Fran tal-ħobż Malti li għadhom reġistrati u joperaw
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn fran tal-ħobż Malti li għadhom reġistrati u joperaw? Jista’ jgħid f’liema lokalitajiet qegħdin dawn il-fran? Jista’ jikkompara dan in-numru mal-aħħar 20 sena?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Fran protetti taħt xi skema jew regolament tal-ippjanar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-fran humiex protetti taħt xi skema jew regolament tal-ippjanar? Jekk iva, għal liema minn dawn taqa’ din il-protezzjoni? Jista' jgħid kemm hawn fran protetti f’Malta u fejn qegħdin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li għalkemm m’hemmx skema jew regolament speċifiku tal-ippjanar dwar protezzjoni tal-ifran, hemm proċessi sabiex meta xi proprjeta’ jkun jixirqilha protezzjoni minħabba valur storiku, arkitettoniku, kulturali jew mod ieħor, tiskatta evalwazzjoni ta’ tali proprjeta’ u jekk ikun meqjus xieraq tingħata l-protezzjoni fil-livell xieraq.
Fil-fatt hemm tlett ifran li ingħataw protezzjoni fi Grad 1 jew 2 minħabba l-valur arkitettoniku tagħhom.
Dawn huma:
· Blackley Bakery, Triq id-Duluri / Triq it-Telgha ta' Guardamangia, Tal-Pieta – Skedata fi Grad 2
· Knights' Bakery as part of Fort Chambray, Fort Chambray, Ghajnsielem – Skedata fi Grad 1, u
· Forn/Kalkara fis-Simblija, Ir-Rabat – Skedata fi Grad 2
Sadanittant, jien infurmat ukoll, li meta is-Sovraintendenza għal Protezzjoni tal-Wirt Kulturali jidhrilha li proprjeta’ għandha tkun protetta din ukoll tkun tiskatta l-proċess li semmejt flimkien mal-Awtorita’ tal-Ippjanar
Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni ssussigwenti rigward iż-żona li tinsab indikata fid-dokument li qed jingħata separatament? Jista’ jgħid lil min tgħajjat din il-proprjetà? Kemm ilu li sar it-trasferiment? Jista' jingħata l-kuntratt dwar it-trasferiment tal-art imsemmija mil-Lands Authority?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-taghrif ghadu qed jingabar u t-twegiba tinghata f’seduta ohra.
Trattattivi ma’ Steward Health Care dwar il-konċesjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Sptar San Luqa u Sptar Karen Grech
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslu t-trattattivi ma' Steward Health Care dwar il-konċessjoni tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karen Grech ?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern qed iżomm kuntatt kontinwu ma Steward Health Care biex jiġi żgurat li l-kuntratt jiġi onorat.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm fir-rigward tal-Għassa tax-Xagħra, Għawdex issa li tħabbar li ser jinbena Ċentru Ċiviku mill-Kunsill Lokali fil-post fejn fil-preżent hemm din l-Għassa?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob illi kwalunkwe deċiżjoni tittieħed fi qbil mal-Kunsill Lokali tax-Xagħra.
Żieda fil-Personal Emoluments bejn Jannar u Ottubru 2021
Question
Jista' l-Prim Ministru jispjega għala kien hemm żieda ta' € 91.23 m fil-"Personal Emoluments" maħruġa mill-Gvern bejn Jannar u Ottubru 2021 fuq il-figura għall-istess perjodu fl-2020 ekwivalenti għall-żieda ta' 12.11%? Jista' l-Prim Ministru jispeċifika jekk din il-figura tkoprix l-entitajiet kollha fis-settur pubbliku jew jekk tkoprix biss is-servizz pubbliku?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Għajnsielem – Triq Sant’Antnin – ogħti tal-wearing course
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22666 fl-intier tagħha u jgħid meta bdew ix-xogħlijiet fi Triq ta' Sant Antnin ġewwa Għajnsielem? Jista’ jgħid kemm ġew jiswew sa issa dawn ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 22682, ninfurmah li x-xogħlijiet fi Triq Sant’Antnin bdew matul is-sena li għaddiet.
