Legislature:
Category:
Reset
Active:

Marine Litter Recovery Scheme – ħidma u nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-ħidma li fil-Financial Estimates tal-2021 kienet deskritta bħala Marine Litter Recovery Scheme li skont il-Financial Estimates, fl-2020 swiet €100,000? Jista’ jgħid x’ħidma saret u lil min tħallsu dawn il-€100,000, min ibbenefika min din il-ħidma u min kienu dawk li tħallsu biex iwettqu din il-ħidma?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan tal-Marine Litter Recovery Scheme huwa li tikkumpensa finanzjarjament lil dawk is-sajjieda tat-tkarkir tal-qiegħ li jagħmlu ħilithom biex jirkupraw il-plastik li jiġi rkuprat mill-baħar waqt l-operazzjonijiet ta' tkarkir tal-qiegħ u jwassluhom ukoll fuq l-art għar-riċiklaġġ. Din l-iskema hi mmexxija mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura. Dan il-vot jintuża wkoll mill-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar. L-ammont massimu li jista' jitħallas taħt l-Iskema ta' Rkupru mill-Ministeru tiegħi huwa ta’ 30 elf ewro. Skont l-aħħar rapport ippreżentat mid-Dipartment tas-Sajd u Akkwakultura, s’issa ntuża l-ammont ta’ €5,200 għal din l-iskema. Minn din l-iskema bbenifikaw minnha ħames individwi/kumpaniji li għandhom bastiment tat-tkarkir, hekk kif jidher fit-tabella segwenti. Contractee Description Paid (€) Global Fish Ltd Fishing for litter 400 Bjorn Agius Fishing for litter 600 Darmanin Fisheries Ltd Fishing for litter 2800 Dominic Tanti Fishing for litter 1200 Grech Fisheries Ltd Fishing for litter 200 5200

kunsilli lokail — persuni li qed jaħdmu bit-telework

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u liema huma dawk il-kunsilli lokali li fi ħdanhom, minħabba l-imxija tal-COVID 19 ‘għandhom ħaddiema li qed jaħdmu bit-teleworking jew xi miżura oħra simili (family measures) ?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar, u tingħata f’xi seduta oħra.

Kunsilli lokali — talba għal telework u remote working

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm ħaddiema fil-kunsilli lokali li talbu għal teleworking jew remote working minn kemm ilha li bdiet l-imxija tal-COVID 19 (Marzu 2020) u dawn it-talbiet ġew rifjutati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsilli Lokali li kemm ilha li bdiet l-imxija tal-CoVid19 f’Marzu, kien hemm erbgħa talbiet għal teleworking jew remote working li ġew rifjutati.

Kunsilli lokali li ffumigaw l-uffiċċji tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex li bejn Ġunju 2020 u Ottubru 2020 ffumugaw l-uffiċini rispettivi tagħhom?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-informazzjoni miġbura mill-Kunsilli Lokali, kien hawn 22 Kunsill Lokali li ffumigaw l-uffiċini tagħhom bejn Ġunju u Ottubru ta’ din is-sena kif muri f’din it-tabella annessa. Il-Belt VallettaIl-Mellieħa L-IslaL-Imġarr BormlaIn-Nadur Ħal QormiIn-Naxxar Ħaż-Żebbug Ir-Rabat (M) Ħad-DingliSan Ġiljan FlorianaSan Ġwann Il-GudjaSan Pawl il-Baħar Il-ĦamrunTas-Sliema Ħal KirkopIx-Xgħajra Ħal LuqaIż-Żurrieq

Mellieħa – Triq Sant’Elena – manutenzjoni fuq bankina

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jagħmel jew jawtorizza li ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq bankina fi Triq Sant’Elena fil-Mellieħa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li ser jara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq il-bankina indikata.

San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl – ħinijiet tal-parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jitlob li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jara li jiġu rispettati u infurzati mill-awtoritajiet konċernati l-ħinijiet allokati dwar il-parkeġġ fi Triq San Pawl fl-istess lokalità?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għada qed tinġabar, u tingħata f’seduta oħra.

