Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tħawwil ta’ siġar ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm tħawlu siġar ġodda fil-perjodu mill-2017 s'issa? Fejn tħawlu? Kemm minn dawn is-siġar kienu sponsored mill-privat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Użu ta’ Enerġija Solari

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' fejn il-Gvern qiegħed jagħmel użu mill-enerġija solari biex bħala role model jagħti eżempju lill-kumplament tal-pajjiż?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill Ministru kkonċernat.

WasteServ – tbattil ta’ skips

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba fil-ġimgħa jsir it-tbattil tal-iskips li tipprovdi l-WasteServ f'diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk jitteħdux passi partikolari biex tiżdied il-frekwenza tat-tindif, jekk jirriżulta li f'xi sit partikolari qed ikun hemm ammont sostanzjali ta' żibel żejjed kull darba li jsir it-tindif?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-WasteServ għandna kuntratt wieħed biss li biħ jinġabru bejn 3 u 4 skips kuljum ta’ hmieġ ta’ ¿wiemel minn ġewwa l-Marsa minghajr hlas, bħala ġest ta’ corporate social responsibility. Dawn l-skips jitnaddfu u jitbattlu fil-magħtab kuljum.

Construction Waste – dumping f’barrieri privati u f’public landfills

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi statistika dwar construction waste li ġie dumped f’barrieri privati, b’lista sħiħa tagħhom mis-sena 2017 sal-lum? Kemm ġie dumped construction waste f’public landfills bħal Magħtab fl-istess medda ta’ żmien? Liema tenders jeżistu għad-dumping ta’ construction waste fil-Magħtab u kemm minnu qed jiġi riċiklat? Kemm qed jitħallas il-kuntrattur involut u min huwa? Kemm ġie dumped construction waste fil-baħar fl-istess perjodu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm distinzjoni bejn skart iġġenerat mit-twaqqigħ u l-kostruzzjoni, u dak li jirriżulta mill-iskavar. Fir-rigward tal-Magħtab, l-iskart li jidħol ikun iġġenerat mit-twaqqigħ u l- kostruzzjoni, u jkun imħallat. Għal dan ma jeżisti l-ebda tender u ma jsir ħlas lill-ebda kuntrattur. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bl-informazzjoni mitluba.

