Ħal Qormi — Ċimiterju - xogħlijiet ta' manutenzjoni
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslu x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni tant bżonjużi ġewwa ċ-Ċimiterju ta’ Ħal Qormi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sar rapport minn perit fuq is-sitwazzjoni tal-ħajt taċ-ċimiterju ta’ Ħal Qormi u iddaħħlet applikazzjoni mal-Awtorita tal-Ippjanar. Bħalissa qegħdin isiru l-arranġamenti neċessarji biex tali xogħol ikun jista’ jsir.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkunsidra li l-anzjani li jkollhom bżonn trasport mingħand il-Gvern sabiex jattendu għall-appuntament l-isptar jiġu akkumpanjati minn qarib jew minn xi ħadd li jieħu ħsiebhom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-pazjenti anzjani li jattendu għall-appuntamenti tagħhom fl-Isptar Mater Dei u jużaw it-trasport tal-Gvern dejjem kellhom l-opportunita li jkollhom magħhom qarib jew carer skond il-bżonn tagħhom. Fil-fatt numru ta’ anzjani li jużaw dan is-servizz ikunu akkumpanjati minn persuna li jew tkun qarib jew carer. Bit-titjib li qed ikun ippjanat għal dan is-servizz, dan l-aspett qed ikun assigurat ukoll.
Ħal Qormi — Dipartiment tal-Cleansing - tindif ta' Wied
Question
Wara li d-Dipartiment tal-Cleansing ħa ħsieb li jnaddaf l-iskart li kien hemm fi Triq Ġuże Maria Camilleri f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jagħti direzzjoni sabiex jitnaddaf il-Wied li jinsab biswit din l-istess triq hekk kif attwalment fiha għadd ta’ skart goff u ammont sostanzjali ta’ ħaxix?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskart li kien hemm fil-parti tal-wied li jinsab biswit Triq Ġuże Maria Camilleri ġewwa Ħal-Qormi tneħħa kollu. Fadal ammont ta’ ħamrija li trid titneħħa bil-makkinarju. Dan il-materjal ser jitneħħa fil-ġranet li ġejjin.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol - nefqa
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4382 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f’kull entità li għaliha hu responsabbli, f’festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol u affarijiet simili mill-2013, sena b’sena, sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol - nefqa
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4383 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f’kull entità li għaliha hu responsabbli, f’festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol u affarijiet simili mill-2013, sena b’sena, sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Power Station ta’ Delimara – inkjesta dwar il-kwalità tal-fuel mixtri
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4400, jista’ l-Ministru issa jgħid jekk l-inkjesta li l-Imħallef li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament intalab jagħmel fl-aħħar leġislatura dwar il-kwalità tal-fuel mixtri għall-power station ta’ Delimara, hijiex lesta?
Response (MIZZI, JOE)
M’għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li diġà kont tajt għall-mistoqsija parlamentari 4400.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4472 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il delegazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew ġiet Malta fl-aħħar sentejn, liema banek lokali spezzjonat u d-data ta’ kull żjara?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-Bank Ċentrali Ewropew (ECB), taħt is-Single Supervisory Mechanism (SSM), huwa s-supervizur dirett tat-tliet istituzzjonijiet tal-kreditu sinjifikanti (Significant Institutions), li huma l-Bank of Valletta, HSBC, u MeDirect.
Fl-istess waqt, f’każijiet ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu inqas sinjifikanti (Less Significant Institutions), il-Bank Ċentrali Ewropew jeżerċita superviżjoni ġenerali u b’mod indirett.
Is-superviżjoni diretta tibqa' fir-responsabbiltà tal-MFSA. Din is-sistema hija implimentata fil-pajjiżi kollha li jinsabu fiż-żona Ewro.
Id-delegazzjonijiet u l-laqgħat li saru f’Malta bejn l-2017 u l-ewwel disa’ xhur ta’ 2018 huma s-segwenti:
• Kien hemm laqgħat li saru Malta mill-JSTs rigward is-superviżjoni tat-tliet istituzzjonijiet sinjifikanti li ammontaw għal 44 ġurnata;
• 4 żjarat ta’ ġurnata kull waħda mal-amministrazzjoni għolja tal-DG MS-III (li huma responsabbli għas-superviżjoni b’mod ġenerali u indirett tal-istituzzjonijiet inqas sinjifikanti);
• 7 żjarat relatati ma’ żewġ ispezzjonijiet ta’ Nemea Bank u HSBC Bank Malta, li ammontaw għal 44 ġurnata.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 161, 1026 u 4527 u ċjoè: Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tad-direct orders mogħtija minn kull entità, Ministeru, dipartiment, Korporazzjoni u/jew Awtorità li huma fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, matul l-2015, l-2016 u l-2017 (sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija)? Jista’ jagħti d-data meta ngħatat kull direct order, fuq ordni ta’ min, lil min, l-ammont involut u għala ma kienx hemm sejħa pubblika f’kull każ?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għar-rigward ta’ Identity Malta nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4111.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li l-ammont moghti f’direct orders matul l-aħħar leġiżlatura ta’ Gvern Nazzjonalista, mill-entitajiet li llum jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru jammonta ghal €36 miljun.
