Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #8504 Sitting 191 2019-01-31 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Breakwater ta’ Marsalforn – periti inkarigati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min hu l-perit/kumpanija ta' periti inkarigati mill-proġett tal-Breakwater ta’ Marsalforn? Kif intgħażel dan il-perit/kumpanija u min ta l-awtorizzazzjoni biex jintgħażel/tintgħażel dan il-perit/kumpanija u kemm-il siegħa xogħol għamel/għamlet s’issa u x’tip ta’ xogħol fuq dan il-proġett u kemm tħallas/tħallset s’issa? Min ta l-awtorizzazzjoni biex jitħallas/titħallas? Kemm hu ppjanat li jitħallas/titħallas dan l-individwu/kumpanija fuq il-Breakwater ta' Marsalforn matul is-sena 2019?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol kollu konness mal-Breakwater qed jiġi kkordinat minn pool ta’ periti tal-Ministeru għal Għawdex.
Leg 13 PQ #8505 Sitting 191 2019-01-31 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xewkija — Gozo Experimental Farm - ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid sena b'sena u xahar b’xahar minn Marzu 2013 sal-lum kemm hemm ħaddiema jaħdmu fil-Gozo Experimental Farm fix-Xewkija? X'inhu l-grad tagħhom? X’tip ta’ xogħol jagħmlu u x’responsabilitajiet għandhom? Kemm ilhom jaħdmu kull wieħed u waħda minn dawn il-ħaddiema fiċ-Ċivil u x’inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #8506 Sitting 191 2019-01-31 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – Master Plans

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra fuq il-varji Masters Plans li qed iħejji u jagħmel il-Ministeru għal Għawdex bħalissa? Fiex jikkonsisti u għalxiex qed isiru dawn il-Masters Plans u minn min qed isiru? Kif intgħażlu l-persuni li qed jagħmluhom u kemm tħallsu s’issa u meta huma ppjanati li jiġu konklużi dawn il-Master Plans? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Master Plans li ġew konklużi fl-aħħar sena u nofs?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, żewġ stqarrijiet li ħarġu mid-DOI waħa dwar ix-Xlendi u l-oħra dwar Marsalforn.

Għawdex – Ir-Rabat – Taċ-Ċawla – bini ta’ housing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta’ bini ta’ Housing ġdid ġewwa Taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex? Ħarġu l-permessi u jekk le x’inhi r-raġuni li għadhom ma ħarġux? Meta hu ppjanat li joħorġu t-tenders u jibda x-xogħol infrastrutturali u kemm hu ppjanat li ħa jiġu jiswew dawn il-units tal-Housing ġodda ġewwa Għawdex?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li, dwar il-proġett ta’ bini ta’ Housing Soċjali ġdid, f’Taċ-Ċawla r-Rabat, Għawdex, għaddejjin id-diskussjonijiet mal-Ministeru għal Għawdex.

Awtorità Maltija dwar ir-Riżorsi – bord tat-tmexxija – laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4600 u jgħid minn mindu twaqqfet l-Awtorità Maltija dwar ir-Riżorsi (MRA) kemm-il darba l-Bord tat-tmexxja fi ħdan l-istess MRA, kellu laqgħat sena b’sena? Kemm minn dawn il-laqgħat tal-Bord kienu dejjem preżenti l-membri kollha, u jekk tul il-laqgħat qattx ittieħed vot u jekk iva, kemm-il darba u dwar xiex?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar

Għawdex – Ix-Xagħra — Ex Miżbla tal-Qortin – water reservoir

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema skop inbena l-Water Reservoir ġewwa l-ex Miżbla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex li nbena matul is-sena 2015 u jekk qattx intuża? Jekk le, x’inhi r-raġuni li għadu qatt ma ntuża? Jista’ jgħid matul is-sena 2018 kif u minn fejn issaqqew is-siġar u l-arbuxelli li hemm ġewwa l-ex Miżbla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex u jekk humiex ħa jissaqqew is-sigar u l-arbuxelli matul is-sena 2019?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġibjun (water reservoir) li hemm ġewwa l-ex-Miżbla tal-Qortin fix-Xagħra, Għawdex, inbena bil-ħsieb li s-siġar u l-arbuxelli jissaqqew mill-ilma li jinħażen ġo dan il-ġibjun. Matul is-sena 2018, minkejja li inħarġu żewġ tenders dipartimentali sabiex jiġu installati l-pompi li hemm bżonn biex ikun jista’ jittella’ l-ilma minn dan il-ġibjun u jintuża għat-tisqija, dawn it-tenders waqgħu minħabba li l-offerta li kien hemm ma kinitx konformi mal-parametri meħtieġa. Sadanittant il-WasteServ għadha għaddejja bill-proċess meħtieġ sabiex kemm jista’ jkun malajr matul din is-sena jista’ jitlesta x-xogħol ta’ upgrading li għandu jsir fil-Qortin biex tinfetaħ għall-pubbliku u kif ukoll isir ix-xiri u l-installazzjoni tal-pompi. Sadanittant tajjeb wieħed jinnota li meta tħawlu, is-siġar kienu qed jissaqqew bil-bowsers sakemm qabdu u issa qed jgħixu b’mod naturali. Ix-xogħol li fadal fuq is-sistema tal-pumping tal-ilma xorta ser isir sabiex fix-xhur tas-sajf is-siġar ikunu megħjunin permezz tal-ilma miġbur fil-ġibjun.