Stat ta’ Emerġija tal-Klima

Question

Billi s-sena l-oħra ġiet iddikjarata Stat ta’ Emerġenza tal-Klima, jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar dan li ġej: a) il-pjanijiet għall- awareness campaign ; ċ) it-twaqqif tal-climate change division fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi; d) it-twaqqif tal-climate change consultative council; e) l-inter ministerial committee on climate change and energy taħt ic-chairmanship tal-Prim Ministru; f) il-ħatriet ta’ climate change policy analysts fid-diversi korporazzjonijiet tal-Gvern; u j) il-carbon footprint reduction plans fl-entitajiet governattivi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fir-rigward tal-mozzjoni dwar Stat ta’ Emerġenza tal-Klima, hemm numru ta’ miżuri li diġà twettqu kif ukoll oħrajn li qed jiġu implimentati. Fost dawn wieħed jista’ jsemmi l-emendi li saru fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap. 549) sabiex, f’din il-Kamra, l-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp ikun jipprovdi wkoll għat-Tibdil fil-Klima. Barra minn hekk, kif diġà ġie spjegat f’tweġibiet li tajt jien stess, u anke bosta mill-kollegi tiegħi, għal Mistoqsijiet Parlamentari dwar afforestazzjoni, l-Gvern huwa kommess li jkompli jaħdem bla heda sabiex f’pajjiżna jkompli jħawwel aktar siġar; fil-fatt, permezz ta’ Ambjent Malta biss, l-għadd ta’ siġar u arbuxelli indiġeni li ħawwel il-Ministeru tiegħi matul din is-sena diġà qabeż id-disat elef u mija. Sadanittant, sal-aħħar ta’ din is-sena, se tiġi ffinalizzata l-istrateġija Nazzjonali li twassal għal żero karbonju (Low Carbon Development Strategy) u se titħabbar ukoll id-data meta f’pajjiżna se titwaqqaf l-importazzjoni ta’ vetturi li jaħdmu bi fuel li jniġġes. Il-mira tagħna hija li pajjiżna jkun newtrali mill-karbonju sal-2050 u triqitna f’din id-direzzjoni diġà bdiet. Tant hu hekk li fil-baġit li ħabbar il-gvern għall-2021 ġew inklużi bosta miżuri dwar enerġija rinovabbli, skrappjar ta’ vetturi li jħammġu, investimenti f’mezzi ta’ trasport alternattiv u skemi oħrajn li lkoll flimkien se jikkontribwixxu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet. Dan minbarra ħidma parallela fuq spazji miftuħa u żoni semi-pedonali. Fir-rigward tal-miżuri speċifiċi li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu, ngħarrfu li dawn ma joħorġux mill-mozzjoni tal-2019 iżda mill-istrateġija ta’ mitigazzjoni li kienet ġiet ippublikata fl-2009 u li issa qed tiġi mġedda. Madankollu, tajjeb wieħed jispjega li: • Il-kampanja edukattiva dwar it-Tibdil fil-Klima hija waħda mill-miżuri li tħabbru fid-diskors tal-baġit għall-2021. Din se tibda fil-bidu tas-sena d-dieħla u se timxi mal-linji tal-Mozzjoni dwar l-Emerġenza tal-Klima; • It-taqsima għat-tibdil fil-klima ilha mwaqqfa l-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi sa mill-2010; • Il-kunsill konsultattiv dwar it-tibdil fil-klima huwa mwaqqaf bħala “Il-Bord tal-Azzjoni dwar il-Klima” taħt l-Att XVII (sbatax ruman) tal-2015; • Il-Kumitat Inter-Ministerjali dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija twaqqaf b’rappreżentanti mill-Ministeri u matul l-aħħar sentejn iltaqa’ b’mod regolari sabiex tfassal il-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima li ntbagħat lill-Kummissjoni Ewropea aktar kmieni din is-sena; • Il-ħatra ta’ Uffiċjali Pubbliċi li janalizzaw il-politika mill-perspettiva tat-tibdil fil-klima saret fid-Direttorat għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima li ilu jopera fil-Ministeru responsabbli mill-ambjent sa mill-2013; • Il-ħidma biex l-entitajiet governattivi jnaqqsu l-impronta tal-karbonju hija waħda kontinwa; tant hu hekk li, fost l-oħrajn, kif anke tħabbar fid-diskors tal-baġit, il-Gvern se jwettaq studju biex il-vetturi fis-Servizz Pubbliku jinbidlu għal dawk li jaħdmu bl-elettriku.

Solar Roof Rights — Leġiżlazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi konsiderazzjoni għal leġiżlazzjoni dwar solar roof rights?

Response (FARRUGIA, AARON)

Kif jaf l-Onor. Interpellant it-tema tal-mistoqsija hija qasam pjuttost ġdid li numru ta’ pajjiżi bdew jesploraw u jiddiskutu. Qed insegwu dawn id-diskussjonijiet ma’ ministeri oħra koncernati sabiex eventwalment tittieħed deċiżjoni fir-rigward.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali – parkeġġi riżervati fil-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazji riżervati għall-parkeġġ għall-Ministeru tiegħu li għandhom l-uffiċċju tagħhom fil-Belt Valletta u jaqsam l-informazzjoni skont id-dipartiment rispettiv?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi dan il-Ministeru għandu ħames parkeġġi riservati li jinkludu ukoll il-parkeġġ tal-Ministru.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali – parkeġġi riżervati fil-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazji riżervati għall-parkeġġ għall-Ministeru tiegħu li għandhom l-uffiċċju tagħhom fil-Belt Valletta u jaqsam l-informazzjoni skont id-dipartiment rispettiv?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi hemm tlett spazji riservati għall-parkeġġ għall-Ministeru tiegħi fil-Belt Valletta, filwaqt li hemm żewġ spazji oħra riżervati għall-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti.