NCV Code — dgħajjes

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk id-dgħajjes kollha tat-turisti liċenzjati, inkluż id-dgħajjes li joperaw il-ferry Sliema – Valletta u Three Cities ferry to Valletta humiex konformi mal-NCV Code u nħarġilhomx ċertifikat relattiv tan-NCV compliance kif tesiġi l-liġi wara li jiġu konfermati li ssodisfaw ir-riżultati kollha li jesiġi l-kodiċi? Jekk le, l-Awtorità qed tapplika u tenforza r-regolamenti tal-kodiċi NCV għad-dgħajjes kollha biex taċċerta a level playingfield għal kulħadd? Hemm xi dgħajjes partikolari li joperaw f’dan il-qasam li għandhom eżenzjonijiet jew derogi mir-rekwiżiti tal-NCV Code? Jekk iva, liema huma dawn id-dgħajjes? Jista’ ġentilment iwieġeb il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li taħt l-NCV Code m’hemm ebda kategorija ta’ opri tal-baħar taħt l-isem ta’ dgħajjes tat-turisti.

Bdiewa — għotja ta' qbiela

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-wegħda li bdiewa ġodda jkunu vvantaġġjati fl-għoti ta' qbiela tal-Gvern daħlitx fis-seħħ? Jistax jgħid ukoll x'inhuma r-rekwiżiti biex persuna tkun eliġibbli?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħti aktar dettalji dwar x’jifhem bih ‘bidwi ġdid’, sabiex l-informazzjoni provduta lilu tkun korretta u pertinenti għad-domanda tiegħu.

Art b'titlu ta' qbiela — bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il art b'titlu ta' qbiela ngħatat lill-bdiewa kkunsidrati ġodda mill-2018 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16990 tal-istess Seduta.

Awtorità dwar l-Ambjent – standards fuq siti ta’ kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità dwar l-Ambjent għandhiex xi standards partikulari li għandhom jiġu osservati meta jkun ser isir bini, fis-sens ta' jekk għandhiex regoli li japplikaw biex persuni li jkunu qed jibnu, ma jħallux imbarazz ta' kostruzzjoni barra, jiġri fit-toroq? Jekk le, jista' jara li din l-awtorità tikkordina ma' awtoritajiet oħra governattivi, biex dan it-tip ta' materjal ma jkunx jista' jibqa' jitwaddab ma kullimkien bla ebda kontroll, b'detriment għad-dehra ġenerali tal-lokalità?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interellant li l-kompetenza dwar il-materja ma’ taqax taħt l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u għalhekk nitolbu jagħmel l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Soluzzjoni għal każijiet ta’ abbuż ta’ rimi ta’ skart

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex tinstab soluzzjoni, flimkien ma' ministeri u awtoritajiet oħra, biex każi ta' abbuż ta' rimi ta' skart ta' kull tip ikunu jistgħu jiġu kkontrollati b'mod aħjar, u li jiġu wkoll osservati xi regoli li diġà jeżistu, jekk jeżistu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għall-Ambjent ur-Riżorsi (ERA) flimkien mal-LESA u l-Pulizija hija inkarigata mill-infurzar dwar rimi ta’ skart b’mod illegali. Għal dan il-għan, b’konformità mal-Avviż Legali SL549.40, uffiċjali tal-ERA jagħmlu spezzjonijiet madwar Malta u Għawdex biex jiġi kkontrollat l-abbuż tar-rimi ta’ skart b’mod illegali. Dawn l-ispezzjonijiet jiġu ppjanati fuq informazzjoni miġbura mill-ERA u minn informazzjoni li jgħaddulna l-Kunsilli Lokali ta Malta u Għawdex. B’hekk dawn l-ispezzjonijiet ikunu iffokati aktar fuq fejn il-problema tkun l-aktar persistenti. L-ERA tużha wkoll filmati meħuda minn CCTVs hdejn Bring-In-Sites biex jiġu identifikati nies u vetturi li qed jabbuzaw minn din is-sistema u joħolqu miżbliet zgħar ħdejhom. Dan ukoll qed isir b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali u entitajiet privati.

