Dikjarazzjoni ta’ Great Barrington – rakkomandazzjonijiet rigward il-COVID-19
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti spjegazzjoni lil din il-Kamra għaliex id-Dipartiment tas-Saħħa mhux qiegħed isegwi r-rakkomandazzjonijiet preżentati fid-dikjarazzjoni ta' Great Barrington, maħruġa ftit ġimgħat ilu, li tindirizza l-maniġġjar tal-kriżi tal-COVID-19, liema dikjarazzjoni u rakkomandazzjonijiet ġew appoġġjati minn iktar minn 30,000 tabib u 10,000 xjenzjat mediku u speċjalizzat fis-saħħa pubblika, minħabba li d-dipartiment ħareġ regolamenti li huma kontrarji għal jew ħafna iktar ħorox mir-rakkomandazzjonijiet imsemmija tad-Dikjarazzjoni ta' Great Barrington?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-15 t’Ottubru ta’ din is-sena, l-Organizzazjoni Dinjija għas-Saħħa ħarġet spjegazzjoni ċara ta’ kif l-immunita’ tal-massa ma tistax tiġi milħuqa billi tesponi aktar nies għal infezzjoni u konsegwentement għall-mewt imma permezz ta’ kampanji ta’ tilqim. Dawn mhumiex rakkomandazzjonijiet ġodda li saru fi żmien din il-pandemija tal-COVID-19 imma huwa prinċipju kardinali tas-Saħħa Pubblika li kien hemm minn dejjem. Id-Dikjarazzjoni ta’ Great Barrington tisħaq il-kontra bl-argument li l-popolazzjoni f’riskju tista’ tiġi protetta kompletament. L-esperjenza kemm lokali kif ukoll internazzjonali turi li dan ma seħħ imkien, lanqas hawn Malta. Fil-qasam xjentifiku, dejjem ikun hemm diverġenza t’opinjoni. Fil-fatt, tliet esponenti ewlenin tas-Saħħa Pubblika f’dawn l-aħħar ġimgħat urew evidenza waqt il-Kungress Dinji tas-Saħħa Pubblika li sar dan ix-xahar, kif ukoll ippublikaw artiklu f’ġurnal Ingliż, li kien hemm xi organizzazzjonijiet Amerikani bi tradizzjoni ta’ aġenda kontra t-tilqim inġenerali li għenu bis-sħiħ biex issir din id-dikjarazzjoni.
Bħal dejjem, l-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika Maltija joqogħdu fuq il-linji gwidi pprovduti lilhom mill-awtoritajiet internazzjonali fil-qasam, bħall-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u l-ECDC.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti spjegazzjoni għaliex l-istess regolamenti in vigore imorru wkoll ħafna oltre dawk maħruġin mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li tirrakkomanda li l-maskri għandhom jintużaw minn persuni li m'għandhomx sintomi ta' mard BISS meta qegħdin xi mkien fejn ma jistgħux jitbiegħdu mill-inqas metru minn ħaddiehor f'postijiet pubbliċi, u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li ffurmaw il-bażi tad-deċiżjonijiet u regolamenti maħruġin mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fir-rigward tal-maniġġjar tal-kriżi tal-COVID-19?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa mill-bidu nett tal-pandemija tal-COVID-19, ġew ikkonsultati aktar standards minbarra dawk ir-rakkomandazzjonijiet tal-World Health Organisation.
