Allokazzjoni diretta għal kull kunsill lokali f’Malta u Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-allokazzjoni diretta għal kull Kunsill Lokali f'Malta u Għawdex fis-sena 2021 u jgħid kemm ser tkun l-istess allokazzjoni għal kull Kunsill Lokali għas-sena 2022? Jista' jagħti ż-żieda li ser ikollu kull Kunsill Lokali mis-sena 2021 għas-sena 2022 f'allokazzjoni diretta?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-informanzzjoni mitluba tinsab fit-tabella ‘A’ li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ta’ min jirrimarka li għall-ewwel darba għas-sena 2021, fir-rigward tal-fondi ta’ aġġustament, il-Kunsilli Lokali intalbu biex qabel ma jingħata l-ammont, jibagħtu lid-Divi¿joni pjan ta’ kif ser jintefqu.
Il-maġġoranza tal-Kunsilli Lokali bgħatu l-pjan rikjest u ingħataw l-ammont allokat bħala fond ta’ aġġustament. Madanakollu kien hemm xi Kunsilli Lokali illi ma bgħatux il-pjan u l-ammont allokat għal fondi ta’ aġġustament ma ingħatax, liema informazzjoni tinsab fit-tabella ‘B’.
Attachments:Tabella A - Allocation Report 2021-2022.pdfTabella B - Adjustment fund Not distributed during 2021.pdf
B’referenza għall-proġett ta' permanent link bejn Malta u Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid:
a. fl-aħħar tliet xhur xi żviluppi kien hemm fejn jidħol dan il-proġett;
b. liema studji hemm għaddejjin meta jwieġeb din il-mistoqsija u min qed jagħmel dawn l-istudji;
c. jekk fl-aħħar tliet xhur kienx hemm xi studji li ġew konklużi; u
d. jekk kienx hemm studji konklużi, liema kienu dawn l-istudji li ġew konklużi, min għamilhom u jistax jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, IAN)
Hekk kif spjegat b’mod dettaljat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 22403, fix-xhur li għaddew intemm l-ewwel stadju (pre-qualification questionnaire) tal-għażla tal-kuntratturi li ser jibnu u joperaw din l-infrastruttura ġdida, meta nħarġet l-ewwel rakkomandazzjoni. Madankollu, kif diġa spjegat lil din il-Kamra, tnejn mill-offerenti l-oħrajn issottomettew appell biex joġġezzjonaw għar-rakkomandazzjoni li huma ma jimxux għat-tieni stadju tal-proċess. Dawn iż-żewġ appelli għadhom fil-proċess li jinstemgħu mill-Public Contracts Review Board. Il-proċess tal-għażla jidħol fit-tieni fażi tiegħu meta jkun hemm deċiżjoni dwar dawn l-appelli.
Sadanittant, kif spjegat ukoll fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari indikata aktar kmieni, l-esperti mqabbdin biex jistudjaw dan il-proġett u jħejju l-environmental impact assessment tiegħu, qed jaħdmu fuq micro simulation model li janalizza l-effetti tal-mina l-ġdida fuq il-junctions u t-toroq tal-madwar. Kif diġa għidna kemm-il darba, ladarba jitlestew il-proċessi tal-għażla tal-kuntratturi u l-istudji relatati, l-istudji kollha li qed isiru jew li għad iridu jsiru jiġu ppubblikati għall-konsultazzjoni pubblika, hekk kif jitlob il-proċess stabbilit biex ikun determinat il-permess finali għall-proġett mill-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta’ financial statements tal-Heritage Malta?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-aħħar financial statements ta’Heritage Malta ġew impoggija fuq il-mejda tal-kamra u spjegati nhar it-Tnejn 28 ta’ Ġunju 2021.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta’ financial statements tal-MTA?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-aħħar financial statements tal-MTA imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fis-Seduta Numru 473 tal-14 ta’ Ġunju 2021.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta’ financial statements tal-MRA?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar sett ta’ Statements Finanzjarji tal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi.
