Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17011 u jgħid min kien jiffirma għall-ħlasijiet tal-biljetti ta’ vjaġġi magħmula mill-Kap Eżekuttiv tal-MGA li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li kienu jiswew aktar minn €5,000?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ħlasijiet tal-biljetti ta’ vjaġġi msemmija kienu jiġu approvati mill-Kap Ezekuttiv tal-Awtorità.
Kap Eżekuttiv tal-MGA – spejjeż imħallsa waqt kull vjaġġ
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17012 u jgħid kemm kien hemm spejjeż imħallsa waqt kull vjaġġ magħmul mill-Kap Eżekuttiv tal-MGA li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u kemm minnhom tħallsu direttament, kemm minnhom tħallsu b’visa cards u jekk kienx hemm cash withdrawals mill-kont tal-MGA minn ATMs barra minn Malta waqt tali vjaġġi?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17013 u jgħid kemm-il vjaġġ għamel fis-snin meta kien il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Liema kienu? Meta saru? Jista’ jgħid id-durazzjoni tagħhom u min akkumpanjah fuq kull vjaġġ u kemm swew il-vjaġġi li saru?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17014 u jgħid min kien jiffirma għall-ħlasijiet tal-biljetti ta’ vjaġġi magħmula mill-Kap Eżekuttiv tal-MFSA li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li kienu jiswew aktar minn €5,000?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-nefqa giet awtorizzata mill-Kap Ezekuttiv u l-ħlas gie approvat minn ‘Senior Finance Officer’ u mill-‘Head of Finance’.
Tender 'IM026/2020 Establishment of a Dynamic Purchasing System to carry out Construction, Refurbishment and/or Upgrading works on Marine and Coastal Infrastructure along the Maltese Islands' Coast obo IM'
Question
Jista’ l-Ministru jispjega u jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender 'IM026/2020 Establishment of a Dynamic Purchasing System to carry out Construction, Refurbishment and/or Upgrading works on Marine and Coastal Infrastructure along the Maltese Islands' Coast obo IM' u jgħid xi proġetti hemm ippjanati li jsiru u x’valur għandhom ġewwa Għawdex u Malta permezz ta’ din l-imsemmija tender?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta twaqqfet sabiex twettaq il-pjan fit-tul tal-Gvern li pajjiżna jagħmel qabża kbira ’l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura ewlenija tal-pajjiż. Dan l-impenn ma jinkludix biss it-titjib tas-sistemi tat-toroq, iżda wkoll l-infrastruttura marittima fi xtutna.
Fil-bidu tal-2019 l-aġenzija ħadet f’idejha wkoll it-tmexxija tal-ħidma infrastrutturali li kienet twettaq Transport Malta fil-portijiet u x-xtut f’Malta u Għawdex. Fost ix-xogħlijiet li qed twettaq fil-qasam marittimu, Infrastructure Malta bħalissa għaddejja bil-proġett ta’ titjib tal-faċilitajiet tas-sajjieda Għawdxin fil-Port tal-Imġarr, bil-bini ta’ breakwater ġdid fil-Ponta tal-Qrejten Marsaxlokk, tiswijiet ta’ strutturi u bini mill-ġdid ta’ mollijiet f’Wied il-Għajn, fil-Bajja ta’ San Tumas u ċ-Ċirkewwa, kif ukoll bini ta’ faċilitajiet ġodda għat-trasport bil-lanċa f’Tas-Sliema u Bormla.
Il-kunċett ta’ Dynamic Purchasing System hu li jkun hawn numru ta’ kuntratturi li jirreġistraw l-interess tagħhom biex jaghmlu xogħol ta’ strutturi tal-baħar. Meta jkun hemm bżonn li jsir proġett ta’ din ix-xorta, issir dik li tissejjaħ ‘specific call’ bejn dawn il-kuntratturi li jkunu rreġistraw u għaddew mill-ewwel fażi ta’ evalwazzjoni dik li tissejjaħ Amministrattiva. Il-kuntrattur li jagħti l-orħos offerta jingħata x-xogħol.
Din it-tip ta’ sejħa għall-offerti hi waħda ġenerika u mhix marbuta ma’ proġett/i partikolari. Dan il-mudell ta’ ‘procurement’ jintuża biex jagħti l-flessibbiltà li meta tinqala’ biċċa xogħol ikun hemm parti mix-xogħol relatat mas-sejħa għall-offerti diġà lest u tiffaċilita l-proċess tal-għażla tal-kuntrattur. Din il-proċedura toħroġ mill-Public Procurement Regulations u hija approvata wkoll mid-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti.
Xogħlijiet li jistgħu jsiru b’dan it-tip ta’ sejħa għall-offerti jinkludu bini u/jew tiswija ta’ mollijiet, breakwaters, skali u strutturi oħrajn madwar il-kosta Maltija. Sistemi ta’ akkwist bħal dawn jgħinu lil Infrastructure Malta twieġeb b’aktar ħeffa għall-ħtiġijiet infrastrutturali ta’ diversi setturi marittimi, speċjalment f’każi ta’ ħsarat ikkaġunati minn maltemp jew kawżi oħrajn mhux mistennija, u li minbarra li joħolqu perikli pubbliċi, jxekklu l-ħajja soċjali u ekonomika tal-inħawi konċernati.
Tender 'CT2281/2019 — Tender to Finish, Furnish, Equip, Operate, Manage, Maintain and Transfer Back Dar San Guzepp, Ghajnsielem, Gozo as a Long Term Care Facility for Elderly with Environmental Friendly items'
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender 'CT2281/2019 - Tender to Finish, Furnish, Equip, Operate, Manage, Maintain and Transfer Back Dar San Guzepp, Ghajnsielem, Gozo as a Long Term Care Facility for Elderly with Environmental Friendly items' u jgħid biex wasal il-proċess beix din l-imsemmija tender tiġi awarded?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender qiegħed fi stadju ta’ evalwazzjoni.
Tender 'Works Tender for the Upgrading of the Former Qortin Landfill, in Xagħra, Gozo [CT2022/2019]'
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender 'Works Tender for the Upgrading of the Former Qortin Landfill, in Xagħra, Gozo [CT2022/2019]' u jgħid fiex wasal il-proċess biex din l-imsemmija tender tiġi awarded u jinbeda x-xogħol rikjest minn din l-imsemmija tender? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub (sena u xahar) li dan is-sit jinfetaħ bħala park għall-familji kif imwiegħed mill-Gvern?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 14174.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16995, jista' l-Ministru jwieġeb u jgħid meta (jum) Transport Malta għamlet rapport lill-Pulizija dwar is-cyber attack?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, l-pulizija ġiet infurmata l-Ħadd, 27 ta’ Settembru 2020.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-lokalitajiet li fihom beda jitħaddem il-kunċett tal-Community Policing, liema kunċett kien ipproponut mill-Oppożizzjoni kważi tliet snin ilu waqt ir-riforma tal-Kunsilli Lokali, u, f’dawn l-istess lokalitajiet, kemm ġew magħluqa għases tal-Pulizija bħal kif ġara fil-lokalità tal-Mellieħa?
Response (CAMILLERI, BYRON)
L-onorevoli interpellant suppost jaf kemm tassew kienet tkun miftuħa l-għassa tal-Mellieħa tul is-snin u għalhekk irrid ngħid li grazzi għall-proġett tal-pulizija tal-komunità llum ir-residenti tal-Mellieħa jgawdu minn preżenza tal-pulizija li hi ikbar minn qatt qabel.
It-tim tal-pulizija tal-komunità huwa wkoll assistit minn taqsimiet oħra tal-Korp tal-Pulizija skont il-ħtieġa, inkluż b’patrols f’ħinijiet differenti.
Anke jekk ir-residenti diġa’ huma moqdija aħjar minn qabel il-Ministeru jibqa’ miftuħ għad-djalogu mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa dwar kif nistgħu nibqgħu nsaħħu l-preżenza tal-pulizija f’dan ir-raħal, b’mod partikolari permezz tat-tim tal-pulizija tal-komunità.
Irrid ngħid li l-istrateġija dwar l-għases tal-pulizija mhix esklussivament marbuta mal-estensjoni tal-proġett tal-Pulizija tal-Komunità.
L-għases ewlenin tal-Korp tal-Pulizija se jibqgħu miftuħa 24 siegħa kuljum u dawn qedgħin hemm biex jaqdu żona tal-pajjiż u mhux biss il-lokalità li jkunu qegħdin fiha.
F’każi fejn l-għases jibqgħu miftuħa skont l-esiġenzi u mhux il-ħin kollu ġie installat servizz ta’ ‘intercom’ li hu mqabbad 24 siegħa kuljum mal-Control Room fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, minn fejn kull assistenza tingħata skont kif mitlub jew meħtieġ. Ħafna mir-rapporti jistgħu jsiru wkoll permezz tat-telephone jew mezzi elettroniċi oħra.
Intant, kif kelli ċans nispjega għal iktar minn darba l-viżjoni tal-Korp tal-Pulizija hi li jkun hemm preżenza ikbar ta’ pulizija fit-toroq.
Kien għalhekk li fl-aħħar ġimgħat estendejna l-proġett tal-pulizija tal-komunità u fil-baġit għas-sena d-dieħla ħabbarna li se nkomplu nestenduh.
Il-Mellieħa — Ċentru ta’ Matul il-Jum - attendenza
Question
Jista’ l-Ministru jindika kemm kienet l-attendenza fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-lokalità tal-Mellieħa xahar b’xahar bejn Jannar 2020 sa Ottubru 2020?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed tiġi indikata l-attendenza fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-Lokalità tal-Mellieħa kif mitlub fit-tabella t’hawn taħt:
Xahar
Jannar
Frar
Marzu
April
Mejju
Ġunju
Lulju
Awissu
Settembru
Ottubru
Attendenza
170
170
170
Magħluq
Magħluq
Magħluq
88
88
56
56
Matul parti mix-xahar ta’ Marzu, April, Mejju u Ġunju ta’ din is-sena, iċ-Ċentri Anzjanità Attiva kienu magħluqa minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Ħafna anzjani naqsu fiċ-ċentri kollha minħabba l-miżuri dwar restrizzjoni ta’ gruppi ta’ mhux aktar minn sitt persuni. L-impjegati taċ-ċentru qed ikomplu jżommu kuntatt magħhom permezz ta’ gruppi fuq is-social media u permezz ta’ telefonati.
Il-Mellieħa — Ċentru ta’ Matul il-Jum – post oriġinali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-Mellieħa jerġa’ lura għal post oriġinali tiegħu f’Dar il-Madonna tal-Mellieħa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ċ-Ċentru ċċaqlaq mid-Dar il-Madonna tal-Mellieħa peress li ċ-ċentru qed jintuża biex isiru żjarat lir-residenti tad-dar tal-anzjani. Iċ-ċentru jkun jista’ jerġa’ lura fejn kien meta s-sitwazzjoni titjieb u l-visti tar-residenti jkunu jistgħu jerġgħu jibdew isiru fid-dar residenzjali.
Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar — tilqim tal-influwenza
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta (ġurnata u xahar) se jerġgħu jibdew jingħataw it-tilqim tal-influwenza fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu se tkun qed tingħata fiż-żmien li ġej. Nfakkar lill-Onorevoli Interpellant illi sa issa diġà ngħataw 100,000 vaċċin tal-influwenza u se jkun hemm 150,000 vaċċin ieħor disponibbli fil-gżejjer tagħna.
Peress li l-faċilità li tittrasforma l-iskart f’enerġija hija inkluża wkoll fid-dokument ta’ policies u miżuri tan-National Air Pollution Control Programme (NAPCP); jista’ l-Ministru jgħid taħt liema kriterju ġiet inkluża meta bħalissa ma nafux x’tip ta’ skart se jiġi trattat u x’tip ta’ emissjonijiet se tipproduċi l-faċilità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-National Air Pollution Control Programme (NAPCP) għandu jikkunsidra emissjonijiet tal-arja proġettati sal-2020 u 2030. Wieħed mis-setturi li jiġu proġettati huwa dak tal-immaniġjar tal-iskart. Il-faċilità li tittrasforma l-iskart f’enerġija tagħmel parti minn dan is-settur, u għalhekk l-emissjonijiet iridu jiġu inklużi fil-projezzjonijiet tal-inventarju nazzjonali tas-sustanzi ta’ tniġġis, kif ukoll fl-NAPCP. Il-projezzjonijiet dwar l-emissjonijiet minn din il-facilità ġew ibbażati fuq linji gwida li jingħataw apposta mill-Unjoni Ewropea biex jiggwidaw kif isiru l-projezzjonijiet.
NAPCP – konsiderazzjonijiet fuq emissjonijiet ta’ gassijiet perikolużi mis-settur marittimu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħdux xi konsiderazzjonijiet meta ġie abbozzat in-National Air Pollution Control Programme (NAPCP) tal-emissjonijiet ta’ gassijiet perikolużi mis-settur marittimu, partikolarment fil-Port il-Kbir, u l-effetti fuq il-lokalitajiet tal-madwar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l-NACP, fil-waqt li jinkludi kunsiderazzjoni dwar trasport marittimu intern, jeskludi it-trasport marittimu li gej minbarra l-pajjiz u dan ghaliex artiklu 4(3) tan-‘National Emissions Ceiling Directive 2016/2284’, li minnha joħroġ l-obbligu li jsir l-NACP, espliċitament tirrikjedi l-eskluzjoni ta’ dan is-settur. Madankollu dan ma jfissirx li l-Gvern qed jinjora l-impatt li jista’ jħalli dan is-settur fuq il-kwalità tal-arja. Tant hu hekk li kif imħabbar fil-Budget 2021, il-Gvern ser ikun qed jimplimenta proġetti ta’ Arja Nadifa fil-Port il-Kbir u faċilità ta’ ship-to-shore energy għall-Port Ħieles.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri li jagħmlu parti mis-selection board tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS)? Jista’ jgħid kull wieħed mill-membri x'esperjenza u kwalifiki għandu fil-qasam edukattiv u sportiv?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fid-dokument li qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Miżieb u l-Aħrax — Ftehim mal- Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim mal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti li jirrigwardja ż-żoni tal-Miżieb u tal-Aħrax?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 16551 u 16563.
Żoni tal-Miżieb u l-Aħrax – aċċess ħieles għall-pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema xhur ħa jkollu aċċess ħieles il-pubbliku għaż-żoni tal-Miżieb u l-Aħrax u kif ħa jiġi żgurat dan?
Response (FARRUGIA, AARON)
Naħseb li l-informazzjoni li qed jitlob lill-Onor. Interpellant diġà qiegħda fit-tweġibiet li ġa ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 16551 u 16563 fejn tpoġġew fuq il-Mejda tl-Kamra id-dokumenti relattivi kollha. Mill-bqija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Il-Miżieb u l-Aħrax — Ftehim mal- Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim mal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti li jirrigwardja ż-żoni tal-Miżieb u tal-Aħrax?