Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Artijiet — tenders

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16493 fejn qed jingħad li l-informazzjoni diġà nħareġ skont il-liġi, ma jaħsibx il-Ministru li din il-klawsola fil-liġi ma tħarisx it-trasparenza soċjali meta min jirbaħ l-offerta u min tefa’ l-offerta huma notifikati fuq notice board biss li hi mdendla wara receptionist f’ħinijiet ristretti ta’ uffiċċju? Dan jitqies aċċess adekwat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16629 tal-istess Seduta.

Fabbriki tan-Nar – ħażna ta’ klorat, perklorat u nitru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu importat/maħżun kull sena klorat, perklorat u nitru li jintuża għall-fabbriki tan-nar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi sal-15 ta’ Ottubru 2020 l-ammonti ta’ klorat, perklorat u nitru li jintużaw għall-fabbriki tan-nar u li ġie impurtat/maħżun kien kif jidher fit-tabella hawn taħt: Sena Perklorat impurtat Perklorat maħzun ma l-importaturi Klorat impurtat Klorat maħzun għand il-Forzi Armati Nitru impurtat Nitru maħzun għand il-Forzi Armati 2020 Nil Nil 4,000 4,000 kgs 35,000 35,000 kgs

Ħad-Dingli — Ftuħ ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex ix-xogħol ta' ftuħ ta' toroq f'Ħad-Dingli li qed jippjana bejn Saqa il-Museum, Daħla tas-Sienja u Triq San Ġwann Bosco f'Ħad-Dingli qed issir b'daqstant għaġġla u bla ebda konsultazzjoni ma' dawk ir-residenti milquta u sidien tal-għelieqi u anke mingħajr ma għadu sar l-esproprju tal-artijiet fejn se jsir ix-xogħol? Jista' jispjega b'mod ċar għaliex qed jinsisti li tinfetaħ ukoll il-parti li tgħaqqad ma' Triq San Ġwann Bosco?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li Infrastucture Malta qed tibda l-bini mill-ġdid ta’ triq li ilha skedata fil-pjanijiet lokali biex issir sa mill-2006 meta l-Onorevoli Membru kien jagħmel parti mill-Kabinett ta’ dak iż-żmien. Għaldaqstant, ċertament li din mhix kwistjoni ta’ għaġġla imma hija triq li kienet ilha snin ippjanata biex issir u sippost li diġà nbniet. Din it-triq twila madwar 100 metru se tgħaqqad id-Daħla tas-Sienja, Triq San Ġwann Bosco u Sqaq il-MUSEUM, f’Ħad-Dingli. Residenti ta’ Sqaq il-MUSEUM u oħrajn li joqogħdu fl-akwati kien ilhom jitolbu biex din it-triq skedata tiġi ffurmata u mibnija biex titjieb il-konnettività u jinħoloq aċċess aktar sigur għal diversi residenzi, li bħalissa huma aċċessibbli biss minn trejqa dejqa li ma tippermettix vetturi għat-tifi tan-nar u oħrajn t’emerġenza biex jilħqu d-djar tagħhom f’każ ta’ bżonn. Il-parti dejqa ta’ Sqaq il-MUSEUM tinsab fil-parti urbana ta’ konservazzjoni ta’ Ħad-Dingli, b’binijiet antiki fuq iż-żewġ naħat u ma tistax titwessa’. L-uniku mod kif din it-triq jista’ jkollha aċċess aktar sigur huwa bit-triq ġdida li tgħaqqadha mad-Daħla tas-Sienja u Triq San Ġwann Bosco. Infrastructure Malta ħadet nota tat-tħassib li esprimew ir-residenti tal-inħawi, inkluż ir-riskju li kien hemm għas-saħħa tal-pubbliku minħabba l-aċċess ristrett għall-vetturi t’emerġenza, u bdiet taħditiet mas-sidien tal-art inkwistjoni kemm privata kif ukoll dawk li għandhom art mikrija mingħand il-Gvern, biex tiffaċilita l-formazzjoni tat-triq ġdida li se tipprovdi aċċess aħjar lilhom ukoll. Ix-xogħlijiet se jibdew fil-parti tat-triq ġdida li qed tinbena fuq art tal-Gvern u wara jissuktaw f’partijiet oħrajn fix-xhur li ġejjin.

