Legislature:
Category:
Reset
Active:

Triq li tagħti mix-Xemxija għal San Pawl il-Baħar — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li t-triq li tagħti mix-Xemxija għal San Pawl il-Baħar isirilha l-manutenzjonijiet meħtieġa, peress li qed ikun irrappurtat b'mod regolari inkonvenjenza lis-sewwieqa li jagħmlu użu minn din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li partijiet sostanzjali mit-triq indikata diġà sarulhom tiswijiet estensivi qabel is-sajf 2018. Infrastruttura Malta se tkompli t-tiswijiet ta’ din it-triq fiż-żmien li ġej. Persuni li jkollhom diffikultajiet b’xi infrastruttura relatata mat-toroq li tagħhom hija responsabbli Infrastruttura Malta jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jagħmlu kuntatt permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.

In-Naxxar – Triq San Pawl – speed camera

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fi Triq San Pawl fin-Naxxar hiex se ssir speed camera? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid fuq liema raġunijiet/studji din se ssir u jgħid ukoll jekk il-Kunsill Lokali Naxxari ġiex ikkonsultat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux se jkun hemm speed camera fi triq San Pawl in-Naxxar u għalhekk ma kienx ikkonsultat il-Kunsill Lokali.

Servizz ta’ Inspectors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu inspectors sabiex jinvestigaw lid-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jekk hux qed isiru abbużi waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom? Kemm-il spezzjoni saret f’dawn l-aħħar sentejn sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija u fejn saru dawn l-ispezzjonijiet? X’passi ttieħdu kontra dawk l-impjegati li għamlu xi abbuż bħal meta jitilqu mix-xogħol mingħajr awtorizzazzjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, filwaqt li d-dipartimenti u l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali m’għandhomx spetturi li jissorveljaw l-abbuż mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, kull dipartiment u entità li taqa’ taħt dan il-Ministeru, jaħdem/taħdem qrib tal-impjegati sabiex ikun żgurat illi, kull servizz li jingħata jkun mhux biss wieħed ta’ livell, imma wkoll mgħoti fil-ħin, b’dedikazzjoni u attenzjoni. Kull Direttur u Kap Eżekuttiv, għandhu/għandha r-responsabbiltà u d-dover b’mod regolari li jassiguraw illi l-impjegati taħt ir-responsabbiltà tagħhom jagħmlu dmirhom u f’konformità mal-policies, regolamenti, direttivi, u ftehim kolletiv tas-Servizz Pubbliku jew tal-Awtorità/Entità kkonċernata. F’każijiet fejn jiġi ppruvat li jkun hemm abbuż, is-sezzjoni tar-Riżorsi Umani tara li tieħu azzjoni ta’ dixxiplina jew ta’ twiddiba skont il-każ rispettiv. Filwaqt li l-Ministeru iħaddan il-policy tat-teleworking u flexibile hours, kull sezzjoni tara li jkun hemm ħinijiet stabbiliti fejn l-ħaddiem obbligat li jwieġeb u jirrispondi kull korrispondenza li ssirlu. L-attendenza u l-ħinijiet jinżammu taħt skrutinju mill-kapijiet u assistenti kapijiet, waqt illi jiġu infurmati fil-ħin jekk xi ħadd mill-ħaddiema jirraporta li jkun marid. L-użu tat-teknoloġija waqt l-ħinijiet tax-xogħol ukoll tiġi sorveljata, sabiex ma jkunx hemm telf ta’ ħin mill-impjegati, fuq il-medja soċjali.

Persuni b’Diżabilità — Eżenzjoni mill-ħlas ta’ liċenzja tat-triq

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7950, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kundizzjonijiet li l-Aġenzija Sapport tanalizza sabiex l-applikant jissodisfa l-kriterji biex ikun eleġibbli għall-eżenzjoni mill-ħlas ta’ liċenzja tat-triq għall-persuni b’diżabilità jew min jieħu ħsiebhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet jikkonsistu f’dawn il-kriterji; - Il-vettura trid tkun fuq isem u misjuqa mill-persuna b’diżabilità - Il-vettura trid tkun fuq isem il-persuna b’diżabilità, iżda d-diżabilità li jkollha ma tippermettix illi l-vettura tinsaq mill-istess persuna (din tapplika kemm għall-karozzi standard, kif ukoll awtomatiċi) - Il-vettura hija fuq isem il-ġenituri, ulied, aħwa, mara / raġel tal-persuna b’diżabilità u li jkunu jgħixu fl-istess residenza tal-persuna b’diżabilità (Dan il-kriterju japplika biss għal-vetturi awtomatiċi. L-uniku eċċezzjoni tapplika fejn hemm bżonn ta’ vettura aċċessibbli għal siġġu tar-roti) Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, meta persuna tkun inħolqitilha diżabilita` wara l-età ta’ 65 sena u tkun issuq l-vettura tagħha stess, hija tkun eleġibbli għal din l-iskema wkoll. Madankollu, meta persuna tkun inħolqitilha diżabilita` wara l-età ta’ 65 sena iżda li ma tkunx issuq l-vettura hija stess, ikunu eleġibbli biss għal din l-iskema, jekk l-vettura li tkun fuq isem xi membru tal-familja, trid tkun aċċessibbli għal min juża s-siġġu tar-roti.

