Jista' l-Ministru jgħid jekk isirux kontrolli biex jaċċerta li meta anzjani tad-day centers u anzjani oħra mir-residenzi joħorġuhom ġurnata, jiġi almenu żgurat li ma jingħatawx junk food bħal pastizzi u pizez minflok ikel addattat għalihom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jserraħ moħħ numru ta' qraba ta' anzjani residenti ġewwa l-isptarijiet, residenzi u djar għal-anzjani li mhux minnu li numru ta' carers femminili qed jirrifjutaw jaħslu sew anzjani rġiel minħabba li r-reliġjon li jħaddnu ma tippermettilhomx jagħmlu dan?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, kif ukoll ir-Residenza San Vinċenz de Paule, qatt ma’ kellhom jew ġiet irraportata lilhom din it-tip ta’ problema.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8234 liema domanda dwar skemi ta' Regolarizzazzjoni fil-Bini tad-Djar, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni għall-iskema tal-passat imwegħda mill-Gvern li kellha ssir għal dawk li jgħixu fil-qalba tar-raħal u dawk tal-periferija, liema skema ta' regolarizzata fid-djar u l-iskema għal dawk li jgħixu fil-qalba tar-raħal kienet ħarġet, mentri dawk li jgħixu fil-periferija għada le?
Response (BORG, IAN)
Naprezza jekk l-Onor. Interpellent jippreċiza jekk hux qed jistaqsi jew jissuġġerixxi skema ta’ regolarizzazzjoni għall-bini fl-ODZ.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhuma l-kriterji stabbiliti sabiex tinfetaħ spiżerija f’lokalità f’Malta u Għawdex?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont l-artiklu 4 ta’ L.S 458.16 Regolamenti dwar liċenzji għall-ispiżeriji:
(1) L-għadd ta’ spiżeriji li tista’ tinħarġilhom liċenzja fil-konfini ta’ xi belt jew raħal m’għandux ikun ta’ inqas minn tnejn, u dawk l-ispiżeriji għandhom ikunu jinsabu f’distanza ta’ mhux inqas minn tliet mitt metru bil-pass ’il bogħod minn xulxin:
Iżda dik id-distanza m’għandhiex tapplika fil-każ ta’ spiżeriji li diġà jkollhom liċenzja dakinhar li jidħlu fis-seħħ dawn ir-regolamenti:
Iżda wkoll ma tista’ tiftaħ ebda spiżerija f’distanza ta’ tliet mitt metru bil-pass minn xi spiżerija li tkun tinsab f’xi belt jew raħal fil-viċin.
(2) F’kull belt jew raħal l-għadd ta’ spiżeriji m’għandux jeċċedi l-proporzjon ta’ spiżerija għal kull elfejn u ħames mitt abitant.
(3) L-għadd ta’ abitanti ta’ belt jew raħal għandu jitqies li jkun l-għadd ta’ abitanti ta’ dik il-belt jew raħal skont ma jiġu pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika.
Il-Mellieħa — Ċimiterju Omm il-Ħniena - permess għal estensjoni
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ħareġ il-permess mill-Awtorità għall-Ippjanar għall-estensjoni taċ-Ċimiterju Omm il-Ħniena fil-Mellieħa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-permess għall-estensjoni taċ-Ċimterju Omm il-Ħniena fil-Mellieħa bin-numru PA 5636/07, kien ġie approvat fil-25 ta’ Novembru 2011. Peress li ma kien sar l-ebda forma ta’ xogħol mill -Gvern Nazzjonalista jew mill-Kunsill Lokali, dak iz-zmien immexxi minnu stess, l-Awtorita’ reġgħet ntalbet biex iġġedded il-permess u dan nħareġ fil-11 ta’ Ottubru 2017. Ix-xogħol nbeda f’Diċembru 2018 wara li kienet ħarġet sejħa għall-offerti u l-kuntratt kien iffirmat f’Novembru 2018.
Awtorità tad-Djar — applikazzjonijiet għal fidi ta' ċens
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Awtorità tad-Djar se tkun qiegħda tikkonkludi l-kuntratti ta’ fidi ta’ ċens in rigward l-applikazzjonijiet imressqa minn persuni li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-dettalji tal-kuntratt ma jistgħux jingħataw hekk kif din hija informazzjoni personali u għalhekk ma tistgħax tingħata mingħajr il-kunsens tal-individwi konċernati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġu attwati u osservati d-39 miżura dwar standards minimi għad-Djar tal-Anzjani mmexxija mill-Gvern u l-privat li suppost kienu nqasmu f’seba’ taqsimiet differenti kif kien tħabbar minn dak iż-żmien is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Justyne Caruana fit-30 ta’ Settembru 2015 waqt attività fid-Dar tal-Anzjani fl-Imtarfa u li kienu tressqu anke quddiem il-Parlament?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, f’Jannar 2019 l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali (‘l-Awtorità’), skont l-Avviż Legali numru 446 tal-2018, ġiet maħtura bħala l-entità li ser tħares is-settur tal-anzjani u tara li l-istandards stabbiliti jiġu milħuqa.
