Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korp tal-Pulizija u Forzi Armati– Membri li huma Għawdxin u stazzjonati f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija u fil-Forzi Armati li huma Għawdxin (jirrisjedu Għawdex) u li huma stazzjonati ġewwa Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi sa l-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena n-numru ta’ membri Għawdxin fil-Korp tal-Pulizija li huma rregistrati li jirrisjedu f’Għawdex skont ir-Reġistri tal-Korp, u li huma stazzjonati ġewwa Malta huwa ta’ mija u disgha u tletin (139) uffiċjal. Fil-Forzi Armati ta’ Malta dawk li huma rreġistrati li jirrisjedu f’Għawdex skont ir-Reġistri tal-Armata u li huma stazzjonati ġewwa Malta huwa ta’ mija u tlieta u sittin (163) uffiċjal.

Awtorità tal-Ippjanar – permessi maħruġa għall-żvilupp f’Outside Development Zone f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta lista ta' kemm l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet permessi ta' żvilupp f'żoni li mhux ta’ żvilupp jew kif magħrufa aħjar bħala 'Outside Development Zone' f'Għawdex mill-14 ta' Lulju 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jindika wkoll il-lokalitajiet u x'tip ta’ żvilupp ġie approvat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet pendenti għall-żvilupp fuq Outside Development Zone f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta lista ta' kemm l-Awtorità tal-Ippjanar għandha applikazzjonijiet pendenti ta' żvilupp fiż-żona li mhux ta’ żvilupp jew kif magħrufa aħjar bħala 'Outside Development Zone' f'Għawdex? Jista' jindika wkoll il-lokalitajiet u x'tip ta’ żvilupp qed jiġi propost?

Response (FARRUGIA, AARON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Importazzjoni ta’ majjal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien impurtat majjal ħaj mill-bidu tas-sena 2019 sal-lum u kemm kien impurtat majjal mejjet proċessat għal konsum lokali? Jista’ jgħid, għal kull każ rispettiv, kemm kien l-ammont ta’ majjal ħaj li nġieb f’Malta u mil-liema pajjiż? Jista’ jgħid il-piż tal-majjal li nġieb jew ġie impurtat f’Malta minn pajjiżi terzi u mil-liema pajjiż nġieb il-majjal għal konsum lokali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena 2019 sal-lum ma kienx impurtat majjal ħaj jew majjal mejjet proċessat minn pajjiżi terzi.

Importazzjoni ta’ tiġieġ u tadam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont (piż) ta’ tiġieġ għal konsum li ġie importat f’pajjiżna u mil-liema pajjiż tal-Unjoni Ewropea u barra mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar sentejn minn Jannar 2019 sal-lum? Kemm kien impurtat tadam lejn Malta minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jew barra mill-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid x’kien il-piż, kemm ta’ tiġieġ u tadam li ġie impurtat għal kull xahar minn kull pajjiż?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ laħam tat-tiġieġ li ġie mpurtat minn pajjiżi terzi f’Malta fis-sena 2019 kien ta’ 21,0132 kg u kien impurtat miċ-Ċina, Tajlandja u l-Brażil, filwaqt li fl-2020 l-ammont kien ta’ 17,5357 kg u kien impurtat miċ-Ċina. Informazzjoni dwar laħam tat-tiġieġ li ġie impurtat għal kull xahar minn kull pajjiż terzu qed tiġi pprovduta fit-tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tat-tadam, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2019, ma kienx hemm impurtar ta’ tadam minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea u fl-2020 sal-aħħar ta' Settembru, Malta impurtat tadam mill-Eġittu. Fir-rigward tal-importazzjoni mill-Eġittu, Malta impurtat 9,708 kg ta’ tadam fix-xahar ta' Frar. Fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-ammont (piż) u movimenti kemm ta’ tiġieġ, kif ukoll ta’ tadam li ġie importat f’pajjiżna għal kull xahar minn kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar sentejn minn Jannar 2019 sal-lum, din hija informazzjoni li tasal biss għand l-uffiċċju tal-NSO. Għaldaqstant, nitlob lill-Onoroveli Interpellant sabiex jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Data Transmissions and Support Services – ħidma u nefqiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti n-nefqa ta’ €250,000 li skont il-Financial Estimates tal-2021 hija nefqa biex tkopri l-ħidma magħrufa Data Transmissions and Support Services? Jista’ jgħid kif tħallsu l-€250,000? Jista’ jgħid lil min tħallsu, x’servizzi ngħataw b’din in-nefqa u min ibbenefika minn dawn in-nefqiet?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-allokazzjoni ta’ €250,000 indikata fil-Financial Estimates tal-2021, relatata ma’ Data Transmissions and Support Services, tibda tintefaq mis-sena kalendarja 2021. Din in-nefqa hija maħsuba biex tkopri servizz ta’ trażmissjoni ta’ pożizzjonijiet tal-bastimenti permezz tal-apparat li hemm imwaħħal fuq il-bastimenti; servizz ta’ installazzjoni ta’ apparat ta’ monitoraġġ ġdid fuq il-bastimenti; servizz ta’ manutenzjoni fuq l-apparat kif meħtieġ; u servizz ta’ żvilupp ta’ sistema ta’ monitoraġġ u l-manutenzjoni tagħha.