Programm LEAP — Persuni b’Diżabilità

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7649, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret mill-Programm LEAP fuq it-800 profil tal-familji/individwi vulnerabbli li għandhom xi forma ta’ diżabilità sabiex jingħataw l-għajnuna konkreta biex joħorġu mill-faxxa tal-faqar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-eżerċizzju ta’ profiling ta’ individwi li għandhom xi forma ta’ diżabiltà, kien sar fl-2015 meta l-programm LEAP, kien għadu proġett ikkofinanzjat minn Fondi Ewropej. Dak iż-żmien, l-Aġenzija SAPPORT kienet parti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS). Dawk illi sarilhom il-profil, kienu ġew riferuti lill-istess Aġenzija SAPPORT u bdew jingħataw l-għajnuna. Fil-fatt, l-istess ġbir ta’ profiling ta’ dawn l-individwi, saret b’kollaborazzjoni bejn il-ħaddiema tal-LEAP, l-istess Aġenzija SAPPORT u l-ħaddiema ta’ Jobsplus, wara li dawn ingħataw taħriġ speċifiku, dwar kif tinġabar l-informazzjoni u kif jirreferu lill-klijenti, għas-servizzi li l-aktar li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għalihom. Bit-twaqqif tal-Fondazzjoni Lino Spiteri (LSF), kif ukoll permezz tal-iskema JESS (Job Enhancing Skills Scheme) mill-Aġenzija SAPPORT, persuni b’diżabilità li kellhom bżonn taħriġ speċifiku, bdew jiġu mgħejjuna skont l-bżonnijiet tagħhom. Iċ-ċentri LEAP, ħadmu wkoll ma’ numru ta’ persuni b’diżabilità sabiex ifittxu impjieg, f’ħidma ma’ Jobsplus, entitajiet privati u kif ukoll ma’ entitajiet pubbliċi, sabiex persuni b’diżabilita’ setgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Il-proġett INK qiegħed ikompli fuq din l-ħidma sabiex aktar persuni b’diżabilità jiġu assisti b’mod professjonali minn ħaddiema mħarrġa, liema ħidma qiegħda tkompli twassal għal mobilità soċjali u integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà tagħna.

Charter għaċ-Ċittadini fil-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk ġiex ippubblikat is-Citizens’ Charter u, jekk iva, ipoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari 7663.

Childcare bla ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li gawdew mill-iskema ta’ childcare bla ħlas matul is-sena 2018?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ tfal li gawdew mill-iskema ta’ childcare bla ħlas matul is-sena 2018 kien ta’ 6,737.

Nisa ta’ nazzjonalità Maltija li ħadmu bi qliegħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm nisa ta’ nazzjonalità Maltija li ħadmu bi qliegħ matul is-sena 2018?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ nisa ta’ nazzjonalità Maltija li kienu jaħdmu fuq bażi full-time u part-time bħala xogħol ewlieni tagħhom sal-aħħar ta’ Lulju 2018 (l-aħħar ċifri ppublikati) kien ta’ 80,642.
Leg 13 PQ #8399 Sitting 186 2019-01-22 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żwiġijiet f’Malta

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm seħħew żwiġijiet ġewwa Malta matul is-sena 2018? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu bejn koppji ta’ sess differenti u kemm minnhom kienu bejn koppji tal-istess sess?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Fis-sena 2018 seħħew 2,552 żwiġijiet f’Malta. Peress li mill-1 ta’ Settembru 2017 ġiet fis-seħħ il-liġi tal-ugwaljanza fiż-żwieġ, fir-reġistru pubbliku ma tinżammx statistika rigward il-ġeneru.
Leg 13 PQ #8400 Sitting 186 2019-01-22 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Unjoni Ċivili f’Malta

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm seħħew unjoni ċivili ġewwa Malta matul is-sena 2018? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu bejn koppji ta’ sess differenti u kemm minnhom kienu bejn koppji tal-istess sess?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Fis-sena 2018 kien hemm erba’ unjoni ċivili ġewwa Malta. Kien hemm koppja waħda ta’ sess differenti u tlett koppji l-oħra kienu tal-istess sess.
Leg 13 PQ #8401 Sitting 186 2019-01-22 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żwiġijiet fuq Opri tal-Baħar

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm seħħew żwiġijiet fuq opri tal-baħar inkluż cruise liners matul is-sena 2018?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Infurmat li kien hemm 1,303 żwiġijiet li seħħew fuq opri tal-baħar inkluż cruise liners matul is-sena 2018. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 2817 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 187 tal-Erbgħa 23 ta' Jannar 2019.)
Leg 13 PQ #8402 Sitting 186 2019-01-22 Oral · Final From: BYRON CAMILLERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żwiġijiet barra minn Malta fejn waħda mill-persuni tkun ta’ nazzjonalità Maltija

