Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — Ħaddiema infettati bil-Covid-19

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-1 ta’ Marzu 2020, b’kollox kien hemm 38 ħaddiem li kienu nfettat bil-COVID-19.
Leg 13 PQ #16883 Sitting 384 2020-10-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Sports Complex – xogħol fuq is-saqaf

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijet għaliex is-saqaf tal-Gozo Sports Complex li sar kollu kemm hu mill-ġdid madwar 7 snin ilu b'nefqa ta’ ‘l fuq minn €420,000, f'dawn l-aħħar ġranet qed jerġa jinqala’ kollu kemm hu? Jista’ jgħid jekk ix-xogħol li jinqala’ s-saqaf kollu kemm hu tal-Gozo Sports Complex kienx inkluż fit-tender 'CT2141/2019 Tender for the civil and finishes works to construct New Gozo Aquatic Center Adjacent and Integrated to the Existing Sports Complex in Gozo' u kemm hi ppjanata li ser tkun l-ispiża biex is-saqaf jinqala’ kollu kemm hu u jerġa’ jsir mill-ġdid?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Frar tal-2018 kienet saret ħsara konsiderevoli lis-saqaf meta l-pannelli fotovoltajiċi ġibdu l-istess saqaf, kawża tal-grigalata kbira li kienet ħakmet lill-gżejjer Maltin. B’hekk fit-tender li nħarġet, kien hemm maħsub li s-saqaf jiġi maqlugħ u jiġi aġġustat biex jiġi integrat mal-binja tal-pixxina.
Leg 13 PQ #16884 Sitting 384 2020-10-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn Għawdex — Breakwater

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-vot fil-Budget għas-sena 2021 għall-Breakwater f’Marsalforn u dan peress li din hija waħda mill-wegħdi prinċipali tal-Gvern għal Għawdex? Jista’ jgħid meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq dan il-breakwater u meta hu mistenni li jkun lest? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-disinn u pjanti għal dan il-breakwater? Jista’ jgħid jekk ġietx sottomessa applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar u l- Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għall-bini ta' dan il-breakwater u jekk iva meta ġew sottomessi u x’inhu n-numru ta' referenza ta' dawn l-applikazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispejjeż marbuta ma dan il-proġett kapitali, jaqgħu taħt il-vot kapitali ta’ EkoGħawdex. Ix-xogħol fuq dan il-breakwater għaddej mill-aspett ta’ studji u ta’ tħejjija ta’ sejħiet għall-offerti. Id-disinni ta’ dan il-breakwater għalissa huma soġġetti għal iktar studji ta’ immudellar matematiku tal-impatt tal-mewġ. Saru konsultazzjonijiet mal-ERA u bħalissa għaddejjin il-preparamenti fuq l-EIA u l-PDS li huma meħtieġa bħala parti mill-applikazzjoni mal-Awtorita’ tal-Ippjanar u l-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Outpatients – WI-FI

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex fil-parti tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex li qed tintuża bħala Outpatients (Skola ta' Barts) ma hemmx sistema ta' wi-fi li tista' tintuża mill-pazjenti li jkunu qed jistennew għall-appuntamenti tagħhom liema pazjenti ġieli jdumu anke sigħat jistennew? Jista' jara li jsir wi-fi aċċessibbli f'din il-parti għall-użu ta' dawk li jkunu qed jistennew?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sistema ta’ wi-fi mingħajr ħlas hija diġa aċċessibli għal pubbliku fil-parti msemmija minnu fl-isptar Ġenerali t’Għawdex,
Leg 13 PQ #16886 Sitting 384 2020-10-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Anzjani jew persuni b’diżabilità li qegħdin f’homes pożittivi għal COVID-19 – trasferiment għal post ieħor adattat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'Għawdex sarux arranġamenti biex jekk anzjani jew persuni b' diżabilità li jirrisjedu f'homes jinstabu pożittivi għal COVID-19 u ma jkollhomx bżonn jiġu rikoverati fl-Isptar, ikunu jistgħu jiġu trasferiti għal post ieħor f'Għawdex stess li jkun mgħammar għal dan il-għan u jkollu l-ħaddiema kollha addattati? Jekk ma sarux dawn l-arranġamenti jista' jgħid għaliex ma sarux u x’inhu maħsub li jiġri f'każ li persuni li tirrisjedi f'home tal-anzjani jew ta' persuni b'diżabilità jkollha bżonn tiġi rilokata kif qed jiġri f'Malta?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm il-darba anzjan jew anzjana f’home tirriżulta pożittiv/a, tittieħed l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Leg 13 PQ #16887 Sitting 384 2020-10-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Pixxina