Tista’ l-Ministru tgħid x’poteri għandha r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) a tenur tal-liġijiet li hi tenforza biex tagħmel awditjar tal-operat tal-provdituri tas-servizzi li hi tirregola?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor Interpellant li skont l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, ir-Regolatur għandu s-setgħa li jista’ jeħtieġ lil kull persuna jew provditur awtorizzat sabiex jipprovdilha kull informazzjoni, inkluż informazzjoni finanzjarja, li r-Regolatur iqis bħala neċessarja b’għan li jiżgura konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, ta’ regolamenti magħmula taħtu, u deċiżjonijiet jew direttivi magħmulin skont dan l-Att, jew kull liġi oħra jew regolamenti magħmula taħtha li r-Regolatur ikollu jedd jinforza. Dan jista’ jsir skont l-artikolu 5(4) tal-istess Att. Din is-setgħa hija restritta biss għal ġbir ta’ informazzjoni skont il-liġijiet applikabbli. F’dan is-sens, ir-Regolatur ma għandux s-setgħa a tenur tal-liġijiet li hu jinforza biex jagħmel awditjar tal-operat tal-provdituri tas-servizzi li hu jirregola.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19502 jista’ l-Ministru jgħid ma’ min qed isiru l-konsultazzjonijiet rigward ir-riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi, meta bdew u fiex waslu u meta hu maħsub li jingħalqu? Jista’ jgħid kemm kien il-Vot fil-Budget għas-sena 2021 għal dan il-proġett u kemm intużaw minnhom u kemm hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2022 għal dan l-imsemmi proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsultazzjonjiet mal-entitajiet ġew konklużi u ġiet sottomessa l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar. L-entitajiet huma ERA, Transport Malta u l-Kunsill Lokali tal-Munxar.
Fis-sena 2021 il-
budget
tal-Vot 7341 Xlendi Regeneration kien ta’ Euro 300,000 u li minnhom, s’issa, intużaw Euro 76,070. Għas-sena 2022 il-
budget
tal-Vot 7341 Xlendi Regeneration hu ta’ Euro 200,000.
Gozo Aquatic Centre — perit, inġinier u project leader inkarigati fuq il-proġett
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-Perit, l-Inġinier (isem u kunjom) u l-Project Leader (isem, kunjom u grad tal-individwu) inkarigati mill-Ministeru għal Għawdex fuq il-proġett tal-Gozo Aquatic Centre?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Perit u ż-żewg Inġiniera fuq il-proġett tal-Gozo Aquatic Centre huma uffiċjali mill-Ministeru għal Għawdex.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20405 fejn ġie mwieġeb li 'x-xogħol fuq din l-imsemmi triq mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin, wara li titlesta t-Triq ta’ Sannat' u peress li Triq Sannat ilha diversi ġimgħat lesta u miftuħa għat-traffiku, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol (xahar u sena) biex tinbena mill-ġdid parti minn Triq it-Tabib Anton Tabone (imsejħa wkoll bħala l-Qasam) li twassal għad-daħla tar-raħal Ta’ Sannat, peress li din il-parti tinsab f'kundizzjoni ħażina ħafna u kull darba li tagħmel ix-xita qed tegħreq, u għal xi raġuni ma saritx mal-parti ta' fuq tal-istess triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Sptar Ġenerali ta' Għawdex — ħaddiema li talbu biex jiġu trasferiti
Question
Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Lulju 2015 sal-lum kemm kien hemm ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex li talbu li jiġu trasferiti f'xi dipartiment jew entità mal-Ministeru għal Għawdex? Jista' jgħid għal kull wieħed u waħda minn dawn il-ħaddiema xi grad huma u fejn marru jaħdmu dawn il-ħaddiema u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mid-data msemmija sal-lum kien hemm 42 individwu li kienu jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li ġew trasferiti fil-Ministeru għal Għawdex. Apparti tliet ħaddiema li m'għadhomx jaħdmu ma' dan il-Ministeru, u ħaddiem li rtira, il-bqija tal-ħaddiema jaqdu dmirijiethom mid-Direttorati rispettivi li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex.
Awtorità tal-Ippjanar – siti/binjiet fil-Belt – avviżi ta’ infurzar
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 8077, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawk is-siti/binjiet fil-Belt Valletta fejn l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet avviż ta’ infurzar mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Ottubru 2021?
