Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15460 u jgħid jekk it-tender li kien qed jiġi abbozzat f'Ottubru 2016 għall-baga akbar għall-cruise liners fix-Xlendi issa ġiex ippubblikat u jekk intgħażilx min se jagħmel dan ix-xogħol? Meta hu maħsub li din il-baga tkun lesta u meta hu ppjanat li jorbtu magħha l-ewwel cruise liners? Kemm hi l-ispiża totali maħsuba għal dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan it-tender ma kienx ħareġ għal raġuni li ġie deċiż li dan ikun inkorporat bħala parti mill-Master Plan li tiġbor fiha proġett ħolistiku tar-riġenerazzjoni tax-Xlendi.
Kunsill Lokali Mellieħa – Triq Għajn Żejtuna u toroq f’Santa Maria Estate – tindif ta’ culverts u bankini
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jieħu ħsieb li l-culverts li hemm tul it-Triq Għajn Żejtuna u t-toroq l-oħra fiż-żona ta’ St. Maria Estate fil-Mellieħa jitnaddfu u anke jinqata’ l-ħaxix u z-zkuk li hemm fuq numru ta’ bankini fl-istess żona?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-culverts indikati tnaddfu fit-12 ta’Ottubru 2020, filwaqt li ż-żbir ta’ siġar u qtugħ ta’ ħaxix li qed jostakolaw il-bankini hu skedat li jsir fil-jiem li ġejjin.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16432 jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (ABELA, ROBERT)
B’żieda mal-informazzjoni li diġà ngħatat fil-PQ 11380, li kopriet il-perjodu sa Settembru 2019, nixtieq inżid li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni li l- Uffiċċju tal-Prim Ministru, bl-entitajiet u l-awtoritajiet taħtu inklużi, hu kif ġej:
Ottubru-Diċembru 2019: 19 il-talba
Jannar-Settembru 2020: 64 talba
Minn dawn kien hemm 15 il talba milqugħa, 63 ma gewx aċċettati u 5 għadhom pendenti.
Ninsab nfurmat li l-ebda talba ghal-informazzjoni ma tigi rrifjutata. Dawk li ma ġewx aċċettati kien minħabba li l-informazzjoni mitluba ma kinietx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni jew li ma hemmx it-tagħrif mitlub. It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati u kienu dwar aspetti varji tal-operat tal-Ministeru, l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu.
Ministeru għas-Saħħa – talbiet skont l-Att dwar il-Liberta tal-Informazzjoni
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16433 u jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru għas-Saħħa u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi b’żieda mal-informazzjoni li diġà ngħatat fil-PQ 11381, li kopriet il-perjodu sa Settembru 2019, nixtieq inżid li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lil dan il-Ministeru, bl-entitajiet u l-awtoritajiet taħtu inklużi, hu kif ġej:
Ottubru-Diċembru 2019: 3 talbiet
Jannar-Settembru 2020: 37 talba
Minn dawn kien hemm 11 il-talba milqugħa, 23 rifjutati u 6 għadhom pendenti.
Dawk li ġew irrifjutati kien minħabba li l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati u kienu dwar aspetti varji tal-operat tal-Ministeru, l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej – talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16434 u jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill Onor. Interpellant b’żieda mal-informazzjoni li diġà ngħatat fil-PQ 16434 li kopriet il-perjodu sa Settembru 2019, nixtieq inżid li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lil dan il-Ministeru, bl-entitajiet u l-awtoritajiet taħtu inklużi, hu kif ġej:
Ottubru – Dicembru 2019 - 1
Jannar – Settembru 2020 - 9
Minn dawn it-talbiet, 2 ġew milqugħa u 7 gew rrifjutati. 1 għadha pendenti.
It-talbiet li ġew irifjutati kien minnħabba li l- informazzjoni mitluba ma kinitx taqa fil-parametri tal-Att dwar il- Liberta tal-Informazzjoni.
Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji – talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16435 u jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li b’żieda mal-informazzjoni li diġà ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari 11386, li kopriet il-perjodu sa Settembru 2019, nixtieq inżid li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lil dan il-Ministeru, bl-entitajiet u l-awtoritajiet taħtu inklużi, hu kif ġej:
Ottubru-Diċembru 2019: talba waħda
Jannar-Settembru 2020: 22 talba
It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati u kienu dwar aspetti varji tal-operat tal-Ministeru, l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu.
Minn dawn kien hemm 3 talbiet milqugħa, 13 irrifjutati u 7 għadhom pendenti.
Dawk li ġew irrifjutati kien minħabba li l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni.
Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma – talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16436 u jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’żieda mal-informazzjoni li diġà ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 16436, li kopriet il-perjodu sa Settembru li għadda, nixtieq inżid li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lil dan il-Ministeru, bl-entitajiet u l-awtoritajiet taħtu inklużi, hu kif ġej:
Ottubru-Diċembru 2019: kien hemm talba waħda biss
Jannar-Settembru 2020: 11-il talba
Minn dawn kien hemm 3 talbiet li ġew milqugħa, 9 ġew rifjutati u m’hemm l-ebda talba pendenti.
Dawk li ġew irrifjutati kien minħabba li l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati u kienu dwar aspetti varji tal-operat tal-Ministeru, l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16437 u jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (BONNICI, OWEN)
B’żieda mal-informazzjoni li diġà ngħatat fil-PQ 11383, li kopriet il-perjodu sa Settembru 2019, nixtieq inżid li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lil dan il-Ministeru, bl-entitajiet u l-awtoritajiet taħtu inklużi, hu kif ġej:
Ottubru-Diċembru 2019: 2 talbiet
Jannar-Settembru 2020: 11-il talba
Minn dawn kien hemm 5 talbiet milqugħa, 7 rifjutati u 1 għadha pendenti.
Dawk li ġew irrifjutati kien minħabba li l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati u kienu dwar aspetti varji tal-operat tal-Ministeru, l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu.
Palazz tal-Girgenti – Xogħlijiet ta’ tisbiħ, rinnovament jew manutenzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16477 u jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol ta' tisbiħ, rinnovament jew manutenzjoni li sar fil-Palazz tal-Girgenti fl-2013, 2014 u 2015? Minn min kien twettaq u kemm kienet in-neqfa?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li n-nefqa bejn Jannar 2013 u Dicembru 2015 kienet ta’€17,818.18 (VAT ekluza)
Annessa hawn taħt tinsab il-lista ta’dawk l-kumpaniji li wettqu x-xogħol ta' tisbiħ, rinnovament jew manutenzjoni kif ġejt nfurmat:
Alberta
Bitmac Works
Calleja Ltd
Caprice Glass Works ltd
Carmelo Mamo Ltd
Carmelo Pace
Construct Furniture
Defranco Enterprises
Electrical Supplies & Services
Electro Store
G & E Electronics
Go plc
Lexcorp International
Mark Schembri & Sons
Midwoods
Ozone Ltd
Pincott Ltd
Strand Electronics Ltd
Top Choice
V. Petroni Ltd
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16488 u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 13480, jista’ l-Ministru jgħid kemm u fuqiex kienu l-ilmenti u s-suġġerimenti tar-residenti ta’ dawk il-Kunsilli Lokali li jżommu records ta’ dawn l-ilmenti/suġġerimenti?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi din l-Informazzjoni għadha qed tinġabar, u tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16487 u jindika liema huma dawk il-kunsilli lokali li qed jagħmlu użu mill-iskejjel tal-Istat wara il-ħin tal-iskola u jekk dan is-servizz huwiex jingħata lilhom bla ħlas?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi din l-Informazzjoni għadha qed tinġabar, u tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — promotions
Question
Jista’ l-Ministru jelenka l-promotions kollha li saru fil-Ministeru tiegħu din is-sena, inkluż ta’ Diretturi u Diretturi Ġenerali? Jistax jagħti għal kull waħda d-data rispettiva u jekk f’kull każ kienx hemm sejħa interna jew le?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ħa jkun lest il-proġett fix-Xatt tas-Sliema li ilu għaddej iktar minn sentejn għal bini ta’ moll quddiem il-Knisja tan-Nazzarenu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li dan huwa parti minn proġett estensiv biex intejbu l-faċilitajiet tal-ivvjaġġar bil-laneċ ħalli aktar persuni jitħajru jużaw dan il-mezz ta’ vjaġġar alternattiv. Infrastructure Malta qed tibni faċilitajiet ġodda fix-xatt ta’ Tas-Sliema u x-xatt ta’ Bormla għall-passiġġieri li jużaw is-servizz tat-trasport bil-baħar biex jaqsmu lejn il-Belt Valletta permezz tal-laneċ. B’hekk, tkompli titjieb l-aċċessibilità u l-effiċjenza ta’ dan is-servizz ta’ trasport importanti mill-inħawi ta’ Tas-Sliema u l-Kottonera lejn Marsamxett u l-Port il-Kbir.
L-investimenti biex isiru dawn il-faċiliatjiet, li se jagħmlu s-servizz aċċessibbli għal kulħadd u iżjed komdu, hu stmat li flimkien se jammontaw għal madwar €5 miljun. Faċilitajiet simili huma ppjanati wkoll għall-Marsamxett. Is-sena l-oħra kien diġà sar proġett pilota f’Marsamxett fejn Infrastructure Malta mmodernizzat il-faċilitajiet tal-irmiġġ, bniet strutturi u rampi aktar siguri u aċċessibbli biex il-passiġġieri jirkbu u jinżlu mil-laneċ b’aktar kumdità. Ix-xogħlijiet li saru kienu jinkludu tiswijiet fuq il-moll, l-introduzzjoni ta’ rampi u passarelli mekkanizzati u l-installazzjoni ta’ strutturi oħrajn relatati mal-irmiġġ. Saru wkoll poġġamani għal aktar sigurtà waqt li ż-żona fuq l-art fejn il-passiġġieri jistennew biex jirkbu l-laneċ ġiet ukoll organizzata aħjar biex tkun aktar aċċessibbli. Wara s-suċċess ta’ dan il-proġett pilota, l-aġenzija bħalissa qed tippjana t-tieni fażi tal-proġett f’Marsamxett li tinkludi breakwater, faċilità ta’ iktar minn irmiġġ wieħed u struttura ta’ kenn għall-passiġġieri f’din iż-żona.
Ix-xogħlijiet f’Bormla u Tas-Sliema li qegħdin isiru bħalissa jikkonsistu f’tiswijiet fuq il-mollijiet eżistenti, invellar f’qiegħ il-baħar, bini ta’ pedamenti u t-tqegħid ta’ blokki tal-konkos kif ukoll l-mili tagħhom bil-konkos, kostruzzjoni ta’ piles u l-wiċċ tal-moll biex jinbnew mollijiet ġodda. Il-moll il-ġdid f’Tas-Sliema se jkun kbir 1,326 metru kwadru u biex jiġi ffurmat se jkun hemm bżonn jitpoġġew 182 blokka tal-konkos. Waqt li d-daqs tal-moll ta’ Bormla se jkun madwar 560 metru kwadru magħmul minn 150 blokka tal-konkos.
Meta jitlestew il-mollijiet, imbagħad se jiġu mtejbin il-faċilitajiet għall-irmiġġ billi f’kull każ se jsiru żewġ passarelli mekkanizzati, kif ukoll jinbnew strutturi u rampi aktar siguri u aċċessibbli biex il-passiġġieri jirkbu u jinżlu mil-laneċ b’aktar kumdità. F’Tas-Sliema u Bormla wkoll se jinbnew faċilitajiet li se jipprovdu kenn aħjar għal dawk li jkunu qed jistennew ħalli jirkbu l-laneċ biex jaqsmu minn Tas-Sliema lejn Marsamxett jew mill-Kottonera għall-Port il-Kbir.
Permezz ta’ dawn il-faċilitajiet ġodda, il-laneċ se jkunu jistgħu jittrakkaw min-naħa tal-poppa u b’hekk ikun possibbli li jsir użu miż-żewġ passarelli f’daqqa, biex l-inżul u t-tlugħ tal-passiġġieri jsir b’aktar effiċjenza. Fl-istess waqt, ma jkunx hemm aktar għalfejn li l-laneċ jintrabtu mal-moll qabel jibdew itellgħu jew iniżżlu l-passiġġieri. B’hekk, jonqos ukoll ir-riskju ta’ dewmien fil-ħinijiet tas-servizz.
L-istruttura tal-passarelli mekkanizzati tipprovdi possibbiltà biex il-passiġġieri kollha, anke dawk b’diffikultajiet ta’ mobilità, jkollhom aċċess aktar komdu għal-laneċ ta’ dan is-servizz. Il-passarelli mekkanizzati jkollhom ukoll mekkaniżmu li jikkompensa għat-tibdil ta’ frugħ il-baħar, biex jibqgħu dejjem aċċessibli għal kulħadd.
Ix-xogħol fuq l-infrastruttura tal-moll f’Tas-Sliema, li beda f’April 2019 u għaldaqstant m’ilux għaddej aktar minn sentejn, huwa mmirat li jitlesta fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla, jhekk it-temp jippermetti. Minbarra li diġà kien hemm dewmien relatat mal-maltemp li jaħkem iż-żona u li minħabba fih kellu jitwaqqaf ix-xogħol temporanjament, kien hemm ukoll ċirkostanzi mhux mistennija li affettwaw il-landament tax-xogħol u kellhom isiru aktar studji ġeotekniċi f’postijiet speċifiċi. Wara dawn l-istudji kien hemm il-bżonn li partijiet fl-istruttura jiġu modifikati u anke kellu jsir tibdil fil-metodoloġija u fis-sekwenza ta’ kif jitpoġġew elementi strutturali. Dan ġie identifikat waqt l-evalwazzjoni tax-xogħlijiet relatati mal-ippjnar u r-riskji marbutin ma’ din il-fażi tax-xogħlijiet.
Tista’ l-Ministru tgħid meta ha jkun lest il-proġett fix-Xatt tas-Sliema li ilu għaddej iktar minn sentejn għal bini ta’ moll quddiem il-Knisja tan-Nazzarenu?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
San Ġiljan — Triq Sant'Andrija - xogħlijiet fuq triq
Question
B'referenza għax-xogħlijiet li saru fi Triq Sant'Andrija f'San Ġiljan, jista' l-Ministru jispjega għaliex parti minn din it-triq qed terġa' tinqala' propju ftit xhur wara li ngħatat it-tarmak biex irranġaw xi livelli?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Enemalta intervjeniet fit-triq imsemmija minħabba ħsarat fis-sistema ta’ vultaġġ baxx li kien hemm fl-inħawi.
San Ġiljan — Triq Sant'Andrija - xogħlijiet fuq triq
Question
B'referenza għax-xogħlijiet li saru fi Triq Sant'Andrija f'San Ġiljan, jista' l-Ministru jispjega għaliex parti minn din it-triq qed terġa' tinqala' propju ftit xhur wara li ngħatat it-tarmak biex irranġaw xi livelli?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab informat li dawn ix-xogħolijiet qed isiru minn Infrastructure Malta. Għaldaqstant nitolbu jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ghat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda ta’ numru ta’ imwiet b’suwiċidju u attentat ta’ suwiċidju xahar b’xahar minn 2018 sa Awwissu 2020?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2018 kien hemm 215 attentati ta’ suwiċidju, fl-2019 199 filwaqt li minn Jannar sa Awissu ta’ din is-sena kien hemm 151. In-numru ta’ imwiet kawża ta’ suwiċidju fl-2018 u fl-2019 kien 23 rispettivament filwaqt li minn Jannar sa Awissu ta’ din is-sena kien hemm 2 imwiet.
Il-Miżieb – kundizzjonijiet dwar l-għoti ta’ art lill-FKNK
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16551 jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim inkluż il-pjanti, li kien sar fl-1986 mill-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici dwar l-amministrazzjoni tal-Miżieb u l-Aħrax?
Response (BORG, IAN)
Filwaqt li nirreferu lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba diġa’ mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16551 tas-Seduta 371, qed inpoġġu wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-PR 618 li ħarget fit-11 ta’ April 1986, meta sar il-ftehim originali mill-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici u Delegazzjoni ta’ l-Għaqda Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16493 fejn qed jingħad li l-informazzjoni diġà tinħareġ skont il-liġi, ma jaħsibx il-Ministru li din il-klawsola fil-liġi ma tħarisx it-trasparenza soċjali meta min rebaħ l-offerta u min tefa’ l-offerta huma notifikati fuq notice board biss li hi mdendla wara receptionist u la tidher fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tal-Artijiet u lanqas fil-Gazzetta tal-Gvern?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet li l-iskeda ta’ tenders ma tmurx fuq notice boards fiżiċi imma fuq screens li jinsabu fir-reception area tal-Awtorità. L-iskeda tinsab ukoll online fuq is-sit tal-Awtorità tal-Artijiet, bil-possibiltà li wieħed jara dawk li għalqu sa ammont ta’ ġimgħat b’lura, billi wieħed imur fuq ‘view bids’. Barra minn hekk, wieħed jista’dejjem jitlob scan tal-bids mingħand l-Awtorità.
Nżied ukoll li kemm min ikun rebaħ it-tender kif ukoll min ma jkunx rebaħha jiġi informat u jingħata r-raġuni għalfejn ikun rebaħ jew ma jkunx rebaħ, permezz ta’ ittra mibgħuta lilu jew lilha.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16493 fejn qed jingħad li l-informazzjoni diġà tinħareġ skont il-liġi, ma jaħsibx il-Ministru li din il-klawsola fil-liġi ma tħarisx is-Saħħa Pubblika meta hawn il-Pandemija tal-COVID-19, meta min jirbaħ l-offerta u min tefa’ l-offerta, huma notifikati fuq notice board biss, li hi mdendla wara receptionist?