(Korrezzjoni: Ara dokument Nru PL 7577 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 539 tal-Erbgħa, 26 ta' Jannar 2022)
Budget 2022 – flus ivvutati għall-proġett ta’ Għar Għerduf
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2022 u kemm hemm flus ivvutati fil-Budget 2022 għall-proġett ta' Għar Għerduf? Jista’ jgħid kemm kien il-Vot fil-Budget għal dan il-proġett għas-sena 2021 u kemm intużaw minnhom għal dan il-proġett u għalxiex intużaw?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Għar Għerduf huwa sit ta’ dfin Ruman tassew uniku f’Għawdex, illi jmur lura għas-sekli Tlieta u Erbgha Wara Kristu, liema epoka hija magħrufa aħjar bħala l-era Paleo-Kristjana. Dan is-sit jinsab f’parti minn Wied il-Lunzjata, fil-konfini tar-raħal ta’ Kerċem. Dan l-istess sit minn dejjem attira l-attenzjoni ta’ diversi studjużi u kittieba, fosthom ta’ Gian Frangisk Abela illi infatti anke semmieh f’xogħlu. Skond dan l-istoriku, l-għar kien wieħed mill-Cripte antiche de' Sagri Cimiteri fil-gżejjer Maltin.
Is-sit gie invistat minn diversi studjuzi u arkaeloġisti matul is-snin, u diversi minnhom semmewh f’kitbiethom. Dan is-sit huwa importanti, u ilu importanti, peress illi huwa l-unika sit li tpoġġa fl-elenku taħt l-Att dwar il-Ħarsien tal-Antikitajiet ippubblikat minn waħda mill-ewwel leġislaturi tas-`
self-government
` fis-sena elf, disa’ mija u hamsa u għoxrin (1925). A.A. Caruana, fir-
Rapporto sulle Antichità Fenicie e Romane
tal-1882 jiddiskrievi Għar Gerduf bħala qabar Feniċju. Minkejja dan, iżda llum, huma diversi studjużi li huma tal-fehma li Għar Għerduf huwa tassew katakombi insara tal-perjodu Ruman.
Fis-sena 2000, il-
Malta Environment and Planning Authority
skedat Għar Għerduf u anke mitt metru
buffer zone
miegħu, bħala sit arkeologiku Klassi A; skedar li huwa komparabbli ma’ dak mogħti lill-Mnajdra u Ħagar Qim, u dan bħala rikonoxximent tal-
istatus
uniku tiegħu fost il-monumenti tal-wirt kulturali Għawdxi. Rivalutazzjoni riċenti sostniet li Għar Għerduf għandu karatteristiċi u funzjonijiet funerarji distinti li jvarjaw minn siti oħra simili Maltin.
Dan l-istess sit, sa ftit snin ilu kien fi proprjeta’ privata. Pero’ l-Ministeru għal Għawdex, ħaseb biex jippriserva dan is-sit uniku u għaldaqstant, fid-29 ta’ Jannar 2019, kiseb it-titolu ta’ din il-proprjeta’. Iż-żona esproprijata kienet tinkludi l-
footprint
tal-istess katakombi nfushom, u kif ukoll rotta dejqa li tippermetti l-aċċess għall-pubbliku. Fis-sena 2021 imbagħad intuzaw 592,200 Euro biex issir l-esproprjazzjoni taz-żona quddiem u biswit l-istess sit, liema żona tagħti għat-triq. Din l-esproprjazzjoni kienet neċessarja sabiex fil-futur qarib, isir xoghol ta’ konsolidament u konservazzjoni. Għar Għerduf in fatti jinsab fi stat ħazin ħafna ta’ priservazzjoni u jinsab f’riskju ta’ kollass strutturali imminenti.
Dan il-pass li ħa l-Ministeru għal Għawdex, ġie mfaħħar u rikonnoxut minn diversi NGOs konċernati minn dan is-sit. Il-Ministeru in segwitu, beda wkoll process ta’ diskussjonijet mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali dwar it-termini neċessarji għall-investigazzjonijiet u skavar tal-arkaeoloġija fl-istess sit.