Infakkar li r-rakkomandazzjonijiet tal-WHO japplikaw għad-dinja kollha. Hemm
standards
ferm ogħla li japplikaw għal pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (ECDC), ir-Renju Unit (Public Health England), l-Italja (Istituto Superiore di Sanita’), l-Istati Uniti (CDC) u numru ta’ awtorijiet regolatorji madwar id-dinja (Korea t’Isfel, Ġappun, Singapore, Awstralja ul-Kanada). B’hekk bnejna bażi xjentifika qawwija ħafna sabiex nipproteġu bl-aħjar mod il-poplu Malti u Ghawdxi.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti n-numru ta' persuni li huma mniżżlin fil-lista li mietu b'riżultat pożittiv tat-test tal-COVID-19, li effettivament mietu minħabba l-COVID-19 speċifikament bħala "the underlying cause of death", u jagħti n-numru ta’ awtopsji li saru fuq xi persuni mniżżlin f'din il-lista mingħajr ma jiżvela, sintendi, id-dettalji ta' natura personali ta' dawn il-persuni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-ebda minn dawn il-każijiet ma saret awtopsja minħabba li d-dijanjożi kienet magħrufa. Minn 64 persuna li huma mniżżlin fil-lista li mietu b'riżultat pożittiv tat-test tal-COVID-19, 47 effettivament mietu minħabba l-COVID-19 speċifikament bħala the underlying cause of death. Fil-15-il persuna l-oħra, il-COVID-19 kien meqjus bħala kawża kontributorja. Rigward l-aħħar 2 imwiet għadhom għaddejjin il-verifikazzjonijiet neċessarji.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika li jagħtu lista sħiħa tal-persuni kollha li mietu fil-gżejjer Maltin minn Jannar sa Ottubru tal-2018, tal-2019 u tal-2020, bil-break down tal-"underlying cause" tal-mewt tagħhom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul Jannar sa Ottubru tal-2018, tal-2019 u Jannar sa April ta’ din is-sena kien hemm 3068, 3090 u 1414 imwiet rispettivament f’residenti ta’ Malta u Għawdex. L-underlying cause hija kif tidher fit-tabella hawn taħt.
Underlying Cause of Death
2018
2019
2020 (minn Jannar sa April)
Mard ċirkolatorju inklużi attaki tal-qalb u puplesija
1027
1054
442
Kanċer
898
796
330
Mard tas-sistema respiratorja
321
387
198
Kundizzjonijiet mentali (priċipalment dimenzja
212
193
118
Kundizzjonijiet endokrinali (prinċiplament dijabete)
178
183
100
Mard tas-sistema diġestiva
80
97
54
Imwiet minħabba aċċidenti, suwiċidju u omiċidju
98
90
34
Mard tas-sistema neuroloġika
82
88
33
Mard tal-Kliewi u tal-bużżieqa tal-awrina
70
73
27
Imwiet minħabba infezzjonijiet li jeskludu infezzjonijiet respiratorji
39
42
22
Imwiet minn Covid-19
0
0
3
Imwiet minħabba kawżi oħra
63
87
53
Total
3068
3090
1414
Persuni li kienu pożittivi għal COVID-19 u tpoġġew fuq ventilatur
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il persuna li rriżultat pożittiva bil-COVID-19 tqiegħdet fuq ventilatur, u kemm minn dawn li tqiegħdu fuq ventilatur irnexxielhom ifiequ, u kemm minnhom mietu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-bidu tal-pandemija kien hemm 33 pazjent pożittiv għal-COVID-19 li rċieva ventilazzjoni mekkanika. Minn dawn 11 mietu, 8 ġew rilaxxati f'xi sala oħra u 14 għadhom fuq ventilator.
Persuni pożittivi għall-COVID-19 li ħadu l-vaċċin tal-Influwenza
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti n-numru tal-persuni li rriżultaw pożittivi għall-COVID-19 li ħadu l-vaċċin tal-influwenza, jew fl-2019 jew fl-2020, u li fiequ, u kemm minnhom li ħadu l-imsemmi vaċċin u mietu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din l-informazzjoni mhux disponibbli.
Engineering Resources Limited — ħaddiema assenjati f'Ministeri, dipartimenti u entitajiet oħra
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem mill-Engineering Resources Limited ġew assenjati f'Ministeri, dipartimenti u entitajiet oħra u ma baqgħux jaħdmu fuq xogħol tal-Enemalta?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Engineering Resources Limited (ERL) għandha 585 impjegat imqassmin f’Ministeri, dipartimenti u entitajiet oħra tal-Gvern. Dan il-proċess kien sar bi ftehim mal-unions.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il uffiċjal tal-infurzar għandha l-Awtorità dwar l-Ambjent fil-jum li fih qed issir din l-interpellanza?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l--Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi għandha 45 impjegat fid-direttorat tal-Konformità u Infurzar u li xogħolhom huwa li jassiguraw konformità mar-regoli ambjentali u jgħamlu l-infurzar li jkun hemm meħtieġ. L-Awtorità imbagħad għandha 20 uffiċċjal tal-infuzar ieħor li huma ingaġġati mill-Awtorità fuq bażi ta’ kuntratt biex jagħmlu biss spezzjonijiet u jagħtu ċitazzjonijiet fuq skart domestiku.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx ġie studjat l-impatt ambjentali tal-junk mail f’pajjiżna? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tali studju/i?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżuri li jindirizzaw il-junk mail fl-isfond ta’ l-ammont ta’ skart li jiġi ġġenerat u kif dan jintrema’ jinsabu fil-Pjan Nazzjonali għall-Immaniġjar ta’ l-Iskart 2014-2020.