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qisien mistennija jkollha l-Pixxina f'Għawdex meta din tkun lesta (tul, wisa' u fond)? Jista' jgħid jekk dawn humiex qisien Olimpliċi? Jista' jgħid meta hu mistenni li tibda tintuża din il-pixxina?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Pixxina se tkun ta’ daqs olimpiku. Dan ifisser li l-pixxina se jkollha tul ta’ 50 metru u wiesa 25 metru. Dan il-proġett huwa mistenni li jkun lest lejn l-aħħar tas-sena 2021.
Leg 13 PQ #16888 Sitting 384 2020-10-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Toroq li saru mill-Ministeru għal Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema toroq f'Għawdex saru matul is-sena 2020 mill-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid f'kull każ it-tul tat-triq li saret bit-tarmak u f'kull każ jekk inbidlux is-servizzi kollha qabel saret it-triq bit-tarmak u jekk sarux culverts għall-ilma tax-xita kif ukoll culverts minn fejn jgħaddu s-servizzi kollha fl-istess toroq? Jista' jgħid f'kull każ kemm kienet l-ispiża fuq kull triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Qorti Ewropea tal-Ġustizzja – kawża Repubblika vs Malta – ħlas lill-avukati Spanjoli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-ħlas li sar s’issa u/jew li ser isir b’kollox lill-avukati Spanjoli li huwa qabbad biex jiddefendi lill-Gvern Malti quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża ta’ Repubblika vs Malta?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant għall-konflitt ta’ interess multiplu li għandu kemm bħala r-rappreżentant legali tal-għaqda Repubblika kontra r-Repubblika Maltija fil-kawża li nfetħet fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, ir-rwol tiegħu bħala membru f’din l-ogħla istituzzjoni tal-Istat Malti, li kontrih qed imexxi l-kaw¿a, u saħansitra l-po¿izzjoni li ġie fdat fiha bħala Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, li taħtu taqa’ l-kwistjoni tal-kawża odjerna. Infakkar li dan diġà kien rifless f’inkjesta maġisterjali li ntalbet mir-Repubblika, assistita legalment mill-Onorevoli interpellant, fejn akkuzat lill-Forzi Armati ta’ Malta u lill-Prim Ministru bi qtil volontarju. Irrid infakkar lill-Onorevoli interpellant li sa qabel ir-riforma storika fil-ħatra tal-ġudikatura, li issa qed tiġi kkontestata fil-Qorti Ewropea, kien fid-diskrezzjoni assoluta ta’ Prim Ministru li jagħzel min għandu jinħatar imħallef jew maġistrat. Ir-riforma, li twettqet din is-sena, ġiet imfaħħra wkoll mill-Kummissjoni Venezja wara riservi inizjali kontra prattika li tħaddmet għal għexieren ta’ snin, inkluż meta l-istess Onorevoli interpellant kien parti minn amministrazzjoni li m’għamlet xejn biex terħi dan il-poter minn idejha. Dan il-Gvern għadu determinat li jkompli jieħu deċiżjonijiet oħrajn li jsaħħu s-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba. Min-naħa l-oħra, l-uniku skop tal-Onorevoli interpellant u l-Oppożizzjoni hu li jwaqqfu l-progress nazzjonali. L-Onorevoli interpellant imissu mgħarraf ukoll kif l-użu ta’ avukati minn stat ieħor Ewropew f’rappreżentanza ta’ kawżi internazzjonali hi prassi mifruxa fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea, kif kien jiġri wkoll fi żmien amministrazzjonijiet preċedenti. Tali prassi hi wkoll skont ir-regoli fundamentali tal-istess Unjoni Ewropea. Għaldaqstant irrid ngħid li l-azzjoni kapriċċjuża fil-kawża msemmija mill-istess Onorevoli interpellant se tkun qed tiswa lil pajjiżna madwar €80,000 fi spejjeż legali.

Ċimiterju tal-Addolorata — oqbra

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm oqbra fiċ-Ċimiterju Addolorata? Kemm minnhom huma battala u jekk hemmx xi ħsieb li jiġu użati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fiċ-Ċimiterju Santa Marija Addolorata preżentement hemm madwar sittax-il elf (ċirca 16,000) qabar li minnhom elf u mitejn (1,200) qabar huma tal-komun u amministrati mill-Awtorita` tas-Saħħa. Il-kumplament tal-oqbra huma kollha tal-privat u allura huma amministrati mis-sidien tal-oqbra nfushom. Mill-oqbra li huma proprjetà tal-gvern ma hemmx oqbra vojta. Bħalissa qed issir estenzjoni ta’ dan iċ-Ċimiterju li fih qed jinbnew 2880 qabar ġdid. Dawn hemm minnhom li diġa saru konvenji ma’ persuni li kienu applikaw għal sit ta’ qabar, u oħrajn li l-pubbliku għadu jista’ japplika għal sit ta’ qabar u jintbgħat għalihom sabiex ikun jista’ jsir konvenju.

Ċimiterji tal-Mosta, Ħ’Attard u Burmarrad – oqbra

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm oqbra fiċ-Ċimiterji tal-Mosta, Ħ’Attard u Burmarrad u kemm hemm vojta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fiċ-Ċimiterju tal-Mosta hemm 761 qabar privat u 40 qabar li huma tal-komun filwaqt li fiċ-Ċimiterju tal-Ħniena Divina ġewwa Burmarrad, għall-parti taċ-Ċimiterju li tappartjeni l-Gvern hemm 288 qabar privat u 43 qabar tal-komun. L-oqbra tal-komun jintużaw sabiex jindifnu nies li m’għandhomx qabar privat. Mill-oqbra li huma propjeta’ tal-gvern ma hemmx oqbra vojta. Iċ-Ċimiterju ta’ Ħ’Attard huwa ċimiterju tal-Knisja u għaldaqstant hu amministrat mill-Parroċċa tal-lokal għan-nom tal-Kurja.

IVF – waiting list

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm koppji fuq waiting list jistennew li ssirilhom l-IVF mill-2017 sal-lum? Kemm saru interventi fl-istess żmien u kemm kienu ta’ suċċess?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 164 persuna/koppja li qed tistenna biex issirilha/issirilhom l-intervent tal-IVF ġewwa l-IVF Clinic f’ Mater Dei. Skont ir-reġistri tal-Awtorita’ għall-Protezzjoni tal-Embrijun mill-2015 (minn meta bdiet topera l-klinika tal-IVF) sal-24 ta’ Ottubru ta’ din is-sena saru 1053 ċiklu tal-IVF f’Mater Dei. Minn dawn il-1053 ċikli s’issa twieldu 203 tarbija (113 bniet u 90 subien) filwaqt li 9 koppji oħra qed jistennew li jwelldu tarbija.

Sptar Mater Dei – ċittadini ta’ pajjiżi terzi rikoverati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm jew kien hemm ċittadini ta’ pajjiżi terzi rikoverati fl-Isptar Mater Dei u jekk ħallsux għal dan, bejn l-2017-2019?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-2017 kien hemm 7,523 ċittadini ta’ pajjiżi terzi rikoverati fl-Isptar Mater Dei, fl-2018 8,797 filwaqt li fl-2019 kien hemm 12,761. Kull persuna barranija tiġi mitluba tħallas il-kont għat-trattament li ħadet ġewwa l-isptar Mater dei, ġaladarba hija ma tkunx tikkwalifika għat-trattament b’xejn skont l-Avviż Legali 201/2004.