Kummissjoni għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data — talbiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet lill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data mill-1 ta’ Ottubru 2015 sal-lum, rigward l-operat tal-Ministeru, tal-korporazzjonijiet u tad-dekasteru kollu li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima? Jista’ jindika l-eżitu ta’ dawn it-talbiet?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nifhem li t-talbiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant huma dawk li jiġu sottomessi lill-Kummissarju ai termini tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Kap. 496). F’dan il-kuntest l-informazzjoni mitluba ngħatat diġà fir-risposti mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 2538, 11390 u 16608. Fir-rigward tal-Awtorità tal-Ippjanar, l-informazzjoni mitluba kienet inkluża fit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari 2540 u 11392.

Uffiċċju tal-Ombudsman – talbiet dwar l-operat tal-Ministeru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman mill-1 ta’ Ottubru 2015 sal-lum rigward l-operat tal-Ministeru, tal-korporazzjonijiet, u tad-dekasteru li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima? Jista’ jindika l-eżitu ta’ dawn it-talbiet?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fir-rigward tat-talbiet li qed jirreferi għalihom fil-mistoqsija tiegħu, l-istatistika tkun ippubblikata fir-rapport annwali li joħroġ l-Ombudsman Parlamentari. Dawn ir-rapporti huma kollha disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-istess uffiċċju. Barra minn hekk, fuq inizjattiva tal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni u fi sforz sabiex ikomplu jissaħħu l-governanza u l-kontabilità fl-Amministrazzjoni Pubblika, s-Servizz Pubbliku ilu, sa mir-Rapport Annwali tal-2017, jippubblika rapport dettaljat dwar in-natura, is-sejbiet, l-konklużjonijiet u l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu fuq kull każ li jkun issemma fir-rapport annwali tal-Ombudsman. Dawn ir-rapporti jistgħu jiġu aċċessati fit-taqsima tal-pubblikazzjonijiet tas-sit elettroniku tas-Servizz Pubbliku.

Awtorità dwar l-Ambjent – appelli preżentati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il appell sar jew ġie ppreżentat mill-Awtorità dwar l-Ambjent minn deċiżjonijiet ta' ippjanar minn kemm ilha mwaqqfa din l-Awtorità?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn kemm ilha mwaqfa l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi din intavolat seba’ appelli minn deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Ħaddiema - Telework

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li applikaw għat-teleworking? Kemm minnhom ingħataw il-permess? Kemm minn dawk li applikaw kienu nisa u kemm minnhom irġiel? Kemm minn dawk li fil-fatt ħadmu (jew qed jaħdmu) permezz tat-teleworking kienu nisa u kemm minnhom irġiel?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba hija skont is-segwenti tabella: Entità Talbiet Approvati Kollha? Nisa Irġiel Awtorità tad-Djar 18 Iva 15 3 HME 1 Iva 1 -

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali – Ħaddiema — telework

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li applikaw għat-teleworking? Kemm minnhom ingħataw il-permess? Kemm minn dawk li applikaw kienu nisa u kemm minnhom irġiel? Kemm minn dawk li fil-fatt ħadmu (jew qed jaħdmu) permezz tat-teleworking kienu nisa u kemm minnhom irġiel?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-1 ta’ Marzu 2020 sa issa kien hemm 5 ħaddiema li applikaw għat-teleworking u dawn bħalissa qed jaħdmu xi ħinijiet mid-dar u xi ħinijiet mill-uffiċċju. Minn dawn hemm 3 nisa u 2 irgiel. Dan apparti li minn Marzu sa Ġunju, minħabba l-imxija tal-COVID kien hemm total ta’ 7 ħaddiema li fil-maġġor parti kienu qed jaħdmu s-sigħat mid-dar, minhabba id-Direttiva 13. Dawn kienu 6 nisa u raġel wieħed.
Leg 13 PQ #16829 Sitting 384 2020-10-30 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Ħaddiema infettati bil-Covid-19

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li ma kienx hemm ħaddiema tas-settur pubbliku fid-dekasteru tal-Prim Ministru li kienu infettati mill-COVID-19.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — Ħaddiema infattati bil-Covid-19

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata fis-seduta li jmiss.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Ħaddiema infettati bil-Covid-19

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Marzu 2020 ‘l hawn, kien hemm 31 persuna tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-MEDE li nstabu pożittivi għall-COVID-19.