Kamp Ċivili – l-aktar kawża pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ta' liema sena kienet l-iktar kawża pendenti antika fil-kamp ċivili fl-aħħar ta' Marzu 2013? Bl-istess mod liema hija l-iktar kawża pendenti antika fil-kamp ċivili llum?

Response (BONNICI, OWEN)

It-twegiba tinghata f'seduta oħra.

Djar Residenzjali tal-Gvern — ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ ilmenti ta’ kull Dar Residenzjali tal-Gvern f’dawn l-aħħar tliet snin? Fuqiex kienu dawn l-ilmenti u jekk dawn l-ilmenti ġewx indirizzati u x’rakkomandazzjonijiet meħtieġa ngħataw lil dawn id-Djar biex jiġu segwiti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Aġenzija Sappport – benefiċjarji tas-servizzi mogħtija

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6428, jista’ l-Ministru jindika fid-dettal kemm huwa n-numru ta’ benefiċjarji ta’ kull servizz mogħti mill-Aġenzija Sapport u jekk hemmx lista ta’ stennija fuq kull servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej muri ; Servizzi offruti mill-Aġenzija SAPPORT Numru ta’ benefiċjarji (sat-30 ta’ Jannar 2019) Lista ta’ stennija (sat-30 ta’ Jannar 2019) Servizzi ta’ Ħidma Soċjali 720 143 Servizzi fil-Komunità 337 102 Servizz ta’ Sharing Lives (Volontarjat) 51 93 Servizzi ta’ Matul il-Jum 532 120 Servizzi Residenzjali 58 269 Servizz ta’ Interpretazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali 83 0 Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, n-numru ta’ benefiċċjarji indikati fit-tabella t’hawn fuq, għal kull servizz, ma jistax jiġi mgħaddud biex jinħareġ total wieħed, hekk kif individwu jista’ jkun qiegħed jibbenefika minn aktar minn servizz wieħed fl-istess ħin.

Bini ta’ bankini skont il-linji gwida tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bankini l-ġodda hux qed jiġu mibnija skont il-linji gwida tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bini ta’ bankini jiddependi minn diversi fatturi, fosthom il-wisgħa tat-triq, l-u¿u tal-art mal-ġnub tagħha, speċjalment meta jkun hemm residenzi jew bini ieħor, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha li jużaw it-triq. Infrastructure Malta qed taħdem bi sħiħ biex kull fejn huwa teknikament u fiżikament possibbli b’mod sikur, tinkludi faċilitajiet aktar aċċessibbli għal dawk li jivvjaġġġaw bil-mixi jew b’mezzi oħra alternattivi tal-ivvjaġġar. Pereżempju, fil-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq tal-Balal, qed titlesta bankina ġdida li għall-ewwel darba se toħloq aċċess sikur għal dawk li jimxu bejn in-Naxxar u San Ġwann. Fl-istess waqt, dan l-impenn imur lil hinn minn sempliċiment bini ta’ bankini. Fil-fatt, Infrastructure Malta qed tinvesti bi sħiħ fl-introduzzjoni ta’ aktar faċilitajiet tal-mixi aċċessibbli għal kulħadd. Fost oħrajn, se jinbnew aktar minn seba’ pontijiet għall-mixi u r-roti aċċessibbli għal kulħadd, f’toroq arterjali f’diversi lokalitajiet. Fosthom, hemm dawk fi Vjal l-Avjazzjoni, Luqa, fi Triq l-Imdina, ’Ħ’Attard bħala parti minn Central Link Project, fi Triq San Gorg Preca, Blata l-Bajda u oħrajn li se jsiru permezz tal-Marsa Junction Project. Il-pjanti ta’ dawn il-proġetti jitfasslu b’konsultazzjoni sħiħa mal-Kummisjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u entitajiet oħra konċernati. Fl-istess waqt, qed jiġu introdotti wkoll korsiji maqtugħin għalihom mit-triq għar-roti u l-mixi, li jkomplu jħajru aktar persuni jużaw dawn il-mezzi tal-ivvjaġġar. Korsiji ta’ dan it-tip, bħal ma qed isiru fi Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok (taċ-Ċawsli), bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, Triq Ħal Luqa, Santa Luċija, Triq il-Buqana u oħrajn, ikunu wkoll aċċessibbli għal persuni b’diffikultajiet ta’ mobilità. L-itwal korsija ta’ dan it-tip f’Malta se tkun qed issir bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali, bħala parti mis-Central Link Project. Korsija oħra simili se ssir bejn Ħal Luqa u l-Marsa.

Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità – identifikar ta’ bankini qodma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità hijiex tiddentifika dawk il-bankini qodma bi problemi ta’ aċċess biex fejn hu possibbli jiġu indirizzati? Jekk iva, ta’ liema lokalitajiet ġew identifikati?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, identifikat 64 triq f'21 lokalità u żewġ żoni industrijali li għandhom bankini li qed joħolqu problemi ta' aċċessibilità. Dawn ġew identifikati kemm permezz ta' rapporti li rċeviet il-Kummissjoni, kif ukoll permezz ta' interventi diretti min-naħa tal-Kummissjoni, bħal surveys li jsiru mill-uffiċċjali tekniċi tagħha. Il-Kummissjoni qiegħda tikkollabora kemm mal-Kunsilli Lokali kif ukoll ma' Infrastructure Malta sabiex ikunu riżolti l-problemi ta' aċċessibilità marbuta mal-bankini. Il-lokalitajiet identifikati huma, il-Belt Valletta, l-Imdina, Ħaż-Żabbar, Ħ’Attard, Ħal-Lija, Birkirkara, l-Fgura, l-Furjana, Ħal Għargħur, il-Ħamrun, Marsaskala, l-Mellieħa, l-Mosta, L-Imsida, n-Naxxar, Tal-Pieta, l-Qrendi, r-Rabat, San Pawl il-Baħar, il-Qawra, Buġibba, Santa Venera, Tas-Sliema, s-Swieqi, Ħal-Far u l-Imrieħel.

Reserved parking – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara t-talba għal reserved parking tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant li Uffiċjali ta’ Transport Malta marru fuq il-post ta’ l-applikant sabiex jaraw fejn tista’ ssir il-Communal Reserved Parking Bay li qed tintalab. Infurmat li skont il-policy dwar parkeġġi riservati għall persuni b’diżabilita’ u li saret bi qbil mal-Kummissjoni għad Drittijiet ta’ persuni b’diżabilita’, min ikollu garage ma jistax ikollu parkeġġ riservat sakemm tali garage ma jkunx aċċessibli għall persuna b’diżabilita’. Infurmat ukoll li l-applikant talab sabiex il-Communal Reserved Parking Bay issir quddiem il-garage tiegħu liema talba ma tistax tkun aċċettata minħabba l-fatt li f’Communal Reserved Parking Bay jista’ jipparkja fiha kull min għandu Blue Badge u allura Transport Malta ma tistax tapprova li jingħalaq aċċess għal garage ta’ xi individwu anke jekk dan ikun aċċettat mis-sid stess. Uffiċjali minn Transport Malta qegħdin jagħmlu kuntatt ma l-applikant sabiex ifehmuh ir-raġuni l-għaliex ma jistax isir il-parkeġġ riservat kif qiegħed jitlob.

Il-Fgura – Triq il-Ġiżi – arblu temporanju

Question

Jista’ l-Ministru jara li jitneħħa arblu temporanju li twaqqaf fi Triq il-Ġiżi, il-Fgura, mill-Enemalta, sakemm inbena plot li jinsab fi Triq il-Ġiżi kantuniera ma’ Triq Liedna, u dan stante li x-xogħol infrastrutturali huwa konkluż?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-Enemalta qed tistenna li jitneħħew il-cables ta’ partijiet terzi minn fuq l-arblu temporanju imsemmi. Ladarba dawn is-servizzi jitneħħew, l-arblu jkun jista’ jinqala’.

Il-Qajjenza – fuels maħżuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' fuels jinħażnu u jiġu mqassma mill-faċilità li għandha l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fil-Qajjenza?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-kumpanija msemmija hija awtorizzata biex taħżen Class 3 fuels li għandhom flashpoint ta’ iktar minn 55 grad Celsius.

Kumpanija – ħażna u tqassim ta’ Heavy Fuel Oil

Question

Jista’ l-Ministru jeskludi li fil-faċilità tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jinħażen u jitqassam il-Heavy Fuel Oil?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 8522.

Mina bejn Malta u Għawdex – dokumenti relatati

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi pjanti jew dokumenti relatati mal-mina indikata/proposta li se ssir bejn Malta u Għawdex u jindika preċiżament f’liema żona f'Malta u f’Għawdex din il-mina se tkun qed tibda u tintemm?

Response (BORG, IAN)

Filwaqt li ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7311 tas-Seduta 165, nikkonferma li l-conceptual design ta’ kif tista’ tinbena l-mina qed jitfasslu bħalissa bħala parti mill-istudji li għaddejjin skont il-proċess meħtieġ biex jinkisbu l-permessi għal dan l-iżvilupp mingħand l-awtoritajiet kompetenti. Dawn id-dokumenti jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet kompetenti għall-konsultazzjonijiet u l-kunsiderazzjonijiet meħtieġa, fiż-żmien li ġej, hekk kif jiġu konklużi flimkien mal-istudji relatati.