Ftehimiet iffirmati minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehimiet iffirmati mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fl-Ażerbaijan?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Ftehim iffirmat minn individwu u kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim LNG Security of Supply Agreement iffirmat fil-15 ta’ April 2015 mill-individwu u l-kumpanija li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Siġġiewi — Kappella tal-Lunzjata - xogħol ta' restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol tar-restawr tal-Kappella tal-Lunzjata li tinsab fuq l-Għotja tas-Salib fis-Siġġiewi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Niforma lill-Onor. Interpellant, illi ninsab infurmat mid-Direttorat tar-Restawr, li l-investigazzjonijiet geoloġici li ngħatat spjegazzjoni dwarhom fit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 12385 u 15363, bħala parti mill-proċess li eventwalment ser iwassal għar-restawr tal-Kappella tal-Lunzjata, issa twettqu. Dawn l-investigazzjonijiet għandhom l-għan li jiġu mifhuma aħjar il-movimenti ġeoloġiċi li qed iseħħu tul l-għolja u li maż-żmien ikkawżaw ħsarat kbar fl-istruttura tal-istess Kappella. Fil-preżent bdew jitlestew testijiet tal-laboratorju li jistgħu isiru lokalment, u issa qed jitkompla l-proċess fejn uħud mill-kampjuni jintbagħtu l-Italja għal testijiet oħra speċjalizzati. Ġew installati ukoll fuq is-sit sistemi ta’ moniteraġġ (eż.: inclinometers) u qed jiġu studjati varjazzjonijiet u movimenti ġeoloġiċi fuq medda ta’ żmien. Il-fażi investigattiva hi mistennija li tieħu medda ta’ sena fl-intier tagħha. Dan eventwalment iwassal biex jiġi mfassal pjan għall-konsolidazzjoni ġeoteknika tas-sit u eventwalment jiġi mfassal ukoll pjan għar-restawr tal-Kappella tal-Lunzjata. Qed isiru wkoll is-surveys arkitettoniċi li ser iwasslu biex kmieni s-sena d-dieħla, la darba l-fażi investigattiva tkun magħluqa, issir is-sottomissjoni meħtieġa għall-permessi tal-Awtorita’ tal-Ippjanar.

Ħad-Dingli – linji mmarkati mill-Awtorità tal-Ippjanar ma jaqblux ma’ dak approvat fil-Pjan Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex il-linji li mmarkat l-Awtorità tal-Ippjanar dwar it-toroq li qed jiġu ppjanat li jinfetħu bejn Sqaq il-MUSEUM, Daħla tas-Sienja u Triq San Ġwann Bosco f’Ħad-Dingli ma jaqblux ma’ dak approvat fil-Pjan Lokali?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru ikkonċernat.

Ħad-Dingli – Skedar ta’ binja medjevali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar irċevietx talba għall-iskedar tal-binja medjevali li hemm bejn Sqaq il-MUSEUM u Daħla tas-Sienja f’Ħad-Dingli u jekk fl-affermattiv, fejn waslet din l-applikazzjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

L-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet talba għall-iskedat tal-binja medjevali li hemm bejn Sqaq il-MUSEUM u Daħla tas-Sienja f’Ħad-Dingli. Din ġiet approvata mill-Kunsill Esekuttiv tal-Awtorita’ tal-Ippjanar nhar it-Tlieta 13 ta’ Ottubru u għandha tidher fil-Gazzetta tal-Gvern fil-jiem li ġejjin.

