Legislature:
Category:
Reset
Active:

Raħal Ġdid — Pjazza Antoine de Paule - studju dwar pavimentar

Question

Wara t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23261, jista’ l-Ministru, jgħid min hija l-kumpanija magħżula li ser tistudja l-pavimentar ta’ Pjazza Antoine de Paule? Jista’ jgħid kemm hu maħsub li jdum dan l-istudju u kemm ser jiġi jiswa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

tweġiba tingħata f'seduta oħra

Sentenza ta’ priġunerija fuq akkuża waħda ta’ pussess sempliċi ta’ Kannabis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li ngħataw sentenza ta’ priġunerija fuq akkuża waħda ta’ pussess sempliċi (mhux aggravat) ta’ Kannabis (mhux droga oħra) mill-Qrati tagħna fl-aħħar erba’ snin? (Jiġifieri f’każ fejn l-unika akkuża kienet ta’ pussess sempliċi ta’ kannabis, bla reċidività)

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

L-informazzjoni li qiegħda tintalab mill-Onor. Interpellant ma tinkwadrax fil-parametri li fihom tinżamm l-istatistika tas-sentenzi. Ninforma lill-Onor. Interpellant li bid-dħul fis-sehh tal-Att tal- 2015 dwar id-Dipendenza fuw id-Droga (Trattament Mhux Priġunerija (Kap 537 tal-Liġijiet ta’ Malta) u speċjalment in vista tal-artikolu 4 ta’ dak l-Att, il-pussess għall-użu personali, ġeneralment deskritt bħala ‘pussess sempliċi’, ta’ ammont ta’ kannabis sa 3.5 grammi ma baqax soġġett għal proċeduri li jistgħu iwasslu għal piena ta’ priġunerija. Pussess ta’ ammont ogħla minn 3.5 grammi izda kien soggett għal tali proċeduri u piena fil-ġudizzju tal-qorti u dan bl-istess mod kif huwa soġġett il-pussess sempliċi ta’ aktar minn 28 gramma jew aktar minn 50 gramma, skont iċ-ċirkostanzi , wara d-dħul fis-sehh tal-emendi ghall-Kap 537 magħmula bl-Att tal-2021 li Jwaqqaf l-Awtorita dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis.

Infrastruttura Malta – nefqa fuq ġibjuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-€400 miljun li ntefqu s'issa fuq it-toroq li saru minn Infrastruttura Malta, intefqu fuq ġibjuni biex fihom seta’ jinġabar l-ilma tax-xita?

Response (BORG, IAN)