Filwaqt li mhuwiex rikjest li jsir studju ta’ l-impatt ambjentali fuq miżuri speċifiċi jekk dawn ma’ jkunux ta’ natura infrastruturali, il- Pjan sħiħ kien suġġett għal
Strategic Environment Assessment
skont ir-Regolamenti SL 549.61 li jittrataw dan.
Park Nazzjonali tal-Inwadar – ġbir ta’ skart u radam illegali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabar skart u radam illegali fil-konfini tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar fuq inizjattiva li ħa l-Bord tal-Governanza flimkien mad-Dipartiment tat-Tindif?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l-iskart miġbur mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar kien fil-parti assoluta iġġenerat tul għexieren ta' snin ta' telqa u għalhekk kien qadim. Inġabar mal-1000 tunnellata ta' skart mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar u dan bl-ghajnuna ta’ Ambjent Malta kif ukoll tad-Dipartiment tad-Tindif. Dan l-iskart jinqasam f'diversi kategoriji: muniċipali, li kien jinkludi boroż suwed taż-żibel li jarmu n-nies; (dumping) white goods li jinkludu fridges, cookers, washing machines, bramel tal-plastik, roti ta' karozzi etc;skart iġġenerat minn rinovaturi ta' kmamar tal-banju, li jinkludi madum tal-art u l-ħajt imkisser, biċċiet taċ-ċeramika u pajpijiet qodma; skart tal-kostruzzjoni (fly tipping) li kien ikun mormi fuq ix-xagħri jew fuq il-ħamrija ta' masġar pubbliku. L-akbar interventi ta' tneħħija ta' skart u radam illegali kienu fil-masġar ta' San Anard u fil-Ġolf il-Kbir, fejn fiż-żewġ imkejjen hemm proġetti ta' restawr ekoloġiku.
Parks Nazzjonali – pjanijiet biex jissaħħaħ l-immaniġġar tal-kampanja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet biex jissaħħaħ l-immaniġġar tal-kampanja u l-parks nazzjonali biex dawn jitgawdew aktar mis-soċjetà?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Ministeru permezz ta’ Ambjent Malta qiegħed jimplimenta numru ta’ proġetti ambjentali li kienu ppjanati u identifikati fil-management plans tas-siti Natura 2000 u siti oħra simili fil-kampanja. Pjanijiet bħal ma huma tisħieħ fil-biodiversità tagħna billi jitneħħew siġar u pjanti aljeni li jagħmlu impatt fuq speċi indiġena qed ikunu mneħħija u minflokhom jitħawwlu speċi indiġena. Dawn l-interventi saru ġewwa l-Aħrax tal-Mellieħa, Gżejjer ta’ San Pawl, Buskett, Għadira s-Safra u l-inħawi tal-madwar. Il-pjanijiet huwa li jitkompla dan ix-xogħol u jitwaħħlu numru ta’ sinjali informattivi gġewwa dawn is-siti, fejn jagħtu informazzjoni edukattiva lil min iżur dawn l-postijiet.
L-programm ta’ aktar tħawwil ta’ siġar u pjanti indiġeni ħa jkompli jsir skond il-management plans approvati kif ukoll skond abitat ambjentali ta’ kull sit. Eżempju ta' dan huwa s-sitt mitt (600) siġra u arbuxell indiġenu li tħawwlu ġewwa l-Park tal-Majjistral. Il-proġett għal dan is-sit huwa li jitkompla t-taħwwil ta’ iktar speċi skond il-programm tax-xogħlijiet għal din iż-żona.
Ambjent Malta laħqet ukoll ftehiem ma' Heritage Malta biex isiru interventi ġewwa l-Ġgantija f’Għawdex fejn numru ta' pjanti klassifikati bħala pollinators ser ikunu qed jitħawwlu f’din iż-żona.
Interventi oħra relatat ma' restawr ekoloġiku qed isir fil-parti magħrufa bħala l-Golf l-Kbir ġewwa l-Park tal-Majjistral fejn ġew mneħħija tunellati ta’ materjal mormi legalment. Permezz ta’ hekk ingħata iktar aċċessibilita lill-pubbliku u tħawwlu 'l fuq minn mitejn (200) siġra u arbuxell indiġenu.