Animal Disease Control Programme – ħidma u nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex intefqu l-€600,000 li skont il-Financial Estimates 2021 kienet in-nefqa stmata li tkopri l-ħidma magħrufa bħala Animal Disease Control Programme? Jista’ l-Ministru jgħid dawn is-€600,000 kif intefqu? Jista’ jgħid lil min tħallsu dawn il-flus bħala ħlasijiet għal min offra s-servizzi tiegħu f’din il-ħidma? Min ibbenefika minn dawn is-servizzi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ flus li sa issa ntefqu mill-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali għal ħidma magħrufa bħala Animal Disease Control Programme huwa ta’ €559,411.58. Dawn il-flus intefqu skond kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-kumplament tal-bilanċ li baqa’ allokat se jkun qed jintuża sal-aħħar tas-sena għall-analiżi tal-kampjuni għar-residwi u kontaminanati u għal kontrolli uffiċjali, mill-Laboratorju Veterinarju Nazzjonali u d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja.

Plant Disease Control Programme – ħidma u nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti n-nefqa ta’ €70,000 li skont il-Financial Estimates 2021 hija nefqa li tkopri l-ħidma deskritta bħala Plant Disease Control Programme? Jista’ jgħid lil min tħallsu dawn il-flus? Jista’ jgħid x’ħidma saret permezz ta’ dawn il-flus? Jista’ jgħid min ibbenefika minn dawn is-servizzi?

Response (REFALO, ANTON)

Mill-bidu tas-sena 2020 sal-ġurnata tal-lum, il-Ministeru li tiegħu jien responsabbli, nefaq €35,484.96 mill-€70,000 allokati għal din is-sena fil-vot Plant Disease Control Programme. In-nefqa minn dan il-vot kienet tikkonsisti f’xiri ta’ apparat u consumables, kif ukoll analiżi ta’ kampjuni relatati mal-kontroll tal-mard tal-pjanti skon il-bżonn tal-Units fi ħdan id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti. Id-dettalji dwar il-fornituri li taw diversi tipi ta' servizzi lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti, u kemm kien il-ħlas lil kull fornitur qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Nefqa fuq Experimental and Demonstration Units

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16800, jista’ l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti n-nefqa ta’ €185,000? Lil min tħallsu biex saret din ir-riċerka li stmat li tiswa €185,000? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar din ir-riċerka li saret b’din in-nefqa?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif ġie diġa mtenni fir-risposta għal-Mistoqsija Parlamentari 16800, in-nefqa marbuta ma’ dan il-vot tkopri l-ispejjeż assocjati mar-riċerka u l-manteniment tal-merħla tal-annimali ġewwa l-Agriculture Research and Innovation Hub (AgriHub) li qiegħed fl-Għammieri. Sad-data ta’ din il-Mistoqsija Parlamentari, l-ispiża ewlenija tan-nefqa kienet relatata ma’ xiri ta’ għalf u ġwież għall-merħla li tammonta għal €51,090.49 (Tabella A). Kien hemm ukoll spejjeż ġenerali li huma marbutin mal-operat taċ- Ċentru, bħal trasport ta’ għalf, pheromone lures, safety wear, sunblock, kpiepel tat-tiben, għodda, fittings għall-apparat agrikolu u pubblikazzjoni ta’ avviżi li jammontaw għal €7,387.46 (Tabella B) Barra minn hekk, ġew mixtrija numru ta’ sensors għall-moniteragg tar-raba’ li ser jintużaw għal skopijiet ta’ studju li ammontaw għal €4,956.00 (Tabella Ċ). Dan jikkumplimenta l-ħidma dwar il-konservazzjoni ta’ speċi indiġeni bħal gendus Malti u t-tiġieġa s-sewda. Ma hemmx rapporti li jistgħu jiġu ppreżentati fuq il-Mejda tal-Kamra. TABELLA A KPH €18,271.76 Andrews Feeds €678.70 NAKIS Ltd €4,039.60 Leone feeds €20,110.90 Ta’ Salvu Marie Ltd €5,786.60 Koperattiva Produtturi €2,202.93 Total: €51,090.49 TABELLA B Joseph Vassallo €913.05 Wurth €2,674.33 Anthony Ferriggi €819.05 WJA €660.90 Zahra Enterprises €343.42 I.V. Portelli €395.68 Simon Galea €528.64 Ortis ltd €100.05 Godwin Bezzina €400.00 Kemimport Ltd €244.00 DOI €45.00 Footsteps ironmongery €236.34 Cotswold €27.00 Total: €7,387.46 TABELLA Ċ IoT solutions €4,956.00 Total: €4,956.00

Persuni li nqabdu bil-COVID-19

Question

B'referenza għar-risposta tal-Ministru għas-Saħħa għall-mistoqsija parlamentari 15750, tat-30 ta' Ġunju, li kienet "Ninforma lill-Onor. Interpellant li studju biex tiġi kkalkulata r-rata ta’ persuni b’immunità għal COVID-19 f’Malta qed isir." Għaldaqstant nitlob lill-Ministru jinfurma lill-Kamra jekk sal-lum ġietx ikkalkulata l-imsemmija immunita', u jekk, fin-negattiv, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti indikazzjoni ta' meta r-riżultati tal-istudju imsemmi mill-Ministru se jiġu pubblikati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi tajjeb li wieħed jikkjarifika li l-immunita’ li rreferejna għaliha fil-mistoqsija parlamentari 15750 hija dik ibbażata fuq l-antikorpi għall-COVID-19. Minn dak iż-żmien lil hawn kien hemm żviluppi fir-riċerka li indikaw dan li ġej (a) hemm probabiltà għolja li l-livell ta’ dawn l-antikorpi jinżel wara ftit xhur (b) mhux kulħadd jiżviluppa dawn l-antikorpi (c) hemm immunità oħra fuq bażi ċellulari mhux antikorpi li diffiċli tiġi kkwantifikata fuq livell ta’ popolazzjoni. Għaldaqstant m’għadniex nirreferu għal dan l-istudju bħala studju fuq l-immunità iżda fuq l-antikorpi. L-ewwel studju kopra 3 popolazzjonijiet prinċipali – ħaddiema fis-settur tas-saħħa, ħaddiema fis-settur tal-kura soċjali ta’ persuni anzjani jew inkella b’diżabbiltà u donaturi tad-demm. Dan intemm matul ix-xahar ta’ Lulju. Fl-isfond ta’ dawn ir-riżultati u r-riċerka ġdida spjegata hawn fuq, dawn ir-riżultati għandhom valur limitat. Ftit wara ġew konklużi dawn l-istudji, żdiedu ferm il-każi (lejn it-tielet ġimgħa ta’ Lulju). Għaldaqstant qed jiġi kkunsidrat studju simili aktar tard fix-xitwa, liema deċiżjoni tiddependi fuq l-andament tal-imxija. Madankollu, dan l-istudju jista’ biss jikkunsidra l-livell ta’ antikorpi li huwa dejjem suġġett għal-limitazzjonijiet msemmija hawn fuq.

Regolamenti rigward apparat li jiġġenera radjazzjoni

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti kollha li nħarġu mill-Ministeru tas-Saħħa u/jew mis-Superintendent tas-Saħħa Pubblika in konnessjoni ma’ kwalunkwe tip ta' apparat li jista' jiġġenera radjazzjoni li hija tat-tip "non ionizing", inkluż kwalunkwe "standards", prassi u proċeduri li għandhom jiġu segwiti in konnessjoni mal-imsemmi apparat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-leġiżlazzjoni attwali tistipula li hija r-Radiation Protection Commission li tittratta kemm radjazzjoni non ionizing kif ukoll ionizing, nitolbu jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Tip ta’ moniteraġġ ta’ livelli ta’ exposure ta’ radjazzjoni non ionizing

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji tat-tip ta' moniteraġġ ta' livelli ta' exposure ta’ radjazzjoni tat-tip "non ionizing", flimkien mar-riżultati ta' dak il-monitoraġġ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Moniteraġġ tas-Saħħa ta’ membri tal-pubbliku wara l-użu ta’ apparat li jiġġenera radjazzjoni

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji tat-tip ta' moniteraġġ tas-saħħa ta' membri tal-pubbliku matul kif ukoll wara l-użu ta’ apparat li jista' jiġġenera radjazzjoni li hija tat-tip "non ionizing" kif ukoll matul u wara l-imsemmi exposure, flimkien mar-riżultati ta' dak il-moniteraġġ tas-saħħa tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li rigward moniteraġġ u riżultati tal-moniteraġġ msemmi minnu, jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat filwaqt li ninfurmah li r-riżultati tal-kejl jintbagħtu lill-Awtoritajiet tas-Saħħa rilevanti biex jieħdu kwalunkwe azzjoni li jqisu meħtieġa. Ir-rapporti tal-moniteraġġ li ntbagħtu lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali s’issa huma kollha fil-livelli aċċettabli u huma fil-fatt livelli baxxi ħafna.

Regolamenti Speċifiċi għall-protezzjoni ta’ persuni u ambjent mill-effetti negattivi ta’ radjazzjoni non ionizing

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti speċifiċi li nħarġu sabiex jiġu protetti persuni kif ukoll l-ambjent kontra l-effetti negattivi ta' radjazzjoni non ionizing minn apparat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali jimxi fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-Limitazzjoni tal-Esponiment tal-Pubbliku (Council Recommendation 1999/519/EC on the limitation of the exposure of the public to electromagnetic fields (0 Hz to 300 GHz).

Industrija tal-Fish Farms

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jikkonsidrax li l-industrija tal-fish farms hija importanti għal pajjiżna u jekk il-Gvern jagħtix għajnuna lil din l-industrija biex tkompli tikber?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika fir-rigward tan-natura tal-għajnuna li qed jifhem li għandha tingħata lil din l-industrija tal-fish farms.

Fish Farms — spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' spezzjonijiet isiru fuq il-fish farms li għandna f'pajjiżna? B'liema frekwenza jsiru? Kemm saru spezzjonijiet matul l-2019?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm diversi tipi ta’ spezzjonijiet li jsiru f’pajjizna, li jinkludu: cagings, carry-overs, control transfers, intra-farm transfers, pre-releases, reefer inspections, releases u inspections fuq it-towing vessels. Ma’ dan inżid li waqt il-qtil ukoll ikunu qed isiru spezzjonijiet. Ma’ dawn isiru spezzjonijiet oħra mhux pjanati li d-dettalji tagħhom huma ta’ natura sensittiva. Minħabba l-kunfidenzjalita` tax-xogħol, kif ukoll anke’ n-natura tiegħu, m’hemmx frekwenza stabbilita, imma ħafna mill-ispezzjonijiet isiru fl-istaġun tat-tonn, bejn Mejju u Diċembru. It-tabella ta’ hawn taħt telenka l-ispezzjonijiet ta’ kontroll li saru fl-2019: BFT Farm Inspection Type 2019 Total No. of Inspections Caging 69 Carry-Over 16 Control Transfer 18 Intra-Farm 8 Pre-Release 2 Reefer 40 Release 18 Towing Vessel 69 Grand Total 240

Awtorità tal-Artijiet – Tenders maħruġa

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi dettalji dwar it-tenders maħruġa mill-Awtorità tal-Artijiet għax-xiri, ċens u/jew kera ta’ art u/jew proprjetà mmobbli tul is-snin 2016, 2017, 2018, 2019 u 2020 u min tefa’ l-offerti u min rebaħ it-tenders u f’liema data?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba diġà nħarġet fil-pubbliku, skont il-liġi. (Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokumenti PL5706 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 399 nhar l-Erbgħa 11 ta' Novembru 2020)
Leg 13 PQ #16280 Sitting 390 2020-11-04 Oral · Final From: DAVID THAKE To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Kulleġġ Santa Tereża — Skola Primarja - siġar li tneħħew minn mal-madwar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mis-siġar li kienu maqlugħa mill-madwar ta’ u ġewwa l-iskola primarja fil-Kulleġġ ta' Santa Tereża?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li wħud mis-siġar li nqalgħu mis-sit tal-Iskola Primarja fl-Imsida, fejn se tinbena skola primarja ġdida, tħawlu mill-ġdid f'postijiet oħrajn. Dan skont il-permess maħruġ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (Ref: NP 0239/19). Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada se tkun qed tħawwel ukoll 93 siġra oħra.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – infiq fuq credit cards

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta lista ta’ infiq fuq credit cards tal- Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għas-snin 2017, 2018 u 2019? L-informazzjoni għandha tingħata għal kull credit card individwali u mhux kollha flimkien u għandha tkun dettaljata b’dan il-mod: Credit Card No: 1234 XXXX 5678 Data Lil min thallas Ammont

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma– uffiċjali li għażlu Car Allowance

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta lista tal-uffiċjali kollha fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li fis-snin 2017, 2018 u 2019 għażlu l-Car Allowance bħala parti mill-kuntratt tagħhom u jekk qattx il-korporazzjoni ħalsitx spejjeż relatati ma dawn il-karozzi privati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi lista tal-uffiċjali li għażlu Car Allowance tinsab hawn taħt; Kariga 2017 2018 2019 CEO & Directors 10 11 9 Managers 4 10 11 Total 14 21 20 Il-Korporazzjoni ma ħalset l-ebda spejjeż addizzjonali.