Ħad-Dingli – toroq li ser jinfetħu – wisa’

Question

B’referenza għat-toroq li qed jissemma li ser jinfetħu bejn Sqaq il-MUSEUM, Daħla tas-Sienja u Triq San Ġwann Bosco f’Ħad-Dingli, jista’ l-Ministru jgħid kif jiġi determinat il-wisa’ ta’ dawk it-toroq fejn il-pjan lokali juri biss il-linja tat-triq fuq naħa waħda, il-linja tal-ischeme 'il barra minnha però ma jurix il-linja fuq in-naħa l-oħra u allura l-pjan lokali ma jiddeterminax il-wisa' ta' tali triq? X'inhuma l-proċeduri li taddotta l-Awtorità tal-Ippjanar f'tali ċirkustanzi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li fil-kazijiet fejn il-Pjan Lokali juri biss l-allinjament tal-bini fuq naha wahda u ma jurix il-linja tat-triq fuq in-naha l-ohra, japplikaw il-provvedimenti tal-Avviz Legali 291 tal-2018 li jistipulaw il-wisa’ minima tat-toroq.

Mqabba – Triq Santa Katerina, Triq il-Parroċċa u Triq San Bażilju – għoti ta’ tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jerġa’ jsir il-wiċċ tat-tarmak li sar f'parti minn Triq Santa Katerina, f'parti minn Triq il-Parroċċa u parti minn Triq San Bażilju fl-Imqabba minħabba li x-xogħol ma sarx kif suppost peress li hemm fejn it-tarmak mhux irrumblat sewwa, tarmak li jimblokka l-katusi li joħroġ minnhom l-ilma tax-xita, tappieri baxxi aktar minn wiċċ it-tarmak u partijiet mit-tarmak ġew iżommu l-ilma? X'inhi r-raġuni li fi Triq il-Parroċċa u Triq San Bażilju ma sarx gutter tal-konkos peress li ma hemmx bankini ħalli kif jitwitta t-tarmak, l-irrumblar tat-tarmak seta jsir sewwa? Ittieħdu l-livelli tat-triq qabel ma sar ix-xogħol ta' tarmak ħalli fejn hu possibbli kien jiġi evitat li overflows tal-ilma jiġu imblukkati bit-tarmak u t-tappieri tal-ilma jiġu livell mal-wiċċ tat-tarmak il-ġdid mhux aktar ‘l isfel jew aktar ‘il fuq mil-livell tat-tarmak?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-parti ta’ Triq Santa Katarina li reċentement ingħatat wiċċ ġdid tat-tarmak ser tinqala’ u tingħatha mill-ġdid għas-spejjeż tal-kuntrattur. Dan japplika wkoll għall-parti mix-xogħol tat-tarmak li sar fi Triq San Bażilju. Dan ix-xogħol kollu ser isir wara li jitlesta l-aħħar parti tax-xogħol ippjanat marbut mal-cables tad-dawl, biex dan ix-xogħol isir f’venja waħda. Il-wiċċ ġdid tat-tarmak fi Triq id-Duluri (Triq il-Parroċċa, saret bil-cubetti) u Triq San Bażilju, sar skont ma kien speċifikat fid-dokumenti tat-tender. Overflows tal-ilma tal-btieħi li parti minnhom ġiet imblukkatha, finishing tat-truf tat-tarmak u rranġar ta’ livelli ta’ tappieri, ser jitranġaw ukoll mill-kuntrattur bħala parti mill-eżerċizzju ta’ snagging li għad irid jaħdem fuqu fil-ġranet li ġejjin.

NCV Code – phasing out tar-rigid buoyant apparatus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk skont l-NCV Code, li l-iskop ewlieni tiegħu hu li jassigura livell għoli ta' sigurtà fuq il-bastimenti kollha, ir-rigid buoyant apparatus ġiex phased out għall-opri tal-baħar kollha, inkluż dawk tradizzjonali? Jew hemm xi eżenzjonijiet? Fil-każ li hemm xi eżenzjonijiet, għal liema bastimenti huma applikabbli dawn l-eżenzjonijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li filwaqt li huwa minnu li l-iskop ewlieni ta’ l-NCV Code huwa sabiex jassigura livell għoli ta’ sigurta’ fuq il-bastimenti kollha li għalihom huwa applikabbli, f’ċertu każijiet ikun hemm lok għal ċertu devjazjonijiet prattiċi u saħansitra anke għal eżenzjonijiet, fejn ikun hemm bżonn. B’dan il-mod ikun asssigurat li s-sigurta’ meħtieġa fuq il-bastiment partikolari tkun milħuqa. Fil-każ tal-rigid buoyant apparatus dawn qed jiġu phased out minħabba s-sigurta ta’ l ekwippaġġ u l-passiġġieri. Fil-każ ta’ gulets tradizzjonali, tista’ ssir eċċezzjoni u jkun jista’ jibqa jopera b’rigid buoyant apparatus, wara li l-ewwel u qabel kollox jissodisfa l-kundizzjonijiet stretti fuq l-operat tiegħu li huma maħsuba għas-sigurta’ tal-ekwipaġġ u l-passiġġieri abbord u li ġew ppubblikati mill-Awtorita’. Id-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili, dejjem ħadem fl-interess tas-sigurta’ marittima. Fil-fatt meta l-Awtorita’ tikkunsidra eżenzjonijiet jew eċċezzjonijiet dawn ikunu bbażati fuq evalwazzjoni oġġettiva, inter alia, li numru kbir ta’ kundizzjonijiet iridu kollha jiġu sodisfatti. Il-kundizzjonijiet jinkludu restrizzjonijiet fuq l-operat tal-bastimenti in kwistjoni.

Flyovers tal-Marsa – expansion joints

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jiġu installati l-expansion joints tal-flyovers tal-Marsa peress li wħud mill-flyovers, għalkemm ilhom lesti xhur, għadhom bil-pjanċi fuqhom fejn suppost saret l-expansion joint? X’inhi r-raġuni li dawn l-expansion joints għadhom ma sarux għalkemm il-kostruzzjoni ta’ ċertu flyovers ilha lesta? Ma jaħsibx li d-dewmien biex jiġu installati dawn l-expansion joints jistgħu jikkawżaw ħsarat lill-istruttura tal-flyovers? Min ta l-parir tekniku li dawn l-expansion joints ma jiġux installati għalissa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’investiment ta’ €70 miljun b’fondi tal-Gvern u tal-Unjoni Ewropea, il-Marsa Junction Project huwa l-akbar investiment infrastrutturali li qatt twettaq fit-toroq Maltin. Dan il-proġett jinkludi aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li se jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, biex joħolqu konnessjonijiet diretti kemm lejn it-tramuntana kif ukoll lejn in-nofsinhar bejn it-toroq arterjali li jingħaqdu f’din il-ħolqa. B’hekk jispiċċa l-ħin ta’ stennija li kien ikun hemm bis-sistema ta’ traffic lights tul din ir-rotta prinċipali lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta u jonqos it-tniġġis tal-arja mill-konġestjoni fil-Marsa u lokalitajiet oħrajn fil-madwar. Il-proġett jinkludi wkoll infrastruttura sħiħa u aktar sostenibbli għal dawk li jivvjaġġaw b’mezzi alternattivi. Fil-fatt, il-proġett jinkludi bankini ġodda u pontijiet għall-mixi, korsiji u waqfiet għall-karozzi tal-linja, faċilitajiet ta’ park and ride u korsiji għar-roti maqtugħin mit-triq li wkoll qegħdin isiru bħala parti mill-proġett. Madwar din l-infrastruttura ġdida, Infrastructure Malta qed tifforma diversi żoni mħaddrin u msebbħin b’ħafna siġar ġodda u erba’ xogħlijiet artistiċi kbar. Qed tibni ġibjuni kbar taħt l-art għall-ħa¿na ta’ 1.5 miljun litru ilma tax-xita għat-tisqija ta’ dawn iż-żoni mħaddrin. Il-kuntratturi tal-proġetti qed ipoġġu aktar minn 13-il kilometru ta’ servizzi taħt l-art, fosthom pajpijiet għad-distribuzzjoni tal-ilma u katusi għad-drenaġġ, mini (walk-through culverts) li minnhom jgħaddu l-cables tal-elettriku, pajpijiet għall-cables tal-Internet u servizzi tat-telekomunikazzjoni oħrajn u katusi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita. Il-bieraħ, Infrastructure Malta fetħet tliet flyovers ġodda tal-Marsa Junction Project, hekk kif dan il-proġett issa daħal fl-aħħar fażijiet tiegħu. Dawn it-tliet strutturi ta’ flyovers qed jipprovdu konnessjonijiet diretti ġodda minn Triq Aldo Moro, il-Marsa, għal żewġ rotot ewlenin lejn in-nofsinhar li jingħaqdu f’din il-junction. L-ewwel tnejn mit-tliet strutturi ta’ flyovers magħqudin flimkien jeħduk mill-Marsa lejn Vjal Santa Luċija, li dan l-aħħar reġgħet infetħet fid-direzzjoni tan-nofsinhar lejn Santa Luċija u Triq Tal-Barrani, Ħal Tarxien. Vjal Santa Luċija kienet ingħalqet aktar kmieni din is-sena bħala parti mill-istess proġett u dak tal-mini li qed jinbnew iktar ‘il fuq fl-istess rotta taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija. It-tielet struttura ta’ flyover tgħaqqad Triq Aldo Moro ma’ Triq Giuseppe Garibaldi, fid-direzzjoni ta’ Ħal Luqa, il-Gudja, l-Ajruport u l-Mini ta’ Ħal Kirkop. Din il-flyover tipprovdi żewġ korsiji diretti bejn dawn iż-żewġ toroq u telemina d-djuq fil-korsiji li kien hemm fil-korsiji temporanji li servew għal din il-konnessjoni minn meta sena ilu l-aġenzija fetħet l-ewwel flyovers tal-proġett. Infrastructure Malta lestiet dawn it-tliet flyovers bis-saffi kollha t’asfalt u anke bl-expansion joints, teknoloġija maħsuba biex tilqa’ għall-movimenti naturali li jista’ jkun hemm bejn partijiet differenti ta’ strutturi bħal dawn, fosthom dawk ikkaw¿ati mit-tibdil fit-temperatura, mingħajr ma ssirilhom ħsara. B’hekk, il-gverta tal-flyovers tkun tista’ tagħmel dawn il-movimenti żgħar mingħajr ma jiġrilha ħsara. L-esperti tal-kuntratturi tal-proġett li ffinalizzaw l-ispeċifikazzjonijiet u li qed imexxu l-installazzjoni ta’ dawn l-expansion joints talbu li dawn isiru wara li jkun tqiegħed l-aħħar saff t’asfal tal-flyovers, sabiex verament isiru bl-aħjar mod possibbli. Fil-fatt, jekk dawn isiru qabel, ikun hemm ir-riskji li ma jiffunzjonawx kif meħtieġ u tiġrilhom aktar ħsara milli jagħmlu ġid. Bil-ftuħ tat-tliet flyovers ġodda lejn in-nofsinhar Infrastructure Malta se tkun tista’ tuża t-tliet flyovers l-oħrajn, li tlestew is-sena l-oħra, fid-direzzjoni proprja tagħhom lejn it-tramuntana. Sal-Ħadd li għadda dawn kienu qed jintu¿aw fid-direzzjoni opposta, bħala rotot lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż. Dawn il-flyovers issa huma magħluqin għal ftit ġimgħat sabiex il-kuntratturi tal-proġett jiksuhom bl-aħħar saff t’asfalt, jinstallawlhom l-expansion joints u jagħmlulhom il-marki tal-linji u t-tabelli meħtieġa biex jindikaw id-direzzjoni finali tagħhom. Kif diġa ġie spjegat kemm-il darba, peress li dawn il-flyovers intużaw għal madwar sena fid-direzzjoni opposta, ma setgħux jitlestew bl-aħħar saff t’asfalt u bil-marki tal-linji u l-marki u t-tabelli tad-direzzjonijiet finali, għaliex kienu jkunu ta’ xkiel għas-sewwieqa. Għalhekk, infetħu b’mod sigur mingħajr l-aħħar saff t’asfalt, u b’materjal temporanju li jaqdi l-istess funzjoni tal-expansion joints mingħajr ma ssir ħsara lill-istruttura u lil expansion joints infushom. Issa li dawn il-flyovers m’għadx hemm bżonnhom bħala rotot temporanji lejn in-nofsinhar, beda x-xogħol biex jitlestew bl-aħħar saff t’asfalt u expansion joints, ħalli fil-ġimgħat li ġejjin nibdew nużawhom fid-direzzjoni proprja tagħhom lejn it-tramuntana tal-pajjiż. Aktar tard dan ix-xahar, Infrastructure Malta se tiftaħ ukoll il-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Vjal Santa Luċija, minn Santa Luċija lejn il-Marsa. L-aġenzija mbagħad tkun tista’ tiftaħ ukoll is-seba’ (u l-aħħar) struttura ta’ flyover tal-junction ġdida tal-Marsa. Din il-flyover, li tlestiet ftit ġimgħat ilu bl-expansion joints b’kollox, se tgħaqqad il-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Vjal Santa Luċija maċ-Ċimiterju tal-Addolorata u l-inħawi fejn se ssir l-faċilità ta’ park and ride bħala parti mill-istess proġett, lejn Triq il-Gvern Lokali fid-direzzjoni lejn Ħal Qormi (fejn hemm iċ-Ċimiterju tat-Torok).

