Legislature:
Category:
Reset
Active:

Palazz ta' San Anton — riabilitazzjoni tal-ġnien

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibda l-proġett ta' riabilitazzjoni tal-ġnien tal-Palazz ta' San Anton u kemm hu proġettat li se jdum biex jitwettaq dan il-proġett?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-interventi li qed iwettaq il-Ministeru tiegħi fuq il-ġnien tal-Palazz ta’ San Anton huma maqsumin fi tnejn. L-ewwel parti, li fil-fatt inbdiet diġà, tirrigwardja x-xogħlijiet ta’ emerġenza. Minn dan il-lat, qed jinbena mill-ġdid il-ħajt li ġġarraf u jinsab għaddej ukoll xogħol ieħor ta’ restawr. Barra minn hekk, fil-ġranet li ġejjin, se jsiru interventi simili fuq ħajt ieħor li jagħmel parti mill-faċċata ewlenija tal-ġnien. Permezz ta’ Ambjent Malta qed inwettqu wkoll xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni ordinarja, fosthom it-tiswija tal-bankijiet tal-injam u tal-ġebel, u l-bdil jew ir-restawr ta’ tagħmir tal-injam u l-ħadid. Min-naħa l-oħra, kif tħabbar fid-diskors tal-Baġit għas-sena d-dieħla, Ambjent Malta daħlet għal proġett aktar fit-tul sabiex il-Ġnien ta’ San Anton jiġi riabilitat kif jixraqlu. Għal dan il-għan inbeda eżerċizzju ta’ surveying u mapping tal-ħitan kollha tal-ġnien u kif ukoll tal-passaġġi eżistenti. Dan għandu jwassal sabiex isiru l-applikazzjonijiet meħtieġa u jinkisbu l-permessi għar-restawr u t-tiswijiet li jkun hemm bżonn. Il-proġett se jkun jinkludi wkoll l-installazzjoni mill-ġdid tas-servizzi u għamara ġdida.
Leg 13 PQ #23415 Sitting 525 2021-11-29 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Air Malta p.l.c. – audited accounts

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22923 u jgħid għala l-audited accounts tal-Air Malta p.l.c. għas-sena 2019 u s-snin suċċessivi, għadhom ma ġewx approvati u ppubblikati? Jista' jispjega kif il-Gvern qed jittama li l-Kummissjoni Ewropea ser tapprova pjan għall-għajnuna statali, mingħajr l-audited accounts approvati tal-aħħar snin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi peress li l-Air Malta hija entita kummerċjali, din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva, u għalhekk ma tistgħax tingħata.
Leg 13 PQ #23416 Sitting 525 2021-11-29 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Remote Workspace

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 22783 u jgħid kemm-il remote workspace infetaħ s'issa, kemm kienet in-nefqa sabiex jitlestew dawn il-work spaces u fejn jinsabu dawn il-work spaces? Jista' jgħid kemm sar użu ta' dawn il-work spaces sal-aħħar ta' Ottubru 2021 u jekk l-amministrazzjoni hijiex kuntenta bl-użu li sar s'issa minnhom? Xi pjanijiet hemm għal aktar remote work spaces?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li sa issa nfethu 15-il remote workspace li jinsabu Santa Venera, Barriera Wharf Valletta, servizz.gov Head Office il-Mosta, Gozo Innovation Hub, Birgu, Fgura, Msida, San Gwann, Hal Luqa, Zurrieq, Hal Qormi, Birkrikara, Rabat, Qawra u Siggiewi. In-nefqa sabiex jitlestew dawn l-ispazji kienet ta’ €282,932. Sal-aħħar ta’ l-2022 huwa ppjanat li jkun hemm 30 remote workspace. L-amministrazzjoni hija kuntenta għaliex għalkemm dan hu kunċett ġdid, diġa kien hemm 1,500 booking individwali b’feedback pozittiv.

Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi — multi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 22767 u jgħid kemm ġew imposti multi mill-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi f'Malta u f'Għawdex, sena b'sena, mill-2016 'l hawn u kemm tħallsu minn dawn il-multi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jirreferi għall-informazzjoni li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minbarra hekk, ninfurmah li l-multi amministrattivi rrappurtati jinkludu dawk li kienu nnotifikati bħala effettivi (li ma sarux sottomissjonijiet dwarhom fiż-żmien preskritt jew ma ntlaqgħux mill-Awtorità), kif ukoll dawk li tħallsu jew kienu appellati. Il-multi ta’ kuljum huma rregolati permezz tal-L.S. 549.72 – Ir-Regolamenti dwar Multi Għal Kull Ġurnata Rigward l-Ambjent, filwaqt li l-multi amministrattivi huma rregolati permezz tal-artikoli 80 u 81 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent. F’dan ir-rigward, il-valur globali hu is-segwenti: Multi ta’ Kuljum: Malta inħarġu total ta’ multi ta’ kuljum li globalment jammontaw għal €403,245, li minnhom tħallsu €188,730 u għadhom ma tħallsux €214,515 (€206,490 minn dawk li ma tħallsux huma multi maħruġa fl-2021). Għawdex inħarġu total ta’ multi ta’ kuljum li globalment jammontaw għal €1,370, li minnhom tħallsu €695 u għadhom ma tħallsux €675 (is-€675 li ma tħallsux huma kollha multi maħruġa fl-2021). Dawn jinkludu multi dwar każijiet li qegħdin fi stadju ta’ appell quddiem l-EPRT.
Leg 13 PQ #23418 Sitting 525 2021-11-29 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – impjegati mediċi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 22553 u jispjega fejn qed jaħdmu l-impjegati mediċi (Allied Health Practitioner, Senior ECG technician, Enrolled Nurse, Nursing Aide, Health Assistant eċċ) li hemm fuq il-kotba tal-Ministeru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #23436 Sitting 525 2021-11-29 Oral · Final From: OLIVER SCICLUNA To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali – introduzzjoni ta’ suġġetti ta’ snajja’ fl-iskejjel sekondarji tal-Istat

Question

Peress li fl-2014 kien mistenni li jiġi ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali f’Malta biex ikun jista’ jara kif fl-iskejjel sekondarji tal-Istat, ikunu jistgħu jerġgħu jidħlu ċerti suġġetti dwar l-isnajja', tista’ l-Ministru tagħti iżjed informazzjoni x’ġara minn dak iż-żmien lil hawn fejn tidħol edukazzjoni vokazzjonali speċifikament li għandu x’jaqsam mas-snajja’ inkluż dik tradizzjonali?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-Taħriġ Vokazzjonali u Applikat ingħata importanza kbira tant li skont il-Qafas għall-Istrateġija għall-Edukazzjoni f’Malta 2014-2024, saret ħidma biex iddaħħlu suġġetti ġodda vokazzjonali u applikati fl-iskejjel sekondarji tal-istat kollha. Barra minn dan, fl-2014 twaqqfet skola bi programm alternattiv (Alternative Learning Programme) li tiffoka fuq suġġetti tas-snajja’ varji għal studenti fil-11-il sena tagħhom. Fil-qasam tas-snajja’ tradizzjonali, ġie introdott is-suġġett tal-indurar f’waħda mill-iskejjel sekondarji.

YOURS — abbuż minn prigunier

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li fil-YOURS fl-Imtaħleb kien hemm priġunier ta’ 18-il sena li abbuża minn priġunier ta’ 15-il sena? Jista’ jgħid jekk huwiex minnu li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament la rrapporta lill-awtoritajiet tal-ħabs u lanqas għamel rapport mal-Pulizija? Jista’ jgħid jekk huwiex minnu li d-deċiżjoni tal-Bord tad-Dixxiplina nbidlet wara pressjoni li kienet saret minnu stess u mis-segretarjat tiegħu u minflok ma tkeċċa, kif suppost sar, ġie trasferit biss? Jista’ jgħid jekk huwiex minnu li dan l-individwu, minkejja li ġie trasferit lejn l-Akkademja tal-Pulizija, xorta għadu detailed mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-persuna referuta mill-Onorevoli Interpellanta ittieħdu proceduri dixxiplinari fil-konfront tieghu mill-Agenzija ghas-Servizzi Korrettivi, u sussegwentament il-każ tiegħu kien eżaminat mill-Bord tad-Dixxiplina. Il-Ministru jew is-Segretarjat tiegħu ma jkunux involuti f’dan il-proċess. Ir-rakomondazzjoni tal-Bord ta’ dixxiplina ġiet konfermata mill-Kummisjoni ghas-Servizz Pubbliku. Infurmat ukoll illi sar rapport lill-Pulizija u li saru l-investigazzjonijiet kollha mill-istess Pulizija, fejn madanakollu irriżulta li ma kienx hemm lok ta’ proċeduri kriminali fil-Qorti fil-konfront ta’ dan il-persuna. Kull persuna li gej minn Korp Dixxiplinat u jkun assenjat mal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati, jagħmel hekk filwaqt li jibqa' jżomm l-istess grad fil-Korp Dixxiplinat li jkun ġej minnu.

Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi – ħabi ta’ abbuż fuq minorenni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk, billi ma tneħħiex id-detailing tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, hemmx il-ħsieb li jerġa’ jmur lura jaħdem mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi? Jista’ jgħid kif minkejja li sar rapport bil-Pulizija, u l-Pulizija taf li dan l-individwu ħeba abbuż fuq minorenni, ma ttieħdu l-ebda passi kriminali fil-Qorti fil-konfront tiegħu? Jista’ jgħid jekk japprovax li dan l-individwu jibqa’ jaħdem fl-Akkademja tal-Pulizija fejn suppost iż-żgħażagħ jiġu fformati biex ikunu l-pulizija t’għada?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi l-Onor Interpellanta għat-tweġiba parlamentari 23446.

Mediċina Pembrolizumab

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta (liema data) l-mediċina Pembrolizumab se tidħol fuq il-formolarju tal-mediċini b'xejn? Din il-mediċina li tintuża minn pazjenti li għandhom Triple Negative Breast Cancer u tqum €7,000 kull doża u l-pazjenti jiġu bżonn bejn 9 u 12-il doża.

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qegħdin isiru l-arranġamenti mit-Tabib Ewlieni tal-Gvern u mid-Dipartiment tal-Procurement sabiex il-mediċina msemmija minnha tiġi disponibbli għal pazjenti bi Triple Negative Breast Cancer wara li din ġiet approvata mill-European Medicines Agency ix-xahar li għadda.

Tas-Sliema – Triq il-Kurunell Savona — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li jibdew ix-xogħlijiet fuq Triq il-Kurunell Savona f’Tas-Sliema peress li din tinsab fi stat diżastruż?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li mill-bidu ta’ din is-sena s’Ottubru li għadda, Infrastructure Malta lestiet xogħlijiet f’196 triq residenzjali u 91 triq oħra qalb il-kampanja. Għaldaqstant minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, l-aġenzija bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 800 triq residenzjali u rurali. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Fil-lokalità ta’ Tas-Sliema diġà saru toroq prinċipali bħalma huma Triq Arturo Mercieca, Triq Santa Elena u Triq Manwel Dimech, waqt li hemm toroq oħrajn diġà ppjanati biex jibdew xogħlijiet fihom fiż-żmien li ġej. Dawn jinkludu t-triq indikata li x-xogħol fiha huwa skedat li jibda kmieni s-sena d-dieħla, wara l-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Kunsilli Lokali – Involviment tal-Anzjani fil-komunità

Question

Jista’ l-Ministru jindika dawk il-Kunsilli Lokali li fil-preżent qed jinvolvu lill-anzjani tal-lokalità tagħhom biex jipparteċipaw aktar għall-benefiċċju tar-residenti fejn joqogħdu? Kif qegħdin il-Kunsilli Lokali jinvolvuhom l-anzjani?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li peress li biex tinġabar l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li tali informazzjoni tingħata mill-Kunsilli Lokali rispettivi, din l-informazzjoni ser tingħata f’xi seduta oħra.

Is-Servizz Bronja

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk is-Servizz bl-isem ta’ Bronja għadux jingħata lill-anzjani sabiex ma jħossuhomx waħedhom? Jekk iva, kemm hemm volontiera li jċemplu regolarment lil dawn l-anzjani kuljum? Kif tista’ persuna anzjana tagħmel użu minn dan is-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Respite — Servizz għall-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jindika dawk id-Djar Residenzjali tal-Anzjani li qegħdin joffru s-servizz ta’ Respite? Fiex jikkonsisti dan is-servizz u jekk dan is-servizz huwiex bi ħlas?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Djar Residenzjali tal-Anzjani fejn bħalissa hemm klijenti li qed jiġu offruti s-servizz ta’ Respite huma St.Thomas Community Living, Casa Leone, Residenza San Ġużepp u Dar l-Annunzjata. Dan is-servizz jagħti sapport u mistrieħ lil min ikun qed jieħu ħsieb anzjani dipendenti fil-komunità. Dan is-servizz jikkonsisti fi dħul ġo Dar Residenzjali għal perjodu ta’ tlett ġimgħat. Is-servizz jista’ jingħata sa tliet darbiet kull sena u huwa bla ħlas. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed tinkludi sodod għas-servizz ta’ Respite ma’ kull ftehim ta’ xiri ta’ sodod li jsir ġdid. B’hekk jekk ikun hemm bżonn, ikunu jistgħu jintużaw għal dan is-servizz. L-informazzjoni tar-residenzi kollha li magħhom sar dan il-ftehim ser jitpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

Addozzjoni ta’ tfal minn barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22700 u 22943 u jgħid kemm kienu l-individwi u/jew koppji li qed jistennew li jaddottaw tfal minn barra minn Malta mill-2015 sal-2020, sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Addozzjoni ta’ tfal Maltin minn ġenituri Maltin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22944 u 22699 u jgħid mill-2015 sal-2020, sena b’sena kemm ġew addottati tfal Maltin minn ġenituri Maltin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Professjonisti fil-Qasam Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23073 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22701, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk li jissejħu “Evidence based social work methods” li qed jintużaw biex jgħinu s-social workers fil-ħidma tagħhom biex jassiguraw li qed tinstema’ l-vuċi tat-tfal fil-proċeduri tal-Qrati speċjalment fl-aspetti u d-drittijiet tal-minuri għall-protezzjoni u stabbiltà f’ħajjithom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellanta li ninsab infurmat mid-Direttur għall-Protezzjoni tal-Minuri (Director Protection of Minors), fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS), li l-metodi evidence based użati mid-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri jinkludu: 1. Prinċipji Forensiċi għal xogħol għall-Ħarsien tat-Tfal; 2. NCAC Forensic Interviewing For Children (NCAC, Hunstville USA); 3. Barnahus Standards of Practice for Children House (Barnahus Project); 4. Family Ties Model of Working with Children of Separated families with High Conflict (Anna Freud Institute, London). Dawn huma l-interventi prinċipali illi jintużaw sabiex il-vuċi tat-tfal tasal intatta u awtentika għand l-entitajiet kollha li jridu jiddeċiedu. Id-Direttorat investa sew fit-taħriġ tal-professjonisti tiegħu biex ikunu jistgħu jaħgmlu l-aħjar użu minn dawn il-medtidoloġiji. Ovvjament, hemm interventi ulterjuri, jew aħjar tekniċi oħra, illi jintuzaw sabiex il-minuri verament jgħid li għandu jgħid u li l-messaġġ jasal tajjeb. Dawn jinkludu; visual aids; interpreti f’każ ta’ minuri barrani; tpenġija, sculpting exercises (xogħol bil-pupi), testijiet u assessment li huma aktar standardized. Min-naħa tal-Aġenzija għas-Servizzi Terapwetiċi u fil-Komunità (ACTS) hemm metidoloġiji li huma bbażati fuq terapija tal-familja li ssir fid-djar, il-Home-Based Family Therapy (HBTS) u anki taħriġ fit-trobbija pożittiva (positive parenting) li huwa bbażat fuq il-metidoloġija tal-Incredibile Years Programme li kien żviluppat fl-Istati Uniti tal-Amerika wara bosta snin ta’ riċerka empirika imma jintuża madwar l-Ewropa kollha u jiġi aġġornat regolarment. Hawn ukoll l-Fondazzjoni investitiet b’ mod sostanzjali biex jingħata t-taħriġ lill-professjonisti li jmexxu dan il-programm mal-familji li għandhom bżonnu. Fejn tidħol il-pjaga tal-vjolenza domestika l-professjonisti tal-Aġenzija Appoġġ jirċievu taħriġ regolari dwar kif għandhom jiġbru l-evidenza dwar il-kas li jkollhom quddiemhom. Dan sar kemm għall-ħaddiema soċjali u kemm għar-risk assessors. Bl-istess mod, deċiżjonijiet dwar fejn hemm bżonn jiżdiedu s-servizzi f’dan il-qasam saru abbażi tal-evidenza empirika. Infakkar li erba’ snin ilu sar taħriġ fuq ir-realtà ta’ tfal li jgħixu f’ ambjent ta’ vjolenza domestika, l-hekk imsejjaħ children witnessing violence. Għaldaqstant, kienu nġiebu esperti akkademiċi minn barra biex jagħtu t-taħriġ lill-professjonisti tagħna f’ dan il-qasam. L-Aġenzija SEDQA tibbaża l-ħidma tagħha kollha fuq l-evidenza. Kieku mhux hekk ma jkunux jistgħu jsiru l-inverventi mediċi u psiko-soċjali mit-tobba, infermiera, ħaddiema soċjali, counsellors u psikologi mal-persuni vulnerabbli li jiġu bżonn l-għajnuna ta’ l-Aġenzija Sedqa. Fl-aħħar nett, tajjeb li ngħid li l-FSWS għandha dipartiment għar-riċerka li jiġbor l-istatistika kollha mid-diversi taqsimiet fi ħdan il-Fondazzjoni biex jibni stampa reali u fl-aqsar żmien ta’ dawk li huma l-presenting problems li jiġu bihom in-nies vulnerabbli ħalli b’ hekk il-ħidma tal-aġenziji u direttorati fi ħdanha jirriflettu dawn ir-realtajiet.

Talba għal wheelchair — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex tintlaqa' din it-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li qed titlob għal wheelchair u qed isib xi diffikultà biex it-talba tintlaqa'

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

IR-Rabat — Triq il-Qlejgħa - xogħol ta' tindif u manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jagħmel xogħol ta' tindif u manutenzjoni fi Triq il-Qlejgħa limiti tar-Rabat ladarba f'din it-triq hemm ħafna affarijiet li qed jagħmlu t-triq inaċċessibbli?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Pagament tal-kontijiet tad-dawl u ilma

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex mal-pagament tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-Maltapost waqfet milli titimbra (tagħmel timbru) li jindika li l-kont hu mħallas, peress li nies qed ikunu inkwitati li l-irċevuta li qed tingħata, tista' tintilef u ma' żmien ma jibqax jidher il-kitba fuqha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-irċevuta uffiċjali li tindika l-pagament tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma li jitħallsu fil-fergħat tal-MaltaPost, kienu, għadhom u ser jibqaw l-irċevuta li tinħareġ mill-istess kumpanija. Ninsabu nfurmati li l-MaltaPost ser tkompli tagħmel timbru fuq l-istess kontijiet tad-dawl u l-ilma, dan bhala indikazzjoni li l-kont ġie mħallas.