Dan kollu se jwassal biex eventwalment dan is-sit abbandunat jiġi konvertit f’attrazzjoni importanti turistika u ta’ wirt kulturali li se tkun miftuħa ghall-pubbliku in generali. Dan is-sit se jiġi fdat lid-Direttorat ghall-Wirt Kulturali fi ħdan l-istess Ministeru għal Għawdex. Dan il-proġett se jwassal għaldaqstant biex jiġi valorizzat il-prodott Għawdxi u speċifikament dak ta’ Wied il-Lunzjata li jinkludi wied fertili li hu meqjus bhala sit ta’ Natura 2000.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender CT2036/2019 - 'Tender for the Manufacturing, Installation, Maintenance and Storage of Christmas Decorative Lighting'? Jista’ jgħid meta ġiet ippublikata din it-tender u meta ġiet awarded u kemm hi stmata li tiswa u fiex tikkonsisti din it-tender u għal kemm-il sena hi valida din it-tender?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender CT2036/2019 - 'Tender for the Manufacturing, Installation, Maintenance and Storage of Christmas Decorative Lighting' ġiet ppublikata nhar id-29 ta’ Lulju 2020 u tkopri servizz fuq medda ta’ tlett snin. It-tender qiegħda fi stadju avvanzat ta’ evalwazzjoni.
Nadur — Multi Modal Hub (Park and Ride) - excavation waste
Question
B'referenza għall-proġett tal-Multi Modal Hub (Park and Ride) f’Ta’ Xħajma fin-Nadur Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il metru kubu ta' materjal (excavation waste) ġie skavat sal-lum f'dan is-sit u kemm ġie jiswa dan ix-xogħol? Jista’ jgħid kemm-il metru kubu ta' materjal (excavation waste) baqa’ jiġi skavat f'dan is-sit fejn hemm ippjanat li jiġi l-Park and Ride?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew skavati 44,935.36 metru kubu ta’ materjal fl-2019 u ġie jiswa € 718,516.39 VAT eskluż.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22361 rigward Triq Sannat, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal Ta’ Sannat, fejn għaddew xhur u għadha ma saritx fiha zebra crossing kif ukoll is-sinjal tan-nofs tat-triq biż-żebgħa li jifred karreġġjata minn oħra, fejn ġie imwieġeb li 'is-sinjali tan-nofs biż-żebgħa saru, u rigward iż-żebra crossing, id-dawl ser jiġi installat x’ħin tiġi awarded it-tender tal-pjazza', jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ġie mwieġeb li saru, iżda fil-verità sal-ġurnata li fiha qed issir din il-mistoqsija dawn għadhom ma sarux u għad hemm periklu kbir f'din l-imsemmija triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sinjali tan-nofs biż-żebgħa saru safejn seta' jsir. Il-bqija taż-żebgħa ser issir meta jiġi nstallat id-dawl taż-zebra crossing.
Jista' l-Ministru jgħid x'pagamenti saru sal-lum fuq il-proġett tal-Gozo Notorium Pool? Jista' jgħid kemm hi mistennija li tkun l-ispiża totali fuq dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il remote workspace infetaħ s'issa f’Għawdex, u kemm jistgħu joqogħdu ħaddiema fihom? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa sabiex jitlestew dawn il-work spaces u fejn jinsabu? Jista' jgħid kemm sar użu ta' dawn il-work spaces xahar b'xahar minn meta nfetħu u jekk hemmx pjanijiet li jinfetħu aktar remote workspaces fil-gżira t'Għawdex?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li f’Għawdex infetaħ remote workspace wieħed li jinsab ġewwa l-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija u li jakkomoda total ta’ 32 Uffiċjal Pubbliku. In-nefqa biex tlesta dan ir-remote workspace kienet ta’ €51,103 (VAT eskluż). S’issa m’hemmx pjani li jinfetħu iktar remote workspaces fil-gżira Għawdxija għax għadu prematur li jsiru dawn meta jitqies li l-użu ta’ dan l-ispazju għadu ma qabadx rittmu stabbli.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-invoice mill-Hotel Phoenicia mibgħuta lillAwtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fl-aħħar ġimgħat, dwar prenotazzjoni ta’ diversi impjegati tal-MTA fl-istess Hotel Phoenicia għal diversi jiem matul ix-xahar ta’ Diċembru 2021?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kellha kamra waħda bbukkjata f’din il-lukanda għat-tul tal-attivitaàkollha li kien hemm fi żmien il-Milied ġewwa Pjazza Tritoni. Din il-kamra, b’rata ta’ €140 għal kull lejl, intużat speċifikament sabiex impjegati tal-Awtorita’ jkollhom fejn iżommu b’mod sikur l-assi relatati mal-istess attivita’ inkluż id-dħul monetarju ta’ kull ġurnata.