Għal kull każ jista’ l-Ministru jagħti:
· id-dettalji ta’ fejn jinstab is-sit fejn hemm l-avviż ta’ infurzar;
· it-tip ta’ użu tas-sit/bini;
· ir-raġuni tal-infurzar;
· id-data meta nħarġet l-ordni tal-infurzar;
· jekk l-ordni ta’ infurzar għadux fis-seħħ illum; u
· jekk itteħdietx azzjoni mill-Awtorità dwar il-każ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-informazzjoni kollha mitluba hi disponibbli għal kulħadd permezz ta’ sistema aġġornata u msaħħa li llum għandha l-istess Awtorità tal-Ippjanar.
Awtorità tal-Ippjanar – siti/binjiet fil-Marsa – avviżi ta’ infurzar
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 8078, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawk is-siti/binjiet fil-Marsa fejn l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet avviż ta’ infurzar mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Ottubru 2021?
Għal kull każ jista’ l-Ministru jagħti:
· id-dettalji ta’ fejn jinstab is-sit fejn hemm l-avviż ta’ infurzar;
· it-tip ta’ użu tas-sit/bini;
· ir-raġuni tal-infurzar;
· id-data meta nħarget l-ordni tal-infurzar;
· jekk l-ordni ta’ infurzar għadux fis-seħħ illum; u
· jekk ittieħdetx azzjoni mill-Awtorità dwar il-każ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-informazzjoni kollha mitluba hi disponibbli għal kulħadd permezz ta’ sistema aġġornata u msaħħa li llum għandha l-istess Awtorità tal-Ippjanar.
Kuntratti u Memorandum of Understanding – għaqdiet sportivi – art/proprjetà
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 8132, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-kuntratti/Memorandum of Understanding biex jgħaddilhom art u/jew proprjetà pubblika li daħal fihom ma’ għaqdiet sportivi għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2019 u t-30 ta’ Ottubru 2021?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratti ffirmati bejn l-1 ta’ Jannar 2019 u t-30 t’Ottubru 2021 huma s-sussegwenti. L-istess kuntratti qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra:
Senglea Regatta Club
Pembroke Athleta Athletics and Triathlon Club
Marsa FC
Kirkop United FC
Birzebbuga Regatta Club
Hibernians Basketball Club
SK Victoria Wanderers FC
Valletta FC (Luqa)
Valletta FC (Salinos)
Marsaxlokk FC
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 8133, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji ta’ kull applikazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni responsabbli skont l-Avviż Legali rispettiv, b’rabta mal-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi bejn l-1 ta’ Jannar 2019 u t-30 ta’ Ottubru 2021? Għal kull każ, jista’ l-Ministru jgħid:
a. min applika;
b. fejn huwa s-sit li fuqu qed issir l-applikazzjoni u x’daqs fih il-
footprint
tas-sit;
c. fiex tikkonsisti l-applikazzjoni u jekk tikkonsisti fi żvilupp kemm se jiġi żviluppat spazju f’termini ta’ metri kwadri;
d. jekk il-Kummissjoni responsabbli approvatx il-proposta, għadhiex qed tevalwa jew irrifjutathiex; u
e. f’każ li ġiet approvata, x’inhuma l-kundizzjonijiet ewlenin tal-kuntratt?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li applikaw 3 klabbs tal-futbol – St Lucia FC, Marsaxlokk FC u Sliema FC. Dawn kollha qegħdin fi stadju ta’ valutazzjoni u nħarġet l-ittra ta' notifika li l-proċess ta' validazzjoni ġie inizjat. Dawn jikkonsistu f’kumplessi sportivi, faċilitajiet għall-komunità, uffiċini u faċilitajiet kummerċjali.
Jista' l-Minstru jgħid jekk Malta reġgħetx tpoġġiet fuq il-“white list” għall-finijiet tal-iSwedish Income Tax Act wara li kienet tneħħiet b’effett mill-1 ta’ Jannar 2019?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi ma rċieva l-ebda notifika, la fl-2019 u lanqas wara, dwar dan is-suġġett.