Sptar Mater Dei – ċittadini mill-UE rikoverati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm jew kien hemm ċittadini minn pajjiżi tal-UE rikoverati fl-Isptar Mater Dei bejn is-snin 2017-2019?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-2017 kien hemm 8,853 ċittadini minn pajjiżi tal-UE rikoverati fl-Isptar Mater Dei, fl-2018 10,986 filwaqt li fl-2019 kien hemm 12,861.
Leg 13 PQ #16926 Sitting 384 2020-10-30 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — kuntratti ta' konsulenzi legali lil avukati u ditti legali

Question

Jista' l-Prim Ministru jelenka l-kuntratti kollha ta’ konsulenzi legali lil kull avukat u kull ditta legali minn kull entità li taqa’ taħtu li ngħataw mil-1 ta’ Marzu 2013 sa Jannar 2020? Jistax għal kull każ, jgħid x’kien l-ammont imħallas u l-isem tal-avukat/ditta?

Response (ABELA, ROBERT)

Rigward l-NDSF, nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 11999. Ninsab ukoll nfurmat li fl-2020 din l-entita tat kuntratt ta’ konsulenza legali lill Dalli Advocates għal-ammont ta’ €2,970.0. Ninsab ukoll nfurmat li s-Servizz.gov tat kuntratt ta’konsulenza legali lid-ditta legali SZA fejn fl-2017 l-ammont kien ta’€289.10, fl-2018 l-ammont kien ta’ €1,073.80 u fl-2019 l-ammont kien ta’€3,510.50.

Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – PR u media events organizzati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-2017 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Ministeru tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Miri għar-Riċiklaġġ

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-miri li għandu pajjiżna għar-riċiklaġġ għas-snin, 2020 u 2022?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miri li Malta għandha ta’ riċiklagg huma dawk stipulati fid-Direttivi tal-Unjoni Ewropea u li ġew transposti fil-liġi nazzjonali permezz ta’ legislazzjoni sussidjarja 549.63, L.S. 549.43, L.S. 549.89, L.S. 549.54 u L.S. 549.36.

Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – tħawwil ta’ siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħawlu siġar ġodda mill-Ministeru mmexxi minnu fl-ewwel ħames xhur tal-2020? Jista' l-Ministru jgħid dawn fejn tħawlu u min hu responsabbli għalihom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta mgħotija f'mistoqsija parlamentari 16182.

Il-Magħtab – ħlasijiet għall-iskarti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li telenka l-miżati li wieħed jintalab iħallas għall-iskart li jiddaħħal il-Magħtab preżenzjalment, kif ukoll kif kienu l-miżati? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll x’kienu dawn il-miżati matul l-2017, l-2018, l-2019, u l-2020 separatament?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rati imposti mill-Wasteserv għall-skart li jidħol fil-faċilitajiet tal-Magħtab, kemm fl-impjant kif ukoll fil-miżbla huma dawn:- Skart imħallat u skart fil-borża s-sewda - €20 it-tunnellata (eskluża l-VAT) Skart fil-borża l-bajda - €20 it-tunnellata (eskluża l-VAT) Skart fil-borża l-griża - €0.50 it-tunnellata (eskluża l-VAT) Skart riċikklabbli ieħor - €0.50 it-tunnellata (eskluża l-VAT) Skart goff (bulky) - €20 it-tunnellata (eskluża l-VAT) Demel tal-annimali - €6.03 it-tunnellata (eskluża l-VAT) Dawn ir-rati (ħlief dik applikabbli għall-ġbir tad-demel tal-annimali) ilhom jiġu applikati mill-2009 u fil-fatt joħorġu minn AL 382 ta’ 2009. Mill-2017 sal-lum għadhom jiġu applikati dawn l-istess rati.