Legislature:
Category:
Reset
Active:

Social Work

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23074 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22703, filwaqt li l-Ministru elenka benefiċċji u kundizzjonijiet tax-xogħol għal min diġà daħal fil-professjoni, jista’ jsemmi liema huma dawk l-inizjattivi li jħajjru persuni biex jagħżlu din il-karriera? Hemm xi inizjattivi marbuta mal-Università li jistgħu jwasslu biex verament aktar nies jagħżlu din il-karriera nobbli?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23075 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22704, jista’ l-Ministru jgħid, minbarra dawn il-klijenti li qed jieħdu s-servizz fi ħdan il-komunità Santa Marija tal-Aġenzija Sedqa: i: kemm hemm persuni li qed isegwu korsijiet simili mal-Caritas u l-Fondazzjoni Oasi?; ii: kemm hu n-numru totali ta’ persuni li qed isegwu programm f’pajjiżna?; iii: kemm huma nisa u kemm irġiel?; iv: kemm minnhom ippreżentaw problema ta’ a) kokaina, b) eroina, c) kannabis?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Programm ta’ rijabilitazzjoni minħabba l-vizzju tax-xorb

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23076 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22705, jista’ l-Ministru jgħid: 1) Kemm hemm persuni li qed jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni mill-alkoħol mal-Caritas u mal-Oasi? 2) Kemm hu t-total ta’ persuni f’Malta li qed isegwu programm minħabba l-problema tax-xorb? 3) Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Il-Gudja – Triq Santa Katarina, Triq Joseph Pace u Triq id-Dejqa — xogħlijiet

Question

B’referenza għad-domandi varji u preċedenti li sarulu, jista’ l-Ministru jgħid fil-qosor meta x-xogħol fit-Toroq Santa Katarina, Joseph Pace u d-Dejqa fil-Gudja ser jitlestew?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà spjegajt fi tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari preċedenti, fil-każ tat-toroq indikati Infrastructure Malta ħadmet mal-Kunsill Lokali li għalihom kellu proġettat li jsir pavimentar. L-aġenzija għamlet ix-xogħol kollu konness mal-bdil ta’ sistemi ġodda taħt l-art għas-servizzi tal-ilma, drenaġġ, telekomunikazzjoni, għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita kif ukoll saret sodda tal-konkos bi tħejjija għall-pavimentar li kellu jsir mill-Kunsill Lokali. Wara li tlestew ix-xogħlijiet, bħalma tagħmel f’kull proġett, Infrastructure Malta wettqet it-testijiet neċessarji u nstab li parti mix-xogħol li sar ma laħaqx il-livelli meħtieġa mill-aġenzija. Għaldaqstant, wara diskussjonijiet li saru mill-Kunsill Lokali, dan ix-xogħol kellu jinqala’ biex jerġa’ jsir qabel ma jibda l-pavimentar.
Leg 13 PQ #23499 Sitting 526 2021-11-30 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Gudja – Triq Santa Katarina, Triq Joseph Pace u Triq id-Dejqa – xogħlijiet

Question

B’referenza għad-domandi varji u preċedenti li saru, jista’ l-Prim Ministru fil-qosor jgħid meta x-xogħol fit-Toroq Santa Katarina, Joseph Pace u d-Dejqa fil-Gudja ser jitlestew kif ukoll meta ngħatat l-approvazzjoni biex dawn isiru?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Il-Gudja – Triq Santa Katarina, Triq Joseph Pace u Triq id-Dejqa — xogħlijiet

Question

B’referenza għad-domandi varji u preċedenti li sarulu, jista’ l-Ministru fil-qosor jgħid meta x-xogħol fit-Toroq Santa Katarina, Joseph Pace u d-Dejqa fil-Gudja ser jitlestew?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li x-xogħlijiet għaddejin u huma ppjanati li jitlestew sal-aħħar tas-sena.

Il-Gudja – Triq San Ċiru – proprjetajiet mhux ikkurati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fl-aħħar parti ta’ Triq San Ċiru, kantuniera ma’ Triq Bettina fil-Gudja hemm proprjetajiet mhux ikkurati b’detriment għall-ġirien?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Gudja – Triq San Ċiru – proprjetajiet mhux ikkurati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fl-aħħar parti ta’ Triq San Ċiru, kantuniera ma’ Triq Bettina fil-Gudja hemm proprjetajiet mhux ikkurati b’detriment għall-ġirien?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Il-Gudja – Triq San Ċiru – proprjetajiet mhux ikkurati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’passi ttieħdu sabiex tiġi protetta s-saħħa tar-residenti billi fl-aħħar parti ta’ Triq San Ċiru, kantuniera ma’ Triq Bettina Gudja hemm proprjetajiet mhux ikkurati li qegħdin jiġbru l-iskart u ilma qiegħed?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi li matul din l-aħħar sena id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda ilment rigward akkumulu ta’ skart jew ilma qiegħed fi proprjetajiet fi Triq San Ċiru, kantuniera ma’ Triq Bettina, Gudja. Madankollu, saret spezzjoni minn uffiċċjal għas-Saħħa Ambjentali fil-25 ta’ Novembru, 2021, fejn ġie kkonfermat li fi Triq San Ċiru, kantuniera ma’ Triq Bettina Gudja, hemm sit ta’ kostruzzjoni li huwa mdawwar b’ħajt ta’ seba’ filati. F’dan is-sit ma kien hemmx akkumulu ta’ skart imma ġebel u materjal ta’ kostruzzjoni ieħor. Ġie kkonfermat ukoll li hemm ilma qiegħed. Id-Direttorat ħa passi mill-ewwel billi nforma lis-sezzjoni tad-drenaġġ fi ħdan il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma biex jinvestigaw dan il-każ.

Ir-Rabat Għawdex — Triq Wied il-Lunzjata - Crash barriers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23310 u ċioè: B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22722, jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li din iż-żona għerqet diversi drabi wara li saru l-barriers imsemmija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żona msemmija hija wied. Irrilevanti mill-crash barrier, huwa mistenni li l-ilma jin¿el lejn il-wied. Ninsab infurmat ukoll mill-Awtorita’ tat-Trasport li l-crash barrier saret sabiex tevita milli xi karozza taqa` ukoll ġol-wied, kif huwa rrappurtat lilna li kien qed jiġri.

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — radjologu matul il-lejl

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li ma jkunx hemm servizz ta' radjologu matul il-lejl fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u jista’ jgħid kemm ilu dan is-servizz ma jingħatax matul il-lejl? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet sabiex dan is-servizz jerġa’ jibda jingħata u jekk iva, meta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif kienet il-prassi minn dejjem, is-servizz tar-radjologu matul il-lejl hu kopert permezz tal-on call minn radjologu f’Għawdex u minn radjologi f’Mater Dei.
Leg 13 PQ #23532 Sitting 526 2021-11-30 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku – uffiċjal pubbliku jissospendi lilu nnifsu – proċeduri

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 23324, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm uffiċjali pubbliċi li awto-ssospendew ruħhom fl-aħħar għoxrin sena, kemm damu dawn l-awto-sospensjonijiet u kemm kien hemm uffiċjali pubbliċi illi reġgħu daħlu fis-servizz pubbliku u kemm kien hemm minnhom illi spiċċaw mis-servizz pubbliku?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li data ma tinżammx imma huwa magħruf li kien hemm mill anqas każ wieħed u kif ingħad fit-tweġiba preċedenti.
Leg 13 PQ #23533 Sitting 526 2021-11-30 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku – uffiċjal pubbliku jissospendi lilu nnifsu – proċeduri

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 23324, jista' l-Prim Ministru jgħid taħt liema proċeduri dixxiplinarji huma soġġetti l-ħaddiema li jiġu impjegati mad-diversi aġenziji li qegħdin jitwaqqfu sabiex jassumu l-funzjoni ta' Dipartimenti tal-Gvern kif ukoll dawk l-uffiċjali pubbliċi li jiġu ssekondati mal-istess aġenziji?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema impjegati fl agenziji jaqgħu taħt proċeduri dixxiplinarji tal-agenżija stess rifless ġeneralment fi ftehim kollettiv u f’kazi serji li jimmeritaw tkeċċija taħt proċeduri tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

Malta Business Registry — kirja tal-post

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 23250, jista' l-Ministru jgħid kemm fih metri kwadri l-post li ġie mikri lil Malta Business Registry u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt relattiv ta' kera?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-taghrif ghadu qed jingabar u t-twegiba tinghata f’seduta ohra. >

Kawżi li ġew diferiti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' kawżi li ġew diferiti matul l-2021, xahar b’xahar, minħabba l-fatt illi l-proċess ma għaddiex mingħand ir-Reġistru għall-ġudikant?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-aħħar ta’ Novembru 2021. Ta’ min jinnota li ngħatat għajnuna klerikali lid-deputati reġistraturi fir-reġistru sabiex il-kawżi jiġu reġistrati minnufih

Kawżi li ġew diferiti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' kawżi li ġew diferiti matul l-2021, xahar b’xahar, minħabba l-fatt illi l-ġudikant kien sprovvist minn deputat reġistratur?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm seduti li ġew diferiti minħabba illi l-Qorti kienet sprovvista minn Deputat Reġistratur matul l-2021 sal-aħħar Novembru.

Ħal Farruġ – ramel imħallat mal-Jet Fuel — esportazzjoni

Question

B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 23292, jista’ l-Ministru jgħid fejn intefa’ dan il-materjal tossiku li nġabar minn Ħal Farruġ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn informazzjoni li għandha l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, il-materjal in kwistjoni qiegħed jiġi temporanjament miżmum f’facilità tal-Enemed Co. Ltd, sakemm isiru l-arranġamenti neċessarji sabiex dan il-materjal jiġi esportat skont ir-regolamenti ambjentali, u hekk kif ġie ordnat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Tas-Sannat — Pjazza Santa Margerita - proġett

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22522 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B'referenza għall-proġett ta' riġenerazzjoni ta' Pjazza Santa Margerita fir-raħal tas-Sannat li se jkun iffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex, jista' ġentilment il-Ministru jaġġorna dwar dan il-proġett li ilu jiġi mwiegħed għal dawn l-aħħar snin? Jista' jgħid jekk ħarġitx it-tender ta' dan il-proġett u jekk ġietx irrakomandata li tiġi awarded din it-tender mill-bord ta' aġġudikazzjoni u jekk iva, jgħid f'liema xahar u sena hu maħsub li jinbeda x-xogħol infrastrutturali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas- Sannat li t-tender ta’ dan il-proġett ġie ppublikat, pero sar appell fi ħdan id-Dipartiment tal-Kuntratti u għalhekk għadu qed jiġi trattat.
Leg 13 PQ #22838 Sitting 525 2021-11-29 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għajnsielem – Triq Sant’Antnin – inawgurazzjoni – nefqa

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22666, jista' l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa li saret b'rabta mal-attività ta' inawgurazzjoni uffiċjali li saret fi Triq Sant Antnin f'Għajnsielem tal-ewwel kisja asphalt ta' parti minn din it-triq nhar it-12 ta' Novembru 2020? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija attività? Jista’ jgħid jekk hemmx ippjanata inawgurazzjoni oħra wara li din it-triq titlesta minn kollox?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Animali – ħaddiema f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22305 u jgħid kemm hemm ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu u anke tal-kuntrattur li jagħmlu xogħol ġewwa Għawdex? X’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn il-ħaddiema, x’inhu l-grad tagħhom, fejn bħala post jaqdu d-dmirijiet tagħhom u kemm ilhom jaħdmu ġewwa Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.