Rabat — Ċimiterju ta’ Santa Marta – manutenzjoni u xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22261 intera (kollha kemm hi) rigward iċ-Ċimiterju ta' Santa Marta u jgħid:
x’tip ta’ manutenzjoni u xogħol ieħor sar u kemm ġie jiswa fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marta fir-Rabat, f’dawn l-aħħar ħames snin maqsuma sena b’sena? u
jgħid x’hemm ippjanat bħala manutenzjoni u xogħol ieħor li jsir minn issa sal-aħħar tas-sena f’dan iċ-ċimiterju u matul is-sena 2022 u kemm hi ppjanata li tkun l-ispiża?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 22261.
Programm ta’ Fondi Strutturali u Fondi ta’ Koeżjoni Ewropej 2014-2020 – Fondi Ewropej użati mill-Ministeru għal Għawdex
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22260 rigward Programm ta’ Fondi Strutturali u Fondi ta’ Koeżjoni Ewropej 2014-2020 – Fondi Ewropej użati mill-Ministeru għal Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-proġett li qed isir bħalissa biex jiġu rranġati ħitan tas-sejjieħ madwar Għawdex, ma jidher imkien fit-tabella li ġiet impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett imsemmi huwa mniżżel fit-tabella li ġiet impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra għall-Mistoqsija Parlamentari 22260 taħt l-isem:
EAFRD 4.4121 Rehabilitation of Gozo's Valleys to Enhance their rain capturing and soil retention capabilities.
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm uffiċini mikrija fil-Gozo Innovation Hub lil kumpaniji varji? Jista’ jgħid kemm jimpjegaw ħaddiema kull waħda minn dawn il-kumpaniji? Jista' jgħid kemm minn dawn il-kumpaniji jew entitajiet huma tal-Gvern u kemm jimpjegaw nies dawn l-entitajiet governattivi?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm erba’ kumpaniji kummerċjali, li bħalissa bejniethom jimpjegaw sittax-il persuna, u li qed jagħmlu użu mis-servizzi tal-Gozo Innovation Hub. Fil-preżent hemm ukoll żewġ entitjiet governattivi joperaw mill-post u bejniethom jimpjegaw disa’ persuni oħra.
Raħal Ġdid – restawr tal-faċċata tal-Knisja ta’ Sant’Ubaldeska
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20720, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jittieħdu tul is-sena li ġejja fit-toroq madwar il-Knisja ta’ San Ubaldeska Raħal Ġdid?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Paola li ser ikun qed jagħmel il-pressjoni meħtieġa ma’ Infrastructure Malta sabiex isir ix-xogħol meħtieġ.
Ħal Għaxaq – Librerija Pubblika – xiri jew donazzjonijiet ta’ kotba
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew mislufa kotba tul dawn l-aħħar 12-ilxahar mil-Librerija Pubblika f’Ħal Għaxaq u jista’ jgħid kemm ingħataw donazzjonijiet u nxtraw kotba ġodda?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-Librerija Pubblika ta’ Ħal Għaxaq ġew mislufa 15,092 ktieb bejn Settembru tal-2020 u Ottubru tal-2021 u 8,817-il ktieb bejn Jannar u Ottubru tal-2021.
Il-librerija ngħatat tliet mija u disgħa u għoxrin (329) ktieb b’donazzjoni bejn Jannar u Ottubru tal-2021 u nxtraw mija u seba’ (107) ktieb ġdid bejn Jannar u Ottubru tal-2021.
Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna f’Brussel tul dawn l-aħħar 12-il xahar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ħidma u inizjattivi li ttieħdu minn l-Ambaxxata ta’ pajjiżna f’Brussell tul dawn l-aħħar 12 il-xahar.
Marsaxlokk – Librerija Pubblika – xiri jew donazzjonijiet ta’ kotba
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew mislufa kotba tul dawn l-aħħar 12-il xahar mil-Librerija Pubblika f’Marsaxlokk u jista’ jgħid kemm ingħataw donazzjonijiet u nxtraw kotba ġodda?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-Librerija Pubblika ta’ Marsaxlokk ġew mislufa 21,644 ktieb bejn Settembru tal-2020 u Ottubru tal-2021 u 11,188 ktieb bejn Jannar u Ottubru tal-2021.
Il-librerija ngaħtat erba’ mija tmienja u sebgħin (478) ktieb b’donazzjoni bejn Jannar u Ottubru tal-2021 u nxtraw mitejn disgħa u sittin (269) ktieb ġdid bejn Jannar u Ottubru tal-2021.
Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna f’Bejing tul dawn l-aħħar 12-il xahar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ħidma u inizjattivi li ttieħdu minn l-Ambaxxata ta’ pajjiżna f’Beijing tul dawn l-aħħar 12 il-xahar.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra għaliex il-lift li ġie installat fil-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, tqiegħed b’mod u manjiera li ma jistax jaħdem? Jista’ wkoll jinforma x’ħidma urġenti qed issir biex din is-sitwazzjoni tiġi rranġata mingħajr dewmien għax hija kaġun ta’ diffikultajiet kbar lir-residenti?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntrattur li kien tqabbad wara li rebaħ sejħa għall-offerti ġie mwaqqaf peress illi x-xogħol ma ġiex imwettaq kif mitlub. Ix-xogħol se jitkompla fil-ġimgħat li ġejjin minn kuntrattur ieħor.
Ta’ Sannat Għawdex – Triq Ta’ Xaman – wiċċ ta’ triq
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li Triq Ta' Xaman f'Ta' Sannat Għawdex se tingħata wiċċ ġdid? Jista' jgħid ukoll liema servizzi ġew mgħoddija u liema servizzi jonqos li jiġu mgħoddija minn din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Ministeru għal Għawdex għaddej b’ħidma kontinwa fejn tidħol l-infrastruttura madwar il-ġżira, kif jista japprezza li qed isir.
Ix-Xagħra Għawdex – Trejqet Ġużeppi Sultana – wiċċ ta’ triq
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jagħti wiċċ ġdid lill-Trejqet Ġużeppi Sultana ġewwa x-Xagħra Għawdex flimkien mas-servizzi li hemm bżonn?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lil Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm individwili applikaw biex isiru pulizija tul l-aħħar tliet snin? Jista' jgħid għal kull waħda minn dawn is-snin, kemm minn dawn l-applikanti ġew reklutati fil-korp? Jista' jgħid ukoll kemm mill-applikanti u r-rekluti l-ġodda kienu Għawdxin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi matul dawn l-aħħar tliet snin u cioe mis-sena 2019 sal-lum, kien hemm sitt mija u sittin (660) individwi li applikaw biex isiru pulizija u wara l-proċess ta’ reklutaġġ mija u ħamsa u sittin (165) minnhom ġew reklutati fil-korp, kif jidher fit tabella hawn taħt. It-tabella tinkludi wkoll dettalji dwar kemm mill-applikanti u r-rekluti l-ġodda kienu Għawdxin, kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
POLICE CONSTABLES
Sena
Maltese Applicants
Applicants from Gozo
Maltese Applicants who became Constables
Gozitan Applicants who became Constables
2019
119
18
45
11
2020
198
19
35
9
2021
280
26
58
7
Total
597
63
138
27
Rabat Malta — bankini skont l-Access to All Guidelines
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bankini fit-toroq fir-Rabat Malta sarux skont l-Access To All Guidelines?
Response (BORG, IAN)
Peress li fir-Rabat, bħal f’kull lokalità oħra, ilhom isiru bankini minn entitajiet u dipartimenti differenti għal għexieren ta’ snin, ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Cutajar jispeċifika eżattament għal liema bankini f’din il-lokalità qed jirreferi.
Batteriji biex iżommu l-elettriku ġġenerat mill-pannelli fotovoltajiċi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni jew kumpaniji li ħadu vantaġġ mill-grant għall-batteriji biex jistivaw l-elettriku ġġenerat mill-pannelli fotovoltajiċi? Kemm hu lis-storage totali ta’ dawn l-installazzjonijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm in-numru ta’ benefiċċjari ta’ skemi ta’ grants residenzjali u kif ukoll il-kapaċita ta’ ħażna tinsab fit-tabella hawn taħt, l-informazzjoni tkopri sal-15 ta’ Novembru 2021.
Skema
Sena
Numru ta’ benefiċarji
Kapaċita ta’ ħażna
2021 RES
2021
363
1823 kWh
Meters addizzjonali installati għal charging points fil-garaxxijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna nstallat meter addizzjonali għall-charging point fil-garaxx tagħha u kemm hemm applikazzjonijiet pendenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta s’issa nstallat 271 EV meter lil klijenti li applikaw għal dan is-servizz. 44 applikazzjoni oħra għadhom pendenti.
Skema ta’ grants għall-karozzi elettriċi – applikazzjonijiet sottomessi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn mindu nfetħet l-aħħar skema ta’ grants għall-karozzi elettriċi kemm kien hemm applikazzjonijiet sottomessi? Kemm kien hemm minnhom li kienu ta’ persuni privati u kemm minn kumpaniji? Kemm ingħataw grants u kemm hu t-total ta’ flus li ngħataw f’dan il-grant? Kemm fadal fondi f’dawn il-grants?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li applikazzjonjiet sottomessi u proċessati sa’ 31 ta’ Ottubru 2021 jammontaw ghal 646 applikazzjoni. 84 applikazzjoni ġew sottomessi minn kumpaniji filwaqt li 562 applikazzjoni ġew sottomessi minn individwi. L-ammont ta’ fondi li ngħataw sa’ issa huwa ta €4.6 miljun.
Dawn il-fondi reġaw spiccaw u ghalhekk l-Awtorità ta’ Transport reġgħet għamlet talba għal aktar fondi lill-Ministeru tal-Finanzi.
Ministeru għal Għawdex – parkeġġi riżervati fil-Belt Valletta
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16362, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazji riżervati għall-parkeġġ għall-Ministeru tiegħu li għandhom l-uffiċċju tagħhom fil-Belt Valletta sat-30 ta’ Ottubru 2021 u jaqsam l-informazzjoni skont id-dipartiment rispettiv?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 16362.
Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal– parkeġġi riżervati fil-Belt Valletta
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16363, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazji riżervati għall-parkeġġ għall-Ministeru tiegħu li għandhom l-uffiċċju tagħhom fil-Belt Valletta sat-30 ta’ Ottubru 2021 u jaqsam l-informazzjoni skont id-dipartiment rispettiv?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija tiegħu diġa’ ġiet imwieġba fit-tweġiba parlamentari numru 16363.