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li għal darb’ oħra qed naraw Onorevoli ta’ din il-Kamra li filwaqt li ftit snin ilu vvota b’determinazzjoni sabiex l-aġenzija Infrastructure Malta mank imqar titwaqqaf, issa qed ikompli juri l-interess fil-ħidma bla heda li l-ħaddiema ta’ din l-aġenzija wettqu minn kemm ilha li twaqqfet fl-2018. Infakkar li kieku għaddiet tal-Onorevoli Cutajar u deputati oħrajn tal-Oppożizzjoni, l-€400 miljun investiment li issa qed jirrikonoxxi li twettaq kieku kienu jibqgħu biss ħolma fuq l-ixkaffa, bħalma fil-fatt kienu baqgħu fi żmien meta l-istess deputati kienu fil-poter taħt amministrazzjonijiet preċedenti. Insemmi biss proġetti bħall-bini mill-ġdid ta’ Triq Għeriexem u Central Link Project, li kien ilhom meħtieġa għexieren ta’ snin iżda l-amministrazzjonijiet preċedenti beżgħu jwettquhom. Bir-raġun ma nixba’ qatt nirringrazzja lill-ħaddiema kollha involuti, li fi tliet snin għamlu dak li amministrazzjonijiet preċedenti mank imqar pruvaw jibdew. Nittama li l-Onorevoli Cutajar jirrikonoxxi u jkompli jħeġġeġ lil dawn il-ħaddiema wkoll. Kuntrarjament għall-Onorevoli Cutajar, u m’n’Alla jkun hekk, Infrastructure Malta ma tiftakarx biss fl-infrastruttura għal kontra l-għargħar meta f’pajjiżna ninħakmu minn maltemp qawwi, hekk kif rajna f’dawn l-aħħar xhur meta fost oħrajn, kellna l-aktar ħarifa li fiha ni¿let xita f’dawn l-aħħar 25 sena. Permezz ta’ Infrastructure Malta flimkien ma’ entitajiet u dipartimenti oħrajn involuti, il-Gvern jaħdem biex jinkorpora infrastruttura għal kontra l-għargħar u għall-ġbir tal-ilma tax-xita f’kull proġett infrastrutturali li jsir fit-toroq Maltin. F’dawn l-aħħar tliet snin, minbarra proġetti kbar bħal Marsa Junction Project, il-Mini ta’ Santa Luċija, il-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq arterjali u investiment ta’ miljuni kbar f’infrastruttura marittima, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid jew tejbet mijjiet ta’ toroq residenzjali u rurali. F’dawn il-proġetti u ħidmiet differenti investejna aktar minn €12-il miljun f’infrastruttura għal kontra l-għargħar, ferm u ferm aktar minn kemm kien jiġi investit f’din it-tip t’infrastruttura fis-snin ta’ qabel. Dawn jinkludu fost oħrajn aktar minn 47 kilometru ta’ katusi u kanali ġodda biex iwasslu l-ilma tax-xita li jaqa’ fit-toroq lejn il-ġibjuni, lejn il-mini tas-sistema nazzjonali ta’ kontra l-għargħar jew lejn il-widien, fejn l-ilma jiġi assorbit fil-blat biex eventwalment jasal sal-ħażna tal-ilma tal-pjan taħt l-art. Dan ifisser li fi tliet snin għamilna kwa¿i darbtejn it-tul tal-gżira, miċ-Ċirkewwa sa Birżebbuġa. L-investiment jinkludi wkoll mijiet ta’ spralli ġodda biex iwasslu l-ilma tax-xita mit-toroq lejn il-katusi taħt l-art, l-installazzjoni ta’ hydrodynamic separators biex isaffu l-ilma qabel jinħażen fil-ġibjuni jew imur fil-widien, it-tħaffir ta’ soak aways, xogħlijiet ta’ titjib ta’ spralli, katusi u kanali antiki, tiswijiet ta’ ġibjuni eżistenti u fejn ikun teknikament possibbli anke l-bini ta’ ġibjuni ġodda. Infrastructure Malta s’issa bniet 14-il ġibjun, filwaqt li qed tibni oħrajn fi proġetti li għandha għaddejja bħalissa. Ħafna minn dawn il-ġibjuni jgħinuna fit-tisqija tal-eluf ta’ siġar u arbuxelli ġodda li qed inħawlu mal-ġnub tat-toroq ġodda, bħal dawk tal-Marsa Junction, Central Link Project u Triq Ħal Qormi, f’Ħal Luqa. Kif nistgħu ninnutaw, l-infrastruttura għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita tmur ħafna lil hinn minn sempliċiment il-bini ta’ ġibjuni. Fil-fatt, kieku kellhom isiru biss il-ġibjuni u xejn aktar, jibqgħu vojta, bħalma ġieli ġara fil-passat. Madankollu, minkejja li fl-aħħar tliet snin sar ħafna u ħafna xogħol biex intaffu d-diffikultajiet tal-għargħar u naħżnu aktar ilma tax-xita, xorta jonqos ħafna x’isir. Fost oħrajn, għandna żoni bħax-xatt tal-Imsida, fejn il-problema tal-għargħar ilha magħna snin twal. Dan huwa post ieħor fejn amministrazzjonijiet preċedenti jew m’għamlu xejn, jew dak li għamlu ma solva xejn. Qed nippjanaw proġett ambizzjuż biex din iż-żona jkollha infrastruttura aħjar ukoll. Proġett li mhux biss se jnaqqas il-konġestjoni u t-tniġġis tal-arja u jirriġenera l-ispazji ta’ rikreazzjoni u ġonna li hemm fl-inħawi, iżda wkoll se jibdel mill-qiegħ is-sistemi tal-ilqugħ tal-ilma tax-xita b’soluzzjonijiet sostenibbli li jtemmu l-problemi t’għargħar fl-aktar post li jsofri meta jkollna l-maltemp. Ninsab kommess li nwettqu dan il-proġett fiż-żmien li ġej ukoll, flimkien ma’ ħafna investimenti oħrajn għal infrastruttura aħjar f’pajjiżna. Għamilna ħafna u determinati li nkomplu nwettqu ferm aktar.