Dawn jikkomplimentaw mal-ammont li tħawwel is-sena l-oħra fejn żiedna l-abitat naturali ta’ dan is-sit kif ukoll kabbarna l-potenzjal tal-ekosistema f’din iż-żona. Dan qed isir skond il-pjan mfassal għal Park tal-Nwadar. F’parti oħra ta’ dan il-Park, imsejjħa San Anard, saru interventi ta’ tindif ta’ rimi llegali ta’ skart u materjal tal-kostruzzjoni u kmieni s-sena d-dieħla ser ikunu qegħdin jitħawwlu madwar elf (1000) siġra u arbuxell indiġeni sabiex jiġi rikrejat abitat ta’ masġar. Erba mitt siġra indiġena ser ikunu qegħdin jitħawwlu f’siti oħra madwar il-Park. Dawn l-interventi qegħdin isiru biex dan l-park jitgawda aktar mill-pubbliku li jżuru.
Se jitnieda l-proġett pilota tal-Environmental Rangers. Rangers ġew ingaġġati ma’ Ambjent Malta f’Ottubru u bħalissa qiegħdin ikunu imħarġa. Dawn ir-Rangers se jkunu preżenti fil-kampanja u se jkollhom ir-rwol li jinfurmaw u jeddukaw il-publiku fuq l-attivitajiet permissibli f’żoni protetti u fl-ambjent naturali. Ir-Rangers se jkollhom ukoll ir-rwol li jirrapurtaw attivitajiet illegali bħal rimi ta’ skart u vandaliżmu.
Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qegħdin jitwaħħlu numru ta’ CCTV cameras ġewwa diversi siti biex jgħinu fil-monitoraġġ ta’ siti protetti kif ukoll, flimkien mal-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi, ser jitwaħħlu numru ta’ tabelli informattivi ġewwa żoni rurali bħala parti mill-kampanja edukattiva mill-ministeru tagħna.
Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsibijiet hemm biex l-ekonomija Maltija tkun tiddependi inqas fuq il-karbonju (low-carbon economy)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll permezz tar-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni għat-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Ftehim ta’ Pariġi, hija kommessa għall-ħidma sfiqa kontra t-tibdil fil-klima. Dan billi jitwettqu miżuri skont strateġiji fl-oqsma diversi li jaqgħu taħt ir-responsabilita’ tal-Ministeri rispettivi.
Kif ga ghidt pubblikament Il-Ministeru tiegħi qiegħed fil-fażi finali tal-iżvillup tal-Low Carbon Development Strategy biex l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna jindirizza l-isfida tat-tibdil fil-klima.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — Ħaddiema infettati bil-Covid-19
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej kien hemm disa’ (9) uffiċjali infettati bil-Covid-19 mill-1 ta’ Marzu s’issa.
Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji — ħaddiema infettati bil-Covid-19
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kien hemm 17 il-persuna li kienu nfettati mill-Covid 19.
Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur — Ħaddiema infettati bil-Covid-19
Question
Tista’ l-Ministru tgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha li kienu infettati mill-COVID-19?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi kien hemm 16-il ħaddiem tas-settur pubbliku taħt dan il-Ministeru li kienu nfettati bil-Covid-19.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — ħaddiema infettati bil-Covid-19
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-għadd ta’ ħaddiema tas-settur pubbliku, li jaqgħu taħt dan il-Ministeru u kienu pożittivi għall-COVID-19 mill-1 ta’ Marzu lil hawn, hu ta’ 27.
Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — ħaddiema infetatti bil-Covid-19
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Marzu sat-28 t’Ottubru 2020 kien hemm seba’ impjegati fis-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tiegħi li kienu infettati mill-COVID-19.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — ħaddiema infettati bil-Covid-19
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li għandna, mill-1 ta’ marzu 2020 kien hemm 13 il-ħaddiem tas-settur pubbliku fi ħdan il-Ministeru tiegħi li rriżultaw pożittivi għall-COVID-19.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq Osservatorju Astronomiku fil-Qortin? Jista' jgħid jekk il-binja li ser tospita dan l-Osservatorju hix lesta u kemm swiet? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini ta' dan l-Osservatorju?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-binja li fuq is-saqaf tagħha ser jiġi installat id-dome bit-telescope u l-camera module ġo fih diġà teżisti. Bħalissa qiegħda tiġi ppreparata applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar.