwalità tat-triq li għaddejja minn fuqu, kif ukoll tat-Telgħa tax-Xemxija u t-Telgħa ta’ Selmun. Id-diffikultà ta’ ilma tax-xita indikata, fl-inħawi tal-istess pont, ġiet identifikata s-sena li għaddiet u dalwaqt ser jibdew xogħlijiet biex tinbena sistema ġdida ta’ kanali u spralli għall-ġbir tal-ilma li jaqa’ fuq wiċċ it-triq. Persuni li jkollhom diffikultajiet b’xi infrastruttura relatata mat-toroq li tagħhom hija responsabbli Infrastructure Malta jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jagħmlu kuntatt permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.

Il-Mellieħa – proċess tal-applikazzjoni għal Kamra tan-Nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-applikazzjoni (PA 05985/09) għall-permess ta' kamra tan-nar fil-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar li l-applikazzjoni tal-kamra tan-nar tal-Mellieħa ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni tal-Bord tal-Ippjanar fil-15 ta’ Jannar, 2019. L-applikazzjoni se tinstema’ quddiem il-Bord tal-Appell dwar l-Ippjanar fil-11 ta’ Lulju, 2019 għal kontinwazzjoni.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjoni għal bini ta’ lukanda

Question

Jista' l-Ministru jindika fiex wasal il-proċess tal-applikazzjoni (PA 5909/17) quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar b'rabta mal-binja ta' lukanda u appartamenti fid-daħla tal-Mellieħa preċiżament bejn Triq in-Nases u Triq il-Fortizza?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, li b’referenza għall-applikazjoni PA5909/17, l-istess Awtorità qiegħda tistenna aktar dettalji fil-forma ta’ ‘visuals’ biex b’hekk ikun jista’ jsir studju komplut tal-impatt viżwali li hija l-aħħar fażi tal-proċess.

Awtorità tal-Ippjanar – talba għal għoli u sulari ta’ lukanda u appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi t-talba għall-għoli/sulari tal-lukanda u l-appartamenti li tagħhom hemm l-applikazzjoni (PA 5909/17) quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar liema binja tinsab bejn Triq in-Nases u Triq il-Fortizza?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, li t-talba għall-għoli /sulari fl-applikazzjoni (PA5909/17) hija dik kif se jiġi spjegat: Residenzjali Għoli ta’ bejn 16.3 metri mill-aktar parti għolja tat-triq u 17.7 metri mill-aktar parti baxxa ta’ triq. Lukanda Għoli ta’ 25.75 metri mill-aktar parti għolja ta’ triq.

Il-Mellieħa – applikazzjoni għal lukanda u appartamenti – studju dwar impatti soċjali u tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk b'rabta mal-applikazzjoni PA 5909/17 (lukanda u appartamenti fid-daħla tal-Mellieħa) hux se jkun hemm talba mill-awtoritajiet konċernati sabiex isiru studji dwar l-impatti soċjali u dak tat-traffiku fil-lokalità tal-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, li l-applikazzjoni (PA5909/17) qiegħda fuq art li tinsab f’żona residenzjali kif ukoll f’lokalità turistika, għaldaqstant, Policies li jirregolaw it-tali żoni japplikaw. Jirriżulta li l-iżvilupp kif propost ikkwalifilka għal studju dwar l-impatt tat-traffiku liema studju ġie analizzat u konkluż mill-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll mill-Awtorità ta’ Trasport fejn tal-aħħar taw l-approvazzjoni tagħhom suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet. F’dak li huwa studju dwar l-impatt soċjali, jidher ċar li n-natura tal-proġett ma tikkwalifikax għal dan.

Trasferiment tal-valur tal-pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li talbu trasferiment tal-valur tal-pensjoni tagħhom mis-sistema tas-Sigurtà Soċjali Maltija għal dawk l-istituzzjonijiet Ewropej (transfer out) u viċi-versa (transfer in) skont l-Avviżi Legali 17 u 120 tal-2012? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-talbiet għadhom pendenti, sena b'sena mill-2016 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella kif ġej; Transfer Out Numru ta’ Talbiet Talbiet Aċċettati Talbiet Irtirati Talbiet Pendenti Ammont Trasferit 2016 4 2 1 1 €23,224,87 2017 11 7 3 1 €247,973,24 2018 7 3 3 1 €16,193,50 2019 0 0 0 0 0 Il-proċess ta’ ‘ Transfer In’ mhux applikabbli taħt l-iskema tas-Sigurta` Soċjali ta’ Malta, peress illi tali skema hija ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ‘ Pay As You Go ’ u għaldaqstant mhux possibbli li jiddaħħlu kontribuzzjonijiet minn sorsi oħra.
Leg 13 PQ #8383 Sitting 185 2019-01-21 Oral · Final From: HERMANN SCHIAVONE To: Ministeru għat-Turiżmu

Port Ħieles – shore to vessel supply

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8212, jista’ l-Ministru jgħid jekk sakemm Malta Freeport Corporation taġġorna ruħha fuq l-iżviluppi tax-shore to vessel supply u l-istallazzjoni tagħha fil-Port Ħieles, hux jikkunsidra li jwaqqaf l-operat tal-Freeport matul is-sigħat tal-lejl sabiex il-poplu ta' Birżebbuġa jkun jista’ jorqod bil-kwiet?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru flimkien mal-imsieħba kollha, jinsab impenjat bis-sħiħ sabiex jimminimizza u jekk huwa possibbli jelimina kwalunkwe inkonvenjent li l-operat tal-Port Ħieles jista' jikkawża. Ittieħdu diversi miżuri u qegħdin fil-proċess li jiġu implimentati diversi miżuri sabiex il-ħsejjes li jistgħu jiġu kkawżati mill-operat tal-Port Ħieles jiġu mnaqqsa, liema miżuri jinkludu: · tnaqqas il-ħoss tas-sistemi tal- alarms mal-krejnijiet li jimxu bir-roti (RTG’s) skont l-istandard EN I20 7731; · ġiet installata s-sistema crane slow down feature s’issa f’65% tal-Quay Cranes biex ma jkunx hemm tisbita finali meta l- container jitniżżel fuq it-trakk; · din is-sena nġabu seba' krejnijiet RTG ġodda li għandhom sistema ta’ white noise biex b’hekk jonqsu l-ħsejjes waqt li jkunu qed jgħabbu jew iħottu l- containers . Tmienja oħra se jiġu installati sa Marzu. Il-50 krejn eżistenti se jiġu retro-fitted biex inaqqsu l-inkonvenjent tal-istorbju; · saru xogħlijiet fuq 107,000sqm ta’ toroq fiż-żona tal-Freeport; · għaddej tibdil ta’ uċuħ tat-toroq li kienet magħmula minn cobbled blocks u li issa qed jingħataw it-tarmak. Inbidlet ukoll art li kienet miksija bil-pjanċi tal-ħadid fejn flokhom ingħata l-konkrit; · Saret konsultazzjoni bejn Transport Malta u l-Malta Freeport Terminal dwar attività ta’ refuelling ta’ vapuri sabiex ma jsirx daqq ta’ ħornijiet mill-vapuri; · Saret konsultazzjoni bejn Transport Malta, Infrastructure Malta u l-Korporazzjoni sabiex is-South Road tingħata t-tarmak. Din it-triq jgħaddu madwar 310 vettura kuljum. Il-Port Ħieles mhuwiex biss mezz li jiffaċċilita t-trasport ta’ prodotti iżda huwa element kruċjali fl-ekonomija Maltija. Huwa biżejjed li jingħad li matul is-sena li għaddiet il-Port Ħieles Malti kien it-tielet l-aktar port attiv fil-Mediterran. Dan magħdud mal-fatt li l-akbar operatur fi ħdan l-istess port, Malta Freeport Terminals Limited jikontribwixxi għal 2.1% tal-ekonomija Maltija u dan mingħajr ma nsemmgħu n-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu fl-istess port grazzi għal din l-attività. Il-Gvern se jkompli jaħdem biex jimplimenta x-short, medium u long-term plan biex jitnaqqsu l-ħsejjes ġejjin mill-Port Ħieles. Ta’ min wieħed isemmi ukoll li l-Ministeru qiegħed ifassal proġett għar-riġenerazzjoni ta’ Birżebbuġa.

Birżebbuġa – Triq tal-Ġebel u Triq San Patrizju — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitkomplew ix-xogħlijiet li diġà bdew fuq Triq tal-Ġebel u Triq San Patrizju f'Birżebbuġa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet f’parti minn Triq San Patrizju saru minn entità li taqa’ taħt Ministeru ieħor, b’rabta ma’ sistemi tal-elettriku. Il-kumplament tat-triq mistennija titlesta wara li jsir proġett separat minn entitajiet oħra tal-Gvern, u li se jinvolvi l-bdil u t-tisħiħ ta’ servizzi tad-drenaġġ u tal-ilma taħt il-livell tat-triq. L-ewwel parti ta’ Triq tal-Ġebel, li tgħaddi minn żoni qalb l-għelieqi, inbniet mill-ġdid bħala parti minn proġett ta’ Infrastructure Malta b’fondi tal-Unjoni Ewropea, għat-titjib fit-toroq rurali ta’ Malta. Il-parti l-oħra ta’ Triq il-Ġebel li fiha hemm bini residenzjali, ser tinbena mill-ġdid dalwaqt. Fil-fatt, din it-triq hija fil-lista tal-ewwel 120 mit-toroq li Infrastructure Malta se tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena, bħala parti mill-investiment bla preċedent ta’ €700 miljun tal-Gvern, biex fis-snin li ġejjin intejbu l-kwalità tat-toroq residenzjali ta’ pajjiżna.

Programm fuq stazzjon televiżiv — investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju għat-Tfal investigatx artiklu li xxandar fuq is-sit “lovinmalta.com” u sussegwentament il-programm li xxandar fuq l-istazzjon Net tv bl-isem ta' 'Akila' fejn waqt l-istess programm żewġ tfajliet minuri, li skont l-istess artiklu għandhom tlettax u ħmistax-il sena, ġew mistoqsija jekk kenux lesti jieħdu ritratti lebsin ‘lingerie’? https://lovinmalta.com/news/news-video/watch-7-total-wtf-moments-from-this-new-maltese-modelling-tv-show

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Kummissarju għat-Tfal ġiet ikkuntatjata minn individwu kif ukoll mill-Awtorità tax-Xandir dwar il-programm li qed isir aċċen għalih (il-programm Aċila). Il-Kummissarju wriet it-tħassib tagħha dwar ċerti kummenti li għamel membru tal-panel fuq dan il-programm. Il-Kummissarju ma qablitx ukoll mal-mod kif qed isir il-programm, b’mod partikolari minħabba l-firxa wiesa tal-etajiet tal-parteċipanti. L-Uffiċċju ħa jkompli jsegwi dan il-programm u jkompli jiddiskuti mal-Awtorità tax-Xandir fl-aħjar interess tat-tfal.

Programm fuq stazzjon televiżiv — investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tax-Xandir investigatx artiklu li xxandar fuq is-sit “lovinmalta.com” u sussegwentament il-programm li xxandar fuq l-istazzjon Net tv bl-isem ta' 'Akila' fejn waqt l-istess programm, żewġ tfajliet minuri, li skont l-istess artiklu għandhom tlettax u ħmistax-il sena, ġew mistoqsija jekk kenux lesti jieħdu ritratti lebsin ‘lingerie’? https://lovinmalta.com/news/news-video/watch-7-total-wtf-moments-from-this-new-maltese-modelling-tv-show

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità tax-Xandir qiegħda tevalwa l-każ indikat mill-Onor. Interpellant.

Ministeru għas-Saħħa — Lista ta’ kuntatti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ddettaljata ta’ kuntatti (flimkien mal-email address tagħhom) li huma responsabbli mill-entitajiet, dipartimenti, eċċ. li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba minnu.

Djar tal-Anzjani — Ilmenti mir-residenti u l-qraba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm residenti fid-Djar tal-Anzjani li ressqu xi ilmenti? Fuqiex kienu dawn l-ilmenti? F’liema Dar Residenzjali saru dawn l-ilmenti matul is-snin 2017 u 2018?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Abbużi fuq Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm ġew irrapurtati lill-pulizija, każijiet ta’ abbuż fuq l-anzjani fis-sena 2017 u 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li fis-sistema kompjuterizzata tal-pulizija, ir-rapporti huma bbażati fuq it-tip ta’ reati kriminali mwettqa, li f’dan il-każ ikopru persuni ta’ età 60 sena jew aktar u li huma rreġistrati bħala vittmi ta’ reati fil-kategoriji kif jidhru fit-tabella t’hawn taħt. Infurmat li xi rapporti jistgħu jinkludi aktar minn persuna waħda u persuna anzjana, għalkemm imniżżla bħala vittma f’rapport, ma tkunx dik li kienet fil-mira diretta tal-aggressur. Rapporti li jinvolvu vittma/i ta’ età 60 sena jew aktar Report type 2017 2018 Total Offiżi fuq il-Persuna 72 112 184 Vjolenza domestika 124 143 267 Serq Aggravat (Armed) 6 3 9 Mugging 9 6 15 Snatch & Grab 48 47 95 Total 259 311 570