Avukat Ġenerali – każijiet li ma ngħatawx kunsens biex jinbdew proċeduri kriminali
Question
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il każ kien hemm li dwaru l-Avukat Ġenerali ma tax il-kunsens tiegħu biex jinbdew proċeduri kriminali għal xi reat taħt ir-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Flus (Leġislazzjoni Sussidjarja 233.07)?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li ma teżistix statistika tal-inċidenza ta’ rifjut ta’ talbiet għat-tip ta’ kunsensi msemmija mill-Onor. Interpellant liema talbiet lanqas ma huma tant spissi. Madankollu jiena nfurmat li minn Settembru 2010 sal-lum kien hemm biss każ wieħed fejn l-Avukat Ġenerali ma kienx tal-kunsens tiegħu għall-bidu ta’ proċeduri taħt l-imsemmija regolamenti u dan minħabba li ma qabilx li l-ammont involut kien materjalment jeċċedi l-limitu permess mil-liġi.
Qorti tal-Appell – L-Ewwel Sezzjoni – appelli assenjati
Question
Jista' l-Ministru jgħid, fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm hemm appelli assenjati lill-Ewwel Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell? Jista' l-Ministru jagħti rendikont dwar minn liema sentenzi u digrieti huma l-imsemmija appelli assenjati lill-Ewwel Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell?
Response (BONNICI, OWEN)
Fil-Qorti ta’ Malta sad-9 ta’ Jannar, hemm 1,342 kawża assenjati l-Ewwel Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell. L-Ewwel Sezzjoni tisma’ u tiddetermina l-appelli kollha li ma jiġux assenjati liż-żewġ Sezzjoni l-oħra tal-Qorti tal-Appell. Imma għandha dejjem tisma’ u tiddeċiedi l-appelli minn deċizjonijiet u appelli tal-Qortit’Għawdex u appelli li prima facie jidhru li huma ta’ natura kumplessa jew kumplikata jew li jkunu jeħtieġu trattazzjoni li teħtieġ aktar minn seduta waħda. L-Ewwel Sezzjoni tiddermina wkoll r-rikorsi ai termini tal-artikolu 24 tal-Att dwar iż-Żwieġ (Kapitolu 255) li minn dan it-tip hemm 47 rikors pendenti.
Tajjeb li jingħad li l-appelli kollha jiġu assenjati lill-Ewwel Sezzjoni u jitqassmu lis-Sezzjonijiet l-oħra tal-appell meta jaslu biex jiġu appuntati.
Qorti tal-Appell – It-Tieni Sezzjoni — appelli assenjati
Question
Jista' l-Ministru, jgħid fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm hemm appelli assenjati lit-Tieni Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell? Jista' l-Ministru jagħti rendikont dwar minn liema sentenzi u digrieti huma l-imsemmija appelli assenjati lit-Tieni Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell?
Response (BONNICI, OWEN)
Fil-Qorti ta’ Malta sad-9 ta Jannar 2019, hemm 103 kawżi assenjati lit-Tieni Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell. It-Tieni Sezzjoni tisma’ u tiddetermina dawk l-appelli li l-Prim Imħallef jidhirlu li għandu jassenjalha skont kif tipprovdi l-Legislazzjoni Sussidjarja 12.11.
Qorti tal-Appell – It-Tielet Sezzjoni – appelli assenjati
Question
Jista' l-Ministru jgħid, fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm hemm appelli assenjati lit-Tielet Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell? Jista' l-Ministru jagħti rendikont dwar minn liema sentenzi u digrieti huma l-imsemmija appelli assenjati lit-Tielet Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell?
Response (BONNICI, OWEN)
Fil-Qorti ta’ Malta sad-9 ta’ Jannar 2019, hemm 59 kawża assenjati lit-Tielet Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell. In forza tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 12.11, it-Tielet Sezzjoni tisma’ u tiddetermina l-appelli mis-sentenzi u digrieti tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja), minn sentenzi u digrieti f’kawżi għal żgumbrament minn proprjetà immobbli u minn deċiżjonijiet tal-Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Artijiet.
Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija – użu ta’ forza eċċessiva — każ
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-każ li jinsab pendenti quddiem il-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija dwar l-użu ta' forza eċċessiva li ġiet deskritta wkoll mill-Prim Ministru bħala "heavy-handed", ma' attivisti tal-Moviment Graffitti u tal-Kamp Emerġenza Ambjent waqt protesta li kienet qed issir fil-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar fil-Furjana nhar il-Ħamis, 13 ta' Settembru 2018?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Il-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija, żamm diversi seduti u nstemgħu bosta xhieda dwar il-każ li jinstab fi stadju avvanzat.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – nefqa fuq reklamar fuq Facebook
Question
B'referenza għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 2405 u 7521 waqt is-seduti ta' nhar l-4 ta' Ġunju 2018 u ta' nhar is-26 ta' Novembru 2018, rispettivament, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-reklami kollha li saru fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija reklami li saru fuq is-sit soċjali Facebook?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm xejn iktar x’jiżdied mat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 2405 u 7521.
