Legislature:
Category:
Reset
Active:

Non-resident Ambassadors

Question

Jista’ l-Minstru jagħti lista sħiħa ta’ persuni li huma non-resident Ambassadors? Jista’ jgħid fejn u kemm kien il-perjodu li serva jew qed iservi kull wieħed appuntat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ persuni li ġew appuntati Ambaxxaturi Mhux Residenti bil-perjodu li servew jew qegħdin iservu.

Persuni b’Diżabilità – pensjoni tad-diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22994 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm persuni b'diżabilità f'Malta jirċievu pensjoni tad-diżabilità? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni jirċievu pensjoni li hi ekwivalenti fl-ammont għall-paga minima nazzjonali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, f’Malta hawn 5111 ‘il persuna li jirċievu Assistenza għal Diżabilità. Minn dawn hemm 857 li qed jirċievu l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilita Severa u jitħallsu fl-ekwivalenti tal-Paga Minima Nazzjonali Netta.

Pensjoni tad-Diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22995 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm persuni li qed jirċievu pensjoni tad-diżabilità qegħdin ukoll jaħdmu? Jista’ jgħid jekk jeżistix xi studju li jispjega l-impatt tal-pensjoni tad-diżabilità fuq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta' min jirċeviha?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta’ persuni li jirċievu l-Assistenza għal Diżabilita u jaħdmu huwa ta’ 1,805. Inżid ninfurma lill-Onor. Interpellant li ma sarx studju speċifiku kif indikat minnu. Madanakollu, ta’ min jirrimarka illi il-fatt li d-dħul kollu mill-impjieg ma jiġix ikkunsidrat fl-assessjar tal-każ, dan żgur li jħalli impatt pożittiv fuq min jibbenefika minn dan. Inżid ingħid ukoll li bħala miżura tal-Baġit 2022 issa qed jiġi injorat kull dħul ieħor li jista’ jkollha persuna b’diżabilita’ meta japplika għall-Assistenza għal Diżabilità Severa jew Assistenza għal Diżabilità u dan ukoll se jkompli jħalli impatt posittiv.

Tfal li jintbagħtu għal servizzi ta’ terapija u taħriġ fil-privat – għajnuna lill-ġenituri

Question

Jista' l-Ministeru jispjega lill-Parlament x'għajnuna jirċievu ġenituri ta' tfal b'diżabilità li fil-preżent jibagħtu lil dawn it-tfal għal servizzi ta' terapija u taħriġ fil-privat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ġenituri tat-tfal b’diżabilita’taħt is-16-il sena, jirċievu id-Disabled Child Allowance (DCA) li għas-sena 2022 ir-rata hija ta’ €30 fil-ġimgħa wara li għoliet b’€5 oħra fil-ġimgħa. Malli l-minuri jgħalaq/tgħalaq 16-il sena, minflok id-DCA. il-minuri jibda jirċievi f’ismu jew f’isimha, l-Assistenza għal Diżabilità Severa (SDA), irrispettivament jekk l-persuna hijiex f’impjieg jew le. L-SDA fl-2022 ser ikun qed jammonta għal €109.52c fil-ġimgħa. F’każi fejn l-persuna ma tistax taħdem minħabba d-diżabilita’ tagħha, l-persuna b’diżabilita’ tista’ tirċievi l-Assistenza għal Diżabilità Severa Miżjuda (ISDA), li issa tammonta għal €164.90c fil-ġimgħa. L-għajnuniet msemmija (DCA, SDA u ISDA) ma jingħatawx abbażi tas-servizzi ta’ terapeija u taħriġ privat mogħti lit-tfal jew persuni b’diżabilità. Rigward għajnuniet oħra li jingħataw lil ġenituri ta’ tfal b’diżabilita’ nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Leg 13 PQ #23869 Sitting 533 2022-01-12 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Proġett ta Pjazza San Franġisk – Access to all Guidelines

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament jgħid jekk il-proġett ta' Pjazza San Franġisk sarx skont l-Access To All Guidelines biex il-post ikun aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza fejn il-Kummissjoni għal Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità ċċertifikat il-proġett ta' Pjazza San Franġisk bħala wieħed li hu aċċessibbli?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rekwiżiti kollha marbutin mal-aċċessibilita ġew indirizzati u koperti skont DNO 00431/18.
Leg 13 PQ #23870 Sitting 533 2022-01-12 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – fondi lill-Għaqdiet Volontarji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23013 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi liema għaqdiet volontarji bbenefikaw minn fondi mqassma mill-Ministeru tiegħu sa mill-bidu tas-sena 2020 sal-jum li fih titwieġeb din id-domanda? Jista' jagħti l-ammont li kull waħda mill-għaqdiet ingħatat? Jista' jispjega wkoll il-proċess tal-għażla applikat biex intgħażlu l-għaqdiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #23871 Sitting 533 2022-01-12 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Persuni b’diżabilità – faċilitajiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22996 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'faċilitajiet jew dixxiplini sportivi jeżistu għall-persuni b'diżabilità f'Għawdex? Jista’ jgħid ukoll x'qed jew x'se jkun qed jagħmel il-Gvern biex jgħin aktar dan il-qasam?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiċ-ċirkostanzi preżenti - fejn il-kumpless sportiv t’Għawdex qiegħed jinbena mill-ġdid biex fil-futur qarib ikun jista’ joffri firxa wisgħa ta’ dixxiplini sportivi lill-atleti Għawdxi inkluż anki persuni b’diżabilità - il-faċilitajiet sportivi offruti fil-preżent huma għalhekk ristretti. Kull dixxiplina sportiva, inkluż anki l-programmi ‘On the Move’, huma miftuħa għall-persuni b’diżabilità.
Leg 13 PQ #23945 Sitting 533 2022-01-12 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Dar San Ġużepp — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fuq Dar San Ġużepp u meta suppost se jitlestew ix-xogħolijiet f'din id-dar u tinfetaħ għall-anzjani?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejja l-evalwazzjoni fuq it-tender CT2281/2019 TENDER FOR THE FINISHING, FURNISHING, EQUIPING, OPERATING, MANAGING, MAINTAINING AND TRANSFERING BACK DAR SAN ĠUŻEPP.
Leg 13 PQ #23946 Sitting 533 2022-01-12 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Birkirkara — Villa Lauri - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid bħalissa liema xogħlijiet huma għaddejjin f'Villa Lauri, Birkirkara u meta huma ppjanati li jitlestew? Meta se tkun tista' tintuża mill-istudenti Għawdxin din il-binja?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol strutturali f’Villa Lauri tlesta u bħalissa waslet fil-fażi finali l-evalwazzjoni tal-offerti għal xogħlijiet ta’ Finishes u M&Es. Din is-sejħa għall-offerti ħarġet għat-tieni darba peress li fl-ewwel sejħa l-ebda offerent ma kien amministravament, teknikament u finanzjarment eleġibli. Jinsabu ukoll fil-fażi finali l-evalwazzjoni tal-offerti dwar installazzjoni ta’ lifts u installazzjoni ta’ għamara. Ix-xogħol fuq dan il-proġett huwa mistenni li jitlesta sal-ewwel kwart tas-sena 2023.

Għawdex – Rabat – Ċentru tas-Saħħa

Question

Peress illi kuntrarjament għal dak li qal il-Ministru fit-tweġiba parlamentari numru 17169, iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Victoria, Għawdex għadu ma nfetaħx, jista' l-Ministru jgħid għala kien hemm dewmien sabiex jitlesta u jinfetaħ iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Victoria, Għawdex u meta se jitlesta u jinfetaħ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wieħed mill-kuntratturi li qed jaħdem fuq dan iċ-ċentru waqa lura fix-xogħol. Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi qed tieħu l-passi sabiex jiġu applikati l-penali skont il-kuntratt.
Leg 13 PQ #23948 Sitting 533 2022-01-12 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel Operations Ltd. — Kiri ta' uffiċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gozo Channel (Operations) Ltd hux qiegħda tikri post fl-Imġarr, Għawdex li qabel kien jintuża bħala supermarket, sabiex tibda tużah bħala l-uffiċċju tagħha ? Kemm ilha tikrih dan il-post, kemm hi l-kera u għalkemm u għala dan il-post għadu ma bediex jintuża għall-iskop mikri ? Jista' jpoġġi kopja tal-kuntratt tal-kera fuq il-Mejda tal-Kamra ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #23961 Sitting 533 2022-01-12 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Awditur Ġenerali – nuqqasijiet fil-proġett tal-Pjazza San Franġisk

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ser jieħu wara li l-Awditur Ġenerali sab bosta nuqqasijiet gravi fil-mod kif ġie ġestit il-proġett tal-pavimentazzjoni ta' Pjazza San Franġisk u min għandu jirrispondi għal dawn in-nuqqasijiet gravi? Iħossx il-Ministru li l-pożizzjoni tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħu m'għadhiex tenibbli wara dak li rriżulta lill-Awditur Ġenerali fir-rigward ta' dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif indikat fl-istess rapport mill-Awditur Generali, l-Awtorità Kontraenti ħadet ħsieb li tittieħed azzjoni kull fejn kien hemm xi nuqqas. Dawn in-nuqqasijiet ġew irrettifikati qabel sar xi tip ta’ audit. Dan anke riżultat ta’ eżerċizzji interni u kontinwi fi ħdan il-Ministeru. Ix-xogħlijiet kollha saru wara li nġiebu l-approvazzjonijiet meħtiega mill-awtoritajiet u kif wkoll skont il-kriterji finanzjari allokati. Dan il-proġett ġie ġestit minn uffiċjali pubbliċi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, iżda fejn meħtieg, ġew imqabbda wkoll uffiċjali pubbliċi minn diversi awtoritajiet oħra li għalihom il-Ministeru talab gwida. Il-Ministeru għandu fiduċja f’kull uffiċjal minn tiegħu. Dan anke fid-dawl li bħalissa l-Ministeru qed jimplimenta numru bla preċedent ta’ proġetti, dejjem b’risq il-gżira Għawdxija u r-residenti Għawdxin.

Persuni li ma jistgħux jieħdu l-booster peress li kienu pożittivi għall-COVID

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkjarifika x'ser tkun il-pożizzjoni wara s-17 ta' Jannar 2022 ta' dawk l-individwi li ma jistgħux jieħdu l-booster għax kienu pożittivi għall-Covid? Jista’ ċ-ċertifikat tal-vaċċin jibda jindika li dawn l-individwi rriżultaw infettati u għaldaqstant m'għandhomx bżonn booster sa ċertu żmien?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul din il-ġimgħa se jkunu qed jiġu ippubblikati standards inkluż dwar l-eżenzjoni temporanja għal dawk li jkunu pożittivi u ma jkunux jistgħu jieħdu l-booster f’dak il-perjodu.

Wasteserv Malta – financial statements

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta’ financialstatements tal-Wasteserv Malta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Rapport Annwali u l-Financial Statements tal-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd. għas-sena 2019.

Malta Digital Hub Ltd – financial statements

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta’ financial statements tal-Malta Digital Hub Ltd?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Leg 13 PQ #23229 Sitting 532 2022-01-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — tender

Question

Jista’ l-Ministru għal Għawdex jgħid fiex kienet tikkonsisti t -tender li ħareġ il-Ministeru għal Għawdex 'for the procurement and installation of automated barriers and electronic information boards at the Xewkija Park and Ride facility, Gozo' (MGOZ/MPU T 64/2018)? Jista’ jgħid għalfejn din it- tender kienet ġiet ikkanċellata u min talab li tiġi kkanċellata u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s- site plan ta’ fejn kien ippjanat li jintużaw l-affarijiet mitluba fl-imsemmija tender? Jista’ l-Ministru jgħid jekk din it- tender reġgħetx ħarġet mill-ġdid, u jekk le, għalfejn ma reġgħetx ħarġet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda offerta ma ġiet mixħuta għal tender MGOZ/MPU T 64/2018 'for the procurement and installation of automated barriers and electronic information boards at the Xewkija Park and Ride facility, Gozo', b’din l-istess tender sussegwentament kienet ġiet ikkanċellata.