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġew reġistrati żwiġijiet mar-Reġistru Pubbliku li seħħew barra l-pajjiż fejn waħda mill-partijiet tkun ta’ nazzjonalità Maltija matul is-sena 2018?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Infurmat li kien hemm 1,303 żwiġijiet li seħħew fuq opri tal-baħar inkluż cruise liners matul is-sena 2018. ( Korrezzjoni: Ara Dokument PL4706 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta 318, nhar it-Tnejn, 20 ta’ April 2020)
Leg 13 PQ #8407 Sitting 186 2019-01-22 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Malta Islamic Finance Association — żviluppi

Question

B'referenza għal dak illi kien ġie rrappurtat fil-media f'Ġunju 2018 dwar Islamic Finance (http://www.independent.com.mt/articles/2018-06-26/local-news/Malta-Islamic-Finance-Association-backed-by-Maltese-Government-6736192499), jista' l-Prim Ministru jgħid xi żviluppi saru minn dakinhar sad-data illi fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ġejt informat li ma kienx hemm żviluppi.
Leg 13 PQ #8408 Sitting 186 2019-01-22 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Istituzzjonijiet Finanzjarji Islamiċi – applikazzjonijiet mal-MFSA

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarux xi applikazzjonijiet mal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) matul l-2018 fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji Islamiċi? Jekk iva, kemm daħlu u kemm minnhom ġew approvati?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab informat li ma daħlu ebda applikazzjonijiet. Fil-preżent qed isir xoghol biex fost oħrajn is-sistema Maltija tilqa ahjar ghal dawn it-tipi ta’ strumenti.
Leg 13 PQ #8409 Sitting 186 2019-01-22 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn 2 Arm Breakwater

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qed jiġi stmat (estimu, anke jekk mhux preċiż) il-valur tax-xogħol u l-materjal neċessarju biex terġa' tinbena 'Marsalforn 2 Arm Breakwater'?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew ippubblikati żewg tenders għall-istudji meħtieġa li minnhom jiddependi l-andament tal-proġett. Il-Breakwater ta’ Marsalforn hija wegħda elettorali li l-Ministeru determinat li jwettaq.
Leg 13 PQ #8410 Sitting 186 2019-01-22 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex – Lampi tat-triq mitfija

Question

Peress li fi Triq ir-Repubblika, Rabat Għawdex hemm numru ta' lampi u bozoz maqtugħin jew li mhumiex jinxtegħlu, tista' l-Ministru tara illi tittieħed l-azzjoni meħtiega u jinxtegħlu minnufih biex jiġi eliminat kull inkonvenjent u periklu?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dwal tal-imsemmija triq (u anke parti mit-Triq l-Imġarr) għadhom taħt ir-responsabilità tat-Transport Malta.

Awtorità tal-Ippjanar – membru tal-Bord miġjub Malta fuq private jet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien l-interlokutur tal-Awtorità tal-Ippjanar mas-sid/rappreżentant tal-kumpanija tal-private jet li bih il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, inġabet Malta fl-20 ta’ Settembru 2018? Jista’ jgħid ukoll meta eżattament kien li sar il-kuntatt biex ġie ordnat il-private jet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li ma kien hemm ebda interlokotur filwaqt li nitolbu jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 7090 tas-Seduta 142. Il-PA hija awtorità independenti u awtonoma. Jiena la kont infurmat u anqas kelli sehem f’din id-deċizjoni; u kif diġà esprimejt fil-pubbliku jien ma qbiltx ma din id-deċiżjoni.

Awtorità tal-Ippjanar –membru tal-Bord miġjub Malta fuq private jet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ordnax li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, tirrifondi l-ħlas li sar biex hija tinġab Malta bi private jet fl-20 ta’ Settembru 2018? Jekk ma għamilx din l-ordni, jista’ jgħid għalfejn?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif digà spjegajt kemm-il darba, din id-deċiżjoni Amministrattiva kienet fil-parametri legali tal-Kap Eżekuttiv f’Awtorità Indipendenti u Awtonoma. Jiena la kont infurmat u anqas kelli sehem f’din id-deċizjoni; u kif diġà esprimejt fil-pubbliku jien ma qbiltx ma din id-deċiżjoni.

Użu ta’ private jet mill-Ministru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwa qattx għamel użu minn xi private jet proprjetà tal-istess proprjetarju tal-private jet li ntuża biex tinġab membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar u ċjoè l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk iva, meta u għal liema skop?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qatt ma għamilt użu. Irrid inżid li jiena bħala Ministru la kont infurmat u anqas kelli sehem f’din id-deċizjoni; u kif diġà esprimejt fil-pubbliku jien ma qbiltx ma din id-deċiżjoni. Il-PA hija awtorità independenti u awtonoma.

Użu ta’ private jet mill-Ministru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba huwa għamel użu minn xi private jet fl-aħħar leġiżlatura u f’din il-leġiżlatura? X’kienet l-ispiża kull darba u x’kienet id-destinazzjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qatt ma għamilt użu għajr matul ix-xhur tal-Presidenza meta akkumpanjajt lill-Prim Ministru fuq ‘Tour De Capitals’.