Meta wieħed jitkellem dwar l-istandards minimi Nazzjoni għad-Djar tal-Anzjani li ġew ippublikati fl-2015, tajjeb illi wieħed isemmi li dawn għadhom jintużaw bħala dokument ta’ referenenza li wieħed jimxi magħhom.
Min-naħa l-oħra, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, ħasset il-ħtieġa li jsir tibdil minn Standards Nazzjonali għal Standards Soċjali Regolatorji peress illi dawn ser ikunu Standards Leġislattivi. Id-differenza hija li, l-Istandards Nazzjonali kienu jiġu segwiti b’mod volontarju u issa għandhom jiġu mħarsa peress illi huma Standards Leġislattivi. Għaldaqstant, fix-xhur illi ġejjien din l-Awtorità permezz ta’ djalogu u konsultazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kollha, ser tkun qed tistabbilixxi Standards Soċjali Regolatorji ġodda għal dan is-settur wara proċess sħiħ ta’ konsultazzjoni.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi għas-sena 2019, id-djar tal-Anzjani mmexija mill-Gvern, kollha ingħataw il-liċenzja mid-Direttorat tal-Istandards tal-Kura tas-Saħħa. Din il-liċenzja tingħata skont l-istandards dwar id-djar tal-anzjani li kienu ppublikati fl-2015. Rigward sodod mixtrija mill-privat, id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jitlob illi d-dar tkun ingħatat il-liċenzja qabel ma jsir kuntratt ġdid jew jiġġedded. Barra minn hemm, id-Dipartiment isegwi ta’ spiss illi dawn id-djar għadhom liċenzjati biex joperaw.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Faċilita` għal Kura fit-Tul San Vinċenz, hija eżentata mill-Istandards Minimi Nazzjonali għad-Djar tal-Anzjani.
(Estratt minn Paġna 56 Anness 3: Glossarju)
“Dar ta’ Kura” tfisser dar jew binja oħra maħsuba espressament għall-kura u l-alloġġ ta’ anzjani, kemm jekk għall-profitt u kemm jekk le, eskluża l-Faċilità ta’ Kura fit-Tul f’San Vinċenz de Paule li hi faċilità sui generis.
Djar tal-Anzjani — awtorità li tassigura t-twettiq u l-ħarsien tal-istandards
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġietx imwaqqfa l-awtorità li kellha tassigura t-twettiq u l-ħarsien tal-istandards fid-Djar tal-Anzjani mmexxiha mill-Gvern u l-privat? Jekk iva jista’ jgħid minn min qed titmexxa din l-awtorità? It-twaqqif ta’ din l-awtorità kien tħabbar minn dak iż-żmien is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Justyne Caruana fit-30 ta’ Settembru 2015 waqt attività fid-Dar tal-Anzjani.
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, f’Mejju 2018 ġiet imwaqqfa l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, skont l-Att Numru XV tal-2018. L-Att illi waqqaf din l-Awtorità, issostitwixxa żewġ Atti oħra, jiġifieri, l-Att dwar l-Awtorità dwar l-iStandards tal-Kura, 2015 u l-Att dwar l-Awtorità għal-Djar għal Persuni Anzjani (Standards ta’ Kwalità fil-Kura), 2016, illi ġew proposti matul il-leġiżlatura preċedenti, iżda li ma ġewx konklużi. B’hekk l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali li hija mmexxija mis-Sur Matthew Vella, hija l- Awtorità li qed tirregolla s-settur kollu ta’ Ħarsien Soċjali li jinkludi wkoll id-Djar tal-Anzjani.
Residenza San Vinċenz de Paul — standards tad-Djar tal-Anzjani
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul hux qed jiġu mħarrsa u mwettqa d-39 standard minimi għad-Djar tal-Anzjani mmexxija mill-Gvern u l-privat li suppost kienu nqasmu f’seba’ taqsimiet differenti kif kien tħabbar minn dak iż-żmien is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Justyne Caruana fit-30 ta’ Settembru 2015 waqt attività fid-Dar tal-Anzjani fl-Imtarfa u li kienu tressqu anke quddiem il-Parlament?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment nirreferri lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlementari 8419.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fil-Mellieħa hemm anzjani li jew ilhom xhur jistennew is-servizz tal-home help inkella anzjani oħra li kienu qed jingħataw dan is-servizz u twaqqfilhom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, dan huwa minħabba d-domanda kbira li hawn għas-servizz tal-home help, liema sitwazzjoni qed tiġi ndirizzata.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tidhol fis-seħħ il-proposta tal-Equity Sharing, liema proposta ġiet imħabbra fid-diskors tal-Budget 2019, sabiex dawk interessati jkunu jistgħu japplikaw?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-preżent l-Awtorità tad-Djar għaddejjha bit-tħejjijiet sabiex fil-ġimgħat illi ġejjin tkun tista’ tniedi din l-iskema.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il impjegat taċ-Ċivil, minn grad 5 ’il fuq, telaq mill-kariga għal raġunijiet li mhumiex trasferiment fl-istess grad jew irtirar minn Marzu 2013 ’il hawn?