Construction and Maintenance Unit – użu ta’ soft stone
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 8120 u tgħid kemm intużaw soft stone (kantun) mill-Construction and Maintenance Unit u mid-Direttorat għall-Proġetti u Żvilupp minn Jannar 2018 sal-lum? Fuq liema proġetti ntużaw u kemm intużaw soft stone (kantun) fuq kull proġett? Tista' tgħid fuq kull proġett min kienet il-persuna li ordnat is-soft stone (kantun) u min kienet il-persuna li ċċertifikat li ntuża dan l-ammont?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqisja parlamentrari 8120.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8093 u jgħid meta ġie ppubblikat ir-rapport dwar ir-rispons li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) irċeviet kif imsemmi fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7092? Jekk ir-rapport ġie ppubblikat, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? U jekk ir-rapport għadu ma ġiex ippubblikat, jista’ jgħid meta ser jiġi ppubblikat? Jista’ jpoġġi kopja tad-diversi risposti li saru fir-rigward tal-konsultazzjoni inkwistjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. interpellant li r-rapport imsemmi ġie ppubblikat fl-4 ta’ Diċembru 2018 u qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ir-risposti fir-rigward tal-konsultazzjoni jinsabu fir-rapport.
Jista’ l-Ministru jgħid, xahar b’xahar mill-bidu tal-2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il ordni ħarġet Transport Malta bħala r-regolatur kompetenti tal-infrastruttura għal finijiet tal-artikolu 4 tal-Kap. 81? Jista’ jgħid kemm minn dawn l-ordnijiet ġew kontestati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta, bħala regolatur tal-Infrastruttura tħaddem is-sistema ta’ kordinament bejn l-entitajiet u l-privat mis-sistema eletronika magħrufa bħala RWP (Road Works Permit). Permezz ta’ din is-sistema kull min ikun se jagħmel xogħlijiet ta’ cables, trinek, pits, u oħrajn u li għalhekk dawn ix-xogħlijiet ikunu jinvolvu x-xogħol fit-triq jew mit-triq japplika sabiex issir il-kordinazzjoni neċessarja ma’ min ikun involut. Transport Malta tikkordina lill-entitajiet l-oħra involuti u eventwalment toħrog il-kundizzjonijiet li jridu jiġu segwiti meta titqiegħed l-infrastruttura proposta. Ninforma wkoll li Transport Malta ma kellha l-ebda talba speċifikament relatata ma’ Kap. 81 art. 4 minn “competent utility regulator” u wkoll lanqas kien hemm kontestazzjonijiet taħt dan il-kapitlu.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8094 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7092 fejn il-Ministru għamel referenza għal ‘żviluppi ġurisdizzjonali riċenti ħafna’, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma dawn l-iżviluppi u x’inhu l-impatt tagħhom fir-rigward tat-tibdil li qed jiġi kkontemplat fil-liġi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’sentenza kostituzzjonali riċenti ġie stabbilit li filwaqt li entità pubblika li taqdi rwol regolatorju jista’ jkollha poter investigattiv, din ma jistax ikollha poter li tiġġudika u timponi piena, peress li mhijiex qorti skont l-Artikolu 39[1] tal-Kostituzzjoni. Apparti minn hekk, il-Qorti Kostituzzjonali stabbilixxiet ukoll li l-fatt li d-deċiżjoni ta’ entità pubblika setgħet tiġi kkontestata quddiem il-qrati ordinarji ċivili u eventwalment quddiem il-Qorti tal-Appell, ma kienx biżżejjed biex tali proċess ikun ikkunsidrat konformi mal-kostituzzjoni. Fid-dawl ta' dan, l-emendi proposti qed jiġu riveduti sabiex jirrifletti dan kollu.
Att dwar il-Kompetizzjoni – pubblikazzjoni tal-abbozz
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8095 u jgħid meta ser jiġi ppubblikat l-abbozz ta’ liġi li dwaru saret konsultazzjoni pubblika f’Awwissu 2018 fir-rigward tal-emendi proposti għall-Att dwar il-Kompetizzjoni u diversi liġijiet oħra, tenut kont ukoll tal-fatt li għaddew iżjed minn sentejn u nofs mid-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali fil-każ tal-Federation of Estate Agents, u li fl-intervall tul dan iż-żmien kollu d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) effettivament ma jistax jimponi sanzjonijiet qabel ma tinbidel il-liġi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-abbozz hu mistenni li jiġi ppreżentat din is-sena.