Ninforma lill-Onor. Intepellant li l-Aworità għadha ma rċevietx l-
invoice
mingħand il-Hotel Phoenicia.
MTA – ħaddiema li jaħdmu barra minn Malta mistiedna għal party
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħaddiema/impjegati/uffiċjali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) li jaħdmu barra minn Malta kienu mistiedna jattendu l-party tal-MTA li nżamm fis-7 ta’ Diċembru 2021 fil-lukanda Corinthia San Ġorġ?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ma organizzat l-ebda festin għall-istaff, iżda giet organizzata attivita' soċjali mis-Social Activities Committee għall-Festi tal-Milied għall-impjegati tal-Awtorita'. Id-data ta' din l-attivita', li għaliha dawk li attendew taw kontribuzzjoni, ġiet deċiża wara li sar kordinament mill-istess Social Activities Committee, sabiex din l-attivita tkun tista' issir waqt żjarat li kellhom ippjanati sebgħa f'pajjiżna rappreżentanti tal-MTA li jaħdmu fl-uffiċini ta' barra minn Malta. Dawn iż-żjarat, nerġa’ ngħid, kienu ippjanati bħala parti minn sensiela ta' laqgħat li dawn l-istess rappreżentanti jkollhom f'pajjiżna b'mod regolari, bl-iskop aħħari ikun dak li jigi ippjanat ix-xogħol għas-sena d-dieħla.
MTA – ħaddiema li jaħdmu barra minn Malta mistiedna għal party – flights imħallsa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħaddiema/impjegati/uffiċjali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) li jaħdmu barra minn Malta u li kienu mistiedna jattendu l-party tal-MTA li nżamm fis-7 ta’ Diċembru 2021 fil-lukanda Corinthia San Ġorġ kellhom fil-fatt il-flights u/jew accommodation f’lukanda f’Malta imħallsin mill-MTA? Kemm kienet din l-ispiża?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 23704, ninfurmah li l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu ħallset għat-titjiriet u għal żewġt iljieli f'lukanda, bl-ispiża totali tlaħħaq għal €1,578.30.
Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal — Tiġdid ta' telework/remote working
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm-il applikazzjoni ġdida jew applikazzjoni għal tiġdid ta' telework/remote working ġiet irċevuta minn Jannar 2021 sal-aħħar ta' Novembru 2021 minn ħaddiema fil-Ministeru u d-Dipartimenti, Aġenziji u Awtoritajiet li jaqgħu taħtu u kemm minn dawn ġew aċċettati jew irrifjutati?
Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru — Tiġdid ta' telework/remote working
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm-il applikazzjoni ġdida jew applikazzjoni għal tiġdid ta' telework/remote working ġiet irċevuta minn Jannar 2021 sal-aħħar ta' Novembru 2021 minn ħaddiema fil-Ministeru u d-Dipartimenti, Aġenziji u Awtoritajiet li jaqgħu taħtu u kemm minn dawn ġew aċċettati jew irrifjutati?
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Tiġdid ta' telework/remote working
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm-il applikazzjoni ġdida jew applikazzjoni għal tiġdid ta' telework/remote working ġiet irċevuta minn Jannar 2021 sal-aħħar ta' Novembru 2021 minn ħaddiema fil-Ministeru u d-Dipartimenti, Aġenziji u Awtoritajiet li jaqgħu taħtu u kemm minn dawn ġew aċċettati jew irrifjutati?
Response (GALDES, RODERICK)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23717.