Il-Birgu — Pjazza tal-Vittorja - pavimentar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu sabiex il-pjazza ċentrali magħrufa bħala tal-Vittorja fil-Birgu hiex se tiġi rranġata u pavimentata?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Birgu li x-xogħol tat-tiswija u pavimentar tal-Pjazza tal-Birgu se jkun jista’ jinbeda ladarba jitlestew numru ta’ toroq residenzjali. Intant il-Kunsill Lokali diġa ltaqa’ mal-Awtoritá Maltija għat-Turiżmu li offriet li tkopri l-ispejje¿ tal-pavimentar fil-waqt li Infrastructure Malta tgħaddi s-servizzi kollha meħtieġa. Aktar informazzjoni tingħata ġaladarba jitlestew id-diskussjonijiet neċessarji.

Ċentri miftuħa – persuni reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni reġistrati fiċ-Ċentri miftuħa sal-aħħar ta’ Awwissu 2020?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ persuni reġistrati fiċ-ċentri miftuħa sal-aħħar ta’ Awwissu 2020 huwa kif jidher hawn taħt: Dar il-Liedna – 44 Ħal Far Family Open Centre – 130 Ħal Far Hangar Open Centre – 372 Ħal Far Tent Village – 1,141 Initial Reception Centre Marsa – 115

Ix-Xgħajra – Batterija della Grazia — żvilupp

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15112, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx żviluppi rigward il-Batterija della Grazia fix-Xgħajra?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra

Il-Birgu – Triq il-Mandraġġ — tiswijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba Triq il-Mandraġġ fil-Birgu, hiex se tiġi msewwija u magħmula mill-ġdid?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajji¿na jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-lokalità tal-Birgu, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, Triq iċ-Ċentinarju tal-Parroċċa u Triq San Dwardu. Bħalissa qed taħdem biex daqt tibda twettaq proġett ta’ titjib u tisbieħ fil-parti tax-xatt taħt is-swar magħrufa bħala t-Toqba tal-Birgu (Sally Port) li se jinkludi prominad ġdid, u bħalma qed tagħmel f’mijiet ta’ toroq residenzjali oħrajn, it-triq imsemmija wkoll eventwalment ser tkun qed tinbena mill-ġdid. Sakemm isir dan, l-aġenzija se tigbed l-attenzjoni tal-Kunsill Lokali biex jekk jinħtieġu xi tiswijiet temporanji, jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati.

St James Ditch – parking spaces

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm parking spaces fiż-żona magħrufa bħala St James Ditch u jgħid kemm minn dawn huma riservati għall-Ministeri, dipartimenti jew entitajiet tal-Gvern?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-parkeġġ fiż-żona magħrufa bħala St. James Ditch ma jaqax taħt ir-responsabilita’ tal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali. Għaldaqstant nitlob lill Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill Ministeru kkonċernat.

Ħal Għaxaq – proġett ta’ Housing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-housing ta’ kwalità f’Ħal Għaxaq fejn jikkonċerna l-binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li l-proġett ra l-bidu tiegħu sentejn ilu u sal-lum ir-residenti jixtiequ jkunu jafu meta se titlesta l-imsemmija blokka, inkluż l-istallazzjoni tal-lift?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi x-xogħol ta’ kostruzzjoni li kellu jsir fix-xaft b’rabta mal-installazjoni ta’ dan il-lift, liema xogħol beda ħdax-il xahar ilu, tlesta fil-ħin stipulat. Il-parti ta’ kostruzzjoni ġiet segregata u magħluqa b’mod sigur sakemm issir il-konsenja tal-lift u dan biex l-installazzjoni tkun tista’ tipproċedi. Ġejt infurmat ukoll illi t-tender li jirrigwarda l-installazjoni tal-lift qiegħed fil-proċess li jiġi aġġudikat.

Kumpanija – ħaddiema impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati full-time mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u x’inhi l-kariga u l-grad ta’ kull persuna? Jista’ jgħid kemm minnhom huma professjonisti u x’inhi l-professjoni ta’ kull persuna?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm tmien (8) impjegati mal-kumpanija msemmija. Dawn l-impjegati jokkupaw il-karigi ta’ CEO, Senior Managers u Co-ordinators. Dawn l-impjegati għandhom kollha degree universitarja, fosthom tnejn (2) minnhom li għandhom kwalifika ta’ Masters.

MFSA – multi amministrattivi, penali jew sanzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) imponietx xi forma ta’ multa amministrattiva, penali jew xi forma oħra ta’ sanzjoni, mill-2017 s’issa? Jekk iva, jista’, f’kull każ, isemmi kemm kienet il-penali jew multa amministrattiva jew inkella fiex kienet tikkonsisti s-sanzjoni, u jekk kienx hemm kontestazzjoni? Fejn kien hemm kontestazzjoni, jista’ jgħid quddiem liema forum aġġudikattiva saret il-kontestazzjoni u f’kull każ x’kien l-eżitu tal-proċeduri ta’ kontestazzjoni, jew jekk għadhom pendenti, f’liema stadju waslu?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

NGO – spazju fl-uffiċċju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Kunsill Lokali jistax jagħti spazju fl-uffiċċji tiegħu jew fi proprjetà tiegħu jew amministrata minnu lil xi NGO biex din tintuża għal żmien temporanju mill-istess NGO? Jista' jikkonferma jekk biex isir dan, għandux bżonn ikun hemm bye-law jew tista' ssir b'deċiżjoni tal-Kunsill Lokali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra

Kunsill Lokali tax-Xewkija – servizz mill-uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jerġa’ jibda jingħata s-servizz mill-uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali tax-Xewkija bħala servizz għar-residenti tax-Xewkija, liema servizz kien jingħata sa ftit tax-xhur ilu u twaqqaf u meta dan twaqqaf ħoloq inkonvenjent lil ħafna residenti tax-Xewkija speċjalment anzjani? Jista' jgħid meta se terġa’ tibda l-faċilità fl-istess Kunsill Lokali li jkunu jistgħu jitħallsu l-kontijiet tad-dawl u ilma liema faċilità kienet tingħata sa ftit tax-xhur ilu u twaqqfet għad-detriment ta' diversi residenti tax-Xewkija li kienu jagħmlu użu minnha?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija li s-servizz mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma twaqqafx imma qed jitħaddem by appointment. Huwa l-Kunsill Lokali stess li jikkomunika mad-Dipartiment għall-appuntamenti,u dawn jiġu mgħoddijja lill-klijenti tas-servizz, li mbagħad ikunu jistgħu jinqdew mill-binja tal-Kunsill. Ninsab infurmat ukoll li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ma kienux jiġu mħallsa fil-Kunsill Lokali, imma fiċ-Ċentru LEAP fix-Xewkija stess. Bħalissa hemm ħaddiema tal-ARMS li qed jaqdu lir-residenti għall-ħlas tal-kontijiet, li qed jaħdmu skont l-iskeda taċ-Ċentru.
Leg 13 PQ #16688 Sitting 378 2020-10-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

In-Nadur – Triq l-Imġarr – konferenza tal-aħbarijiet

Question

B'referenza għall-konferenza li ngħatat live fuq il-MaltaGov fis-17 ta' April 2019 u ngħatat importanza wkoll fuq il-mezzi tax-Xandir, rigward il-bini mill-ġdid ta' Triq Imġarr fin-Nadur Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid x'irwol għad għandom il-persuni li indirizzaw din il-konferenza fosthom Perit - Geotechnical Engineer u persuni oħra li kienu preżenti għal din il-Press Conference u li fosthom kien hemm nies tekniċi bħal Perit min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex kif ukoll Assistent Direttur?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol tal-Ministeru, inkluz ix-xogħol fuq proġetti, jitqassam bejn l-ufficjali skont l-esiġenzi.