Infrastruttura Malta – nefqa fuq ġibjuni ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji tan-nefqa fuq kull ġibjun ġdid li nbena (u jindika f’liema lokalitajiet saru) mill-€400 miljun li ntefqu s'issa fuq toroq li saru minn Infrastruttura Malta?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija Parlamentari 23601 tal-istess Seduta u nżid li l-ġibjuni indikati jinsabu f’Santa Venera, Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Imrieħel, Santa Luċija, il-Marsa, Ħal Luqa, ir-Rabat u Baħar iċ-Ċagħaq.

Marsaskala – proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka t-toroq u l-proġetti kollha li saru f’Marsaskala f’dawn l-aħħar tliet snin u sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (BORG, IAN)

Mill-bidu ta’ din is-sena s’Ottubru li għadda, Infrastructure Malta lestiet xogħlijiet f’196 triq residenzjali u 91 triq oħra qalb il-kampanja. Għaldaqstant minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, l-aġenzija bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 800 triq residenzjali u rurali. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Fil-lokalità ta’ Marsaskala l-aġenzija diġà għamlet xogħlijiet u titjib f’dievrsi toroq kemm residenzjali kif ukoll rurali li jinkludu Triq Patri Wistin Born, Triq il-Lampuka, Triq il-Qrempuċ, Triq Thomas Ashby, Triq il-Vjola, Triq Btieti, Triq il-Buttar u triq ġdida fiha, fil-limiti tat-Torri ta’ Triq il-Wiesgħa, Triq Ta’ Rumi, Xatt il-Batterija ta’ Riħama, Triq ir-Ridott, Triq Tal-Gardiel, Triq il-Qaliet, Triq La Sengle u Triq San Ġwakkin. Għal dak li huwa titjib ta’ infrastruttura marittima, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid diversi mollijiet li hemm max-xatt ta’ din il-lokalità nkluż ukoll dawk fuq in-naħa taż-Żonqor fil-Bajja ta’ San Tumas. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Persuni li mietu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mietu nies f’Malta bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u t-30 ta’ Ġunju 2021?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta' persuni residenti f’Malta u Għawdex li mietu matul din is-sena, bejn 1-ta’Jannar u t-30 ta’ Ġunju tal-2021 kien 2127.

Mosta – Triq il-Leġġenda – bdil tal-main tad-drenaġġ

Question

​​​​​​​​​​​ Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ikkoordinax mal-Waterservices li taħthom jaqa’ d-Drainage Department biex jaraw jekk hemmx bżonn jinbidel il-main tad-drenaġġ qabel issir Triq il-Leġġenda fil-Mosta?

Response (BORG, IAN)