B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet dwar il-proġett tal-Breakwater ta' Marsalforn li nżammet nhar id-19 ta' Jannar 2019, fejn il-Ministru ġiet ikkwotata li qalet li tim ta' esperti tekniċi evalwaw kull studju li kien sar fil-passat bit-tama li fondi pubbliċi li ġew investiti fihom ma jkunux inħlew u għalkemm inkisbet informazzjoni utli, dawn l-istudji llum m'għadhomx relevanti, tista' l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li wasslu biex dawn l-istudji ma għadhomx relevanti? Tista' tgħid kemm kienu swew dawn l-istudji?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-istudji preċedenti rriżulta li jridu jsiru iktar studji. Kien għalhekk li ġew ippubblikati t-tenders għall-istudji meħtieġa kif ukoll għaliex peress li għaddew diversi snin minn meta saru l-istudji preċedenti, iridu jsiru fil-kuntest tar-regolament viġġenti li għandna llum. Apparti minn hekk illum hemm żewġ tenders li jistgħu jikkonkorru għalihom ditti ta’ esperti fis-settur kemm lokali kif ukoll internazzjonali u mhux b’direct order għand ditta waħda kif kien sar għall-istudju ta’ qabel.
B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet dwar il-proġett tal-Breakwater ta' Marsalforn, li nżammet nhar id-19 ta' Jannar 2019, tista' l-Ministru tgħid kemm hu stmat li se jiswa dan il-proġett?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 8431.
Tista' l-Ministru tgħid meta nħarġu t-tenders għal studji:
a. fir-rigward ta’ investigazzjonijiet ġeo-tekniċi; u
b. l-impatt ambjentali dwar il-proġett tal-
Breakwater
ta' Marsalforn?
Tista' tgħid meta hu pproġettat li jitlestew dawn l-istudji u jekk dawn l-istudji jinkludux ukoll mathematical wave climate studies u Seabed Survey?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tenders ġew ippubblikati fuq l-etenders.gov.mt u l-proċess huwa miftuħ. Wara li jiġu konklużi dawn l-istudji, il-Ministeru jkun jista’ jgħaddi għall-fażijiet li jmiss inklużi stimi u timeframes.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali fi ħdan il-customer care tal-Awtorità tal-Artijiet u x'inhuma l-ħinijiet tal-uffiċċju tagħhom?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li t-total ta’ uffiċjali fit-Taqsima tal-Customer Care fl-Awtorità tal-Artijiet huma sitta. L-uffiċjali tal-Customer Care jaħdmu l-ħinijiet normali tal-Uffiċċju bħall-kumplament tas-sezzjonijiet fi ħdan l-Awtorità. Apparti li jindirizzaw mistoqsijiet u lmenti permezz ta’ telefonati u emails, l-uffiċjali tal-Customer Care jilqgħu wkoll il-pubbliku fl-uffiċini tal-Awtorità, mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-08:30 sa nofsinhar, kif ukoll nhar ta’ Erbgħa wara nofsinhar bejn is-13:00 u t-15:00.
Assoċjazzjonijiet u Federazzjonijiet li għadhom ma tħallsux
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' Assoċjazzjonijiet u Federazzjonijiet li għadhom ma tħallsux l-ammont imwiegħed lilhom għas-sena 2018 sabiex ikunu jistgħu jgħaddu l-flus lil dawk il-klabbs li huma affiljati magħhom u li jikkompetu barra minn Malta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-federazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet kollha li għamlu t-talba għal rimbursar ta’ flus imwegħdin minn SportMalta u li preżentaw id-dokumentazzjoni neċessarja kollha biex iseħħ tali pagament, kollha ġew proċessati.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid għaliex mhux qed jingħataw Omega 3 (fish oil) mill-Ispiżeriji tal-Għażla Tiegħek u minkejja diversi telefonati dawn baqgħu bla pilloli u bla risposta? Meta se jibdew jingħataw dawn il-capsules?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Omega 3 (fish oil) qatt ma kienu fuq il-formularju tal-Gvern għall-mediċini. Fil-fatt m’hemmx prodott tal-Omega 3 (Fish oil) li huwa reġistrat bħala prodott mediċinali.
Għalliema on a full-time indefinite basis li telqu mill-professjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm għalliema full-time on an indefinite basis li telqu mill-professjoni fl-aħħar għaxar snin (mill-bidu ta’ Jannar 2008 u mhux tas-sena skolastika) mingħajr ma jkunu inklużi dawk li kisbu promozzjoni jew biddlu l-pożizzjoni tagħhom fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol stess?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ għalliema li rriżenjaw fl-aħħar għaxar snin (mill-bidu ta’ Jannar 2008 u mhux tas-sena skolastika) huwa skont kif jidher fit-tabella t’hawn taħt.
F’din l-informazzjoni mhux qed jiġu inklużi dawk l-għalliema li kisbu promozzjoni jew biddlu l-pożizzjoni tagħhom fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol stess.
Sena
Numru ta' Riżenji
2008
26
2009
27
2010
32
2011
40
2012
42
2013
38
2014
42
2015
39
2016
32
2017
47
2018
57
2019
8