San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra Burmarrad, Wardija u Xemxija — Community Policing

Question

Jista’ l-Ministru jserraħ ras ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra Burmarrad, Wardija u Xemxija billi jindika meta ser jkun qed jingħatalhom s-servizz tal-Pulizija tal-Komunità (Community Policing)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kif diġà ġie indikat fi tweġibiet oħra, l-inizjattiva tal-Community Policing ser tkun introdotta gradwalment f’diversi lokalitajiet f’dawn il-gżejjer u eventwalment ser tkun introdotta wkoll f’San Pawl fejn jiġu koperti ż-żoni tal-madwar.

Naxxar , Salina u Magħtab — Community Policing

Question

Jista’ l-Ministru jserraħ ras ir-residenti tan-Naxxar , Salina u Magħtab billi jindika meta ser jkun qed jinghatalhom s-servizz tal-pulizija tal-Komunita (Community Policing)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-inizjattiva tal-Community Policing se tkun introdotta gradwalment f’diversi lokalitajiet f’dawn il-gżejjer u l-ħsieb hu li eventwalment tkun introdotta wkoll fin-Naxxar u jiġu koperti ż-żoni li jagħmlu ma’ din il-lokalità.

Mellieħa — ftuħ ta' għassa

Question

Jista’ l-Ministru jserraħ ras ir-residenti tal-Mellieħa billi jikkonferma li fl-immeddjat ser ikun qed ireġġa lura d-deċiżjoni li terġa’ tinfetaħ l-għassa tal-Mellieħa, liema deċiżjoni li din tingħalaq ttieħdet b’mod insensittiv u mingħajr konsultazzjoni u żgur li mhux fl-interess tal-ġid komuni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi r-residenti tal-Mellieħa llum għandhom servizz ta’ pulizija ferm aħjar minn dak li kien offrut sa ftit taż-żmien ilu. Dan minħabba preżenza ferm akbar ta’ pulizija minn dik li kien hemm fil-passat riċenti, fit-toroq ta’ din il-lokalità. Il-Korp se jkompi jsaħħaħ is-servizz tal-pulizija fil-Mellieħa kif ukoll fi bnadi oħra f’dawn il-gżejjer.

Il-Marsa — devjazzjoni tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkonsidrata li ssir modifikazzjoni fid-devjazzjoni tat-traffiku fiż-żona tal-Marsa fil-parti fejn isir id-dħul u l-ħruġ taż-żwiemel direzzjoni lejn il-korsa taż-żwiemel ?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu minħabba li l-Awtorita’ ta’ Transport f’Malta tkun trid tiddiskuti dawn il-modifikazzjonijiet mal-Kunsill Lokali.

Kunsilli Lokali – Proġetti relatati mal-Fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9856, jista’ l-Ministru issa jagħtina risposta u jgħid xi proġetti relatati mal-Fondi tal-Unjoni Ewropea kiem hemm matul is-snin imsemmija u liema kunsilli lokali ibbenefikaw minnhom u kemm flus ibbenefikaw?’

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi din l-Informazzjoni għadha qed tinġabar, u tingħata f’seduta oħra.

Separazzjonijiet u divorzji

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 13443, jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm persuni/familji li għamlu użu minn dawn is-servizzi is-sena l-oħra: a. Terapija tal-Familja b. Korsijiet dwar trobbija pożittiva c. Korsijiet tal-Co-parenting?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, matul l-2019, l-Aġenziji fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali offrew servizzi ta’ terapija, korsijiet ta’ trobbija pożittiva hekk kif indikat hawn taħt: Is-Servizzi Psikoloġiċi fi ħdan l-Aġenzija Sedqa ħadmu ma’ 170 każ fejn ġiet offruta terapija tal-familja lill-individwi u familji li ppreżentaw problemi varji li kienu qed ixekkluhom fil-ħajja preżenti tagħhom. Is-servizz ukoll iffaċilita’ 10 gruppi ta’ Trobbija Pożittiva fejn 196 ġenitur jew persuni oħra nvoluti fit-trobbija tat-tfal attendew il-kors ta’ ħames ġimgħat b’suċċess. Dawn il-korsijiet saru fi skejjel tal-gvern, indipendenti u tal-knisja, fil-komunita’, f’Ghawdex u kif ukoll fi djar residenzjali u mas-soċji tal-Mużew tal-Bniet. Barra minn hekk, is-Servizz ukoll iffaċilita’ b’success 4 gruppi ta’ co-parenting ta’ 7 ġimgħat kull wieħed għal ġenituri li sseparaw jew kienu għaddejjin minn separazzjoni. Sar screening lil 49 ġenitur li għamlu talba għas-servizz u minn dawn 30 ġenitur temmew il-kors b’success. Il-Home Based Therapy Services (HBTS) tal-Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u tal-Komunità, joffru servizzi ta’ Psikoterapija, Terapija tal-Familja, u Counselling. Dawn is-servizzi huma offruti kemm lill-individwi kif ukoll lill-familji fid-djar rispettivi tagħhom jew inkella fil-komunita’. L-għan tas-servizz huwa li jiġu ppreservati il-familji (family preservation) fejn hemm ulied taħt it tmintax-il sena, li tissaħħaħ il-familja biex jiġu żgurati il-benessere u s-sigurtà tat-tfal u li l-ġenituri jew gwardjani jsibu l-appoġġ sabiex jikkonsolidaw ir-relazzjonijiet mal-ulied. Fl-2019, l-HBTS ħadmu ma’ 277 każ fejn giet offruta terapija tal-familja. Minn dawn il-każijiet ibbenifikaw 701 individwu *. Il-Programm tal-‘Incredible Years’, li hu programm għall-ġenituri u l-ulied, li jaħdem abbażi ta’ evidenza u li huwa l-programm indikat fil-policy għat-Trobbija Pożittiva, fil-prevenzjoni u t-trattament ta’ mġieba problematika fit-tfal u difikultajiet fit-trobbija. Fis-sena 2019 l-Incredible Years ħadem ma’ 104 każ u ma 103 individwu *. Dan il-programm jingħata fi gruppi kif ukoll fid-djar tal-familiji rispettivi. *Dan in-numru jeskludi każijiet ta’ individwu/i li reġgħu infetħu tul l-istess sena u meta każ jiġi referut pero’ għal raġunijiet varji ma jkunx infetaħ, għaldaqstant ma sarx programm ma’ l-individwu/i. Aktar informazzjoni fuq l-istatistika ndikata hawn fuq jinstab fis-sit elettroniku tal-Fondazzjoni Għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, permezz ta’ din il-ħolqa hawn taħt: https://fsws.gov.mt/en/fsws/Documents/FSWS%20Publications/ACTS%20Yearly%20statistical%20report%202019%20(online%20version).pdf Minn naħa tal-Aġenzija Sapport, ninforma lill-Onor Interpellant li, l-Aġenzija toffri workshops u ttella gruppi ta’ sostenn immirati għal ġenituri ta’ tfal b’diżabilità u lill-aħwa adulti. Matul l-2019 kien hemm 20 ġenitur u 15 aħwa adulti li attendew għal dawn is-sessjonijiet. Minbarra din l-ħidma mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u l-Aġenzija Sapport, ngħarraf lill-Onor Interpellant li , l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali qed iwassal kampanja dwar trobbija pożittiva, immexxija mill-Positive Parenting Taskforce. Din il-kampanja ta’ għarfien tinkludi interventi fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju, kif ukoll informazzjoni fuq il-pjattaforma online, kemm permezz ta’ sit uffiċjali kif ukoll permezz ta’ paġna ta’ Facebook; liema siti soċjali qed ikunu segwiti minn terapista professjonali.

Aġenzija Sapport: Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jindika dettalji dwar il-lista ta’ stennija għas-servizzi kollha mogħtija mill-Aġenzija Sapport?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellant li, l-lista ta’ stennija tass-servizzi tal-Aġenzija Sapport hija kif elenkat fit-tabella t’hawn taħt: Servizz Lista ta’ Stennija Sharing Lives 0 People Assistance Schemes: Empowerment Scheme Eżenzjoni mill-ħlas tal-Liċenzja tat-Triqtal-Vetturi Eżenzjoni mit-Taxxa tar-Registrazzjoni fuq Vetturi 7 Independent Community Living Monitoring Service (ICLM): Direct Payment Independent Community Living Personal Assistance Fund 29 Servizzi fil-Komunità 48 Servizzi ta’ Matul il-Jum 99 Sonia Tanti Independent Living Centre (STILC) 113 Servizz ta’ Assessjar u Interventi ta’ Ħidma Soċjali 221 Servizzi Residenzjali / NGOs 283 ACTU 151 Interpretazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali 0 Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, persuna tista’ tkun qed tapplika għal aktar aktar minn servizz wieħed fl-istess ħin u għalhekk l-istess persuna jista’ jagħti l-kas li tkun qiegħda f’lista differenti ta’ stennija, skont is-servizz/i li tkun applikat għalih/għalihom.

Djar Residenzjali tal-Persuni b’Diżabilita’: Użu ta’ lift

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12218, jista’ l-Ministru jwieġeb issa din il-mistoqsija dwar jekk id-Djar Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilita’ kollha għandhomx lift sabiex ir-residenti jkollhom aċċessibiltà biex joħorġu fil-komunità?’

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, 5 mid-Djar Residenzjali operati mill-Aġenzija Sapport għandhom lift. Oħrajn huma fuq pjan wieħed jew m’għandhomx lift. Meta jsir l-assessjar tal-persuni b’diżabilità qabel ma jmorru jgħixu f’dawn id-djar, jiġi stabbilit xi bżonnijiet għandhom sabiex ikunu akkomodati f’dar li tilħaq il-bżonnijiet kollha tagħhom. Il-persuni b’diżabilità kollha li jgħixu fir-residenzi mmexxija mill-Aġenzija Sapport jistgħu joħorġu fil-komunità bla xkiel. Kull dar għandha l-faċilitatjiet kollha neċessarji aċċessibbli għall-użu tal-persuni b’diżabilità li jgħixu fihom. Dan minbarra li l-binjiet tal-Aġenzija huma kollha aċċessibbli skont il-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Dan jgħodd għar-residenzi, ċentri ta’ matul il-jum kif ukoll uffiċini tal-Aġenzija.