Fl-2021, it-tielet sena tal-programm nazzjonali għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 220 triq residenzjali oħra. Dan ifisser li għolliet il-medja tat-toroq residenzjali għal erba’ toroq fil-ġimgħa – triq aktar kull ġimgħa mis-sena 2020. Kompliet ukoll il-ħidma tagħha fit-toroq rurali fejn tejbet mal-100 triq oħra qalb il-kampanja. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Il-Mosta hija waħda mil-lokalitajiet fejn l-aktar li saru toroq ġodda minn Infrastructure Malta minħabba t-telqa u s-snin twal ta’ nuqqas t’investiment li kien hemm f’din il-lokalità fil-passat. Fil-Mosta diġà saru Triq Dawret il-Wied, Triq il-Qares, Triq is-Snajja’, Triq San Pawl tal-Qliegħa, Triq tas-Sriedek, Sqaq Madre Tereża Spinelli, Triq Rużar Briffa (Żokrija), Triq Kumbu, Triq San Silvestru, Triq Alofju Wignacourt, Triq il-Ballata, Triq Dun Karm Schembri, Triq il-Bdoti, Triq il-Familja Cumbo, Triq it-Taħħan, Triq ta’ Venezja, Triq il-Baqqunier u Triq tal-Wej. Saru wkoll xogħlijiet fi Triq il-Fortizza, Triq il-Fortizza tal-Mosta u Triq il-Kostituzzjoni. Bħalissa qegħdin isiru Triq Durumblat, Triq il-Kbira, Triq Patri Ġuże Delia, Triq il-Leġġenda, Triq il-Bennej, Triq in-Naqqax, Triq l-Għollieqa, Triq Alessandra, Triq l-Assemblea Nazzjonali, Triq l-Inkurunazzjoni, Triq Farinal, Triq Rafel Caruana Dingli, Triq Bergamott, Triq Parjan u Triq il-Bonnijiet, waqt li diġà hemm ippjanti diversi toroq oħrajn f’din il-lokalità biex isiru fiż-żmien li ġej. Qabel ma tibda x-xogħlijiet fi triq, Infrastructure Malta tikkonsulta bosta partijiet interessati biex tiżgura li t-tijib ippjanat isir b’mod li jissodisfa rekwiżiti differenti, ħalli b’hekk wieħed jieħu l-aħjar li jista’ mill-investiment li jsir u biex dan iservi aktar fit-tul. Entitajiet u kumpaniji li għandhom netwerks tas-servizzi tagħhom għaddejjin minn taħt l-art fit-toroq jiġu kkuntattjati biex jiċċekkjaw jekk l-infrastruttura tagħhom ikollhiex bżonn li tissaħħaħ jew tinbidel bħala parti mix-xogħlijiet tat-toroq ippjanati, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ xogħlijiet oħrajn fl-istess toroq fil-futur previdibbli. Fil-każ tat-triq indikata x-xogħlijiet jinkludu tqegħid ta’ pajpijiet għall-cables tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u l-Internet, kif ukoll bankini ġodda qabel ma t-triq jissaħħulha l-pedamenti u jsirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Fil-fażi tal-konsultazzjoni, ma saritx talba mill-Water Services Corporation biex isiru xogħlijiet fuq l-infrastruttura tas-servizzi tagħha. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

San Pawl il-Baħar – Triq tal-Katidral – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se titkompla u titlesta Triq tal-Katidral f’San Pawl il-Baħar, peress li bħalissa tqiegħdu xi pjanċi fit-tarf tat-triq li huma ta’ inkonvenjent għar-residenti speċjalment mal-lejl bl-istorbju li jagħmlu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mistoqsija parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Mosta – Triq il-Leġġenda – bdil tal-main tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk Infrastructure Malta ikkoordinatx mal-Waterservices, li taħthom jaqa’ d-Drainage Department, biex jaraw jekk hemmx il-ħtieġa li jinbidel il-main, qabel issir Triq il-Leġġenda fil-Mosta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Infrastructure Malta kkordinat mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rigward xogħlijiet fit-triq imsemmija.

Sptar Pubbliku — anzjani bħala social cases

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23444 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva u li issa ġiet riferuta lilu u jindika kemm hemm anzjani li huma f’xi sptar pubbliku bħal social cases?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-isptarijiet ta’ Malta hemm 50 persuna li ħadet l-kura neċessarja u issa ġew ikklasifikati bħala Long term Care patients u li qed jistennew biex jiġu rilokati f’dar residenzjali. Informazzjoni dwar każijiet soċjali nitolbu jirreferi lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #23693 Sitting 531 2022-01-10 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Bord tat-Tribunal tas-Servizzi Finanzjarji — ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn hu mħallas il-bord tat-Tribunal tas-Servizzi Finanzjarji?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bord tat-Tribunal tas-Servizzi Finanzjarji jitħallas mil-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol.
Leg 13 PQ #23694 Sitting 531 2022-01-10 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

MFSA – laqgħat tal-Executive Committee

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ltaqa' l-Executive Committee tal-MFSA matul is-sena 2021?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kumitat EZekuttiv iltaqa ’ sitta u sittin (66) darba fl-2021. Il-dati meta ltaqa l-kumitat qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #23695 Sitting 531 2022-01-10 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta – kanċellazzjonijiet ta’ liċenzji

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19728, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ftehim kien hemm bejn l-MFSA u persuni/kumpaniji li rriżultaw f'xi tip ta' azzjoni jew piena li ma ġietx ippubblikata fuq is-sit tal-istess MFSA?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull azzjoni ta’ infurzar li tittieħed mill-Awtorità trid tiġi ppublikata fuq is-sit tal-MFSA, skont l-Artikolu 16(8) tal-Att dwar l-Awtorità’ għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, u wkoll skont l-Publication policy tal-Awtorità.

Ir-Rabat Għawdex — Triq Wied il-Lunzjata - Crash barriers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23646 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23530, jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx li fil-fatt minn mindu saru l-crash barriers ir-residenzi iż-żona ta’ Triq Wied il-Lunzjata, fir-Rabat Għawdex qed ikollhom problema ta’ għarar? Jista’ l-Ministru jikkonsidra li jsir xi tip ta’ intervent fiż-żona biex jiffaċilita aktar il-passaġġ tal-ilma?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interepellant li skont kif ahna nfuramati, din iż-żona hija parti mill-wied. Hekk kif diġa mwiegeb huwa mistenni li l-ilma jinżel fil-wied, irrilevanti mill-crash barrier.

Liġi li tipproteġi t-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23647 u jikkonferma li fil-ħin li qed issir din il-mistoqsija, il-liġi li tipproteġi t-Tfal (Child Protection Act – Alternative Care) Kap 569 tal-liġijiet ta’ Malta għadha m’hijiex in vigore? Jista’ jgħid meta se tidħol in vigore sabiex verament tipproteġi t-tfal kif suppost?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta, li hekk kif hemm avżat fuq is-sit elettroniku dwar il-Liġijiet ta’ Malta, din il-liġi li qed tirriferi għaliha fil-mistoqsija tagħha, i.e. Kap 569, qatt ma ddaħlet fis-seħħ għax ġiet sostiwita u superata mill-liġi attwali li hi fis-seħħ. Jiġifieri Att XXIII tal-2019 li issa huwa Kap 602 tal-Liġijiet ta’ Malta, liema att daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju, 2020. Għall-benefiċċju tal-Onor. Interpellanta kopja tal-iscreenshot tal-paġna elettronika relattiva li tikkonferma t-tagħrif li tajtha f’din it-tweġiba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra .

Addozzjoni ta’ tfal minn barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 23648, 22700, 22943 u 23458 u jgħid kemm kienu l-individwi u/jew koppji li qed jistennew li jaddottaw tfal minn barra minn Malta mill-2015 sal-2020, sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, t-tabella t’hawn taħt tindika kemm kien hemm individwi u/jew koppji li qed jistennew li jaddottaw tfal minn barra minn Malta, fis-snin indikati mill-Onor. Interpellanta. 201520162017201820192020 61947910211085

Addozzjoni ta' Tfal Maltin minn ġenituri Maltin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 23649, 23459, 22944 u 22699 u jgħid mill-2015 sal-2020, sena b’sena kemm ġew addottati tfal Maltin minn ġenituri Maltin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, bejn l-2015 u l-2020 kien hemm total ta’ 16-il adozzjoni lokali. 201520162017201820192020 830032

Rapport tal-Ombudsman dwar ħaddiema tad-Dipartiment tad-Dwana

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar x'beħsiebu jagħmel il-Gvern fir-rigward tar-rapport tal-Ombudsman bir-referenza T0128 li jittratta dwar il-pensjoni ta' madwar 21 ħaddiem mid-Dipartiment tad-Dwana?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, f’każi hekk l-Gvern dejjem jimxi mal-pariri legali li jkollu.
Leg 13 PQ #23706 Sitting 531 2022-01-10 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ċerimonja fi Pjazza Indipendenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa ċ-ċerimonja li saret fi Pjazza Indipendenza fit-28 ta' Novembru 2021 u għalxiex saret din iċ-ċerimonja?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan it-tagħrif għadu qed jinġabar u se